
L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ġesù huwa konkret ħafna fuq l-imħabba ta’ bejnietna. Hu jmur għal xi ħaġa li b’xi mod hi l-qalb tar-relazzjoni ta’ bejnietna: kif naħsbu f’xulxin, kif nitkellmu dwar xulxin u kif nindirizzaw lil xulxin.
Ilkoll tolqotna l-kelma tiegħu li nħossuha kważi esaġerata li “xi ħadd lil ħuh jgħidlu, ‘Ġifa’, ikun ħaqqu l-kundanna tas-Sinedriju; u jekk jgħidlu, ‘Iblah’, ikun ħaqqu n-nar tal-infern” (Mt 5:22) għax għalina dawn l-insulti, ħdejn dak li hemm fuq l-internet u s-social media, huma innoċenti. Kif iħares lejn il-mod li aħna nużaw il-kliem għal xulxin Ġesù fid-dawl ta’ din il-kelma?
Qegħdin f’sitwazzjoni fejn f’dinja virtwali, inti forsi tkun nieqsa mill-kuntatt personali ma’ dak li jkun, imma xorta kapaċi tuża kliem iebes. Jew jekk ma tużahx inti, xorta tgħaddi kumment lil ħaddieħor, biex nidħku ftit ngħidu aħna. U iva, mhux ċajta ħelwa? Ir-realtà ta’ bejnietna mbagħad ma ssirx realtà iżjed diffiċli u b’xi mod realtà avvelenata?
Il-Papa Franġisku jħobb jisħaq ħafna dwar il-ħsara li jagħmel iz-zekzik. Ħafna drabi meta nzekzku ma jkollniex il-kuraġġ nikkonfrontaw is-suġġett tad-diskors imma l-ħaġa ddur ma’ dak li jkun. Ara x’għamlet dik! Smajt xi ġralu dak? Bejnietna, ta…
U l-ikbar affarijiet jixterrdu b’mod faċli ħafna billi kulħadd jgħid: ‘bejni u bejnek, bejnietna’.
Il-Papa jisħaq ħafna fuq din għax ra wisq komunitajiet u realtajiet ta’ xogħol u ħidmiet jitfarrku minħabba z-zekzik. Mentri l-lealtà hi li jiena għandi xi ħaġa li nixtieq ngħidlek, mhux biex numiljak. L-ewwel nett b’liema spirtu nikkonfrontak personalment, u jiena biex nikkonfrontak hemm bżonn ngħajrek? Hemm bżonn nuża kliem iebes?
Ġesù jirrealizza wkoll li l-kliem jista’ joqtol, jista’ joqtlok. Aħna nistgħu noqtlu persuna mingħajr ma nużaw stallett jew xkubetta jew azzarin. Għax bniedem toqtlu, imma toqtollu l-ġieħ tiegħu, x’jibqagħlu? Bil-kliem ta’ bejnietna, kemm hu importanti forsi dan ir-Randan (mhux qed ngħidilkom ninsew is-sawm tal-ikel – dak hu istint qawwi li nippruvaw naħdmu fuqu u jgħinna għal affarijiet oħra fil-ħajja tagħna) li nsumu minn ċertu kliem. Huwa sawm iżjed diffiċli.
Jiena jolqotni l-fatt li Ġesù, meta jitkellem dwar il-mod kif nikkomunikaw ma’ xulxin, jgħaqqadha propju mal-qtil. Hemm dal-passaġġ: “‘La toqtolx.’ Mela jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna. Imma jien ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh” (Mt 5:21-22). Imbagħad jitkellem mill-ewwel fuq il-mod kif inti tindirizza lil ħuk. Ta’ min naħsbu fuqha anke għaliex aħna komunità li għandna missjoni. Mhux biss naħdmu flimkien, qed nippruvaw inwasslu servizz, imma hemm bżonn ukoll li r-relazzjonijiet ta’ bejnietna jkunu relazzjonijiet sani.
Allura rridu ngħassu ħafna bil-mod kif nitkellmu fuq xulxin. Anke għaliex aħna nafu bl-esperjenza li l-kelma li jgħidu fuqek, tasallek. Alla jaħfirlu, jagħtih il-glorja tal-ġenna, l-Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca, kien jgħidli: ‘Charlie, ftakarha din: il-grazzi qatra qatra, il-velenu kollu f’daqqa.’ Ftakruha din, anke għall-ġenituri, biex nikkunslaw. ‘Il-grazzi qatra qatra,’ jekk jasal, ‘il-velenu kollu f’daqqa’. Imma dawn huma mumenti li joħolqu tbatija bejnietna u rridu ngħassu fuqhom.
Il-Mulej japprezza ħafna l-kult tagħna. Dun Keith Bonnici meta staqsiena: ‘Imma jien, kif jien ma’ Ġesù?’ Tkellem ukoll fuq aspetti tal-ħajja tat-talb tagħna, il-quddiesa, it-talb quddiem Ġesù Ewkaristija. Imma ma ninsewx li fl-Evanġelju tal-lum Ġesù ma jikkundannahomx dawn l-affarijiet imma jgħidilna: ‘Inti, ma’ ħuk kif int?’ Din id-domanda hi importanti daqskemm hi importanti jien, kif jien ma’ Ġesù? Dik hi domanda importanti ħafna. Imma jiena, kif jien ma’ ħija? Issa ovvjament mhux biss l-aħwa naturali. It-Taljani jgħidu fratelli coltelli, l-aħwa skieken għal xulxin speċjalment jekk ikun hemm l-inkwiet bil-wirt. Imma anke l-kollegi fuq ix-xogħol.
Imma tajjeb nistaqsu kif aħna ma’ Ġesù u ma’ ħuti jew mal-kollegi tiegħi. Jekk hemm xi ħaġa li nirrealizza li nqast fiha, tajjeb nitlob maħfra. Kemm hi diffiċli titlob maħfra! Diffiċli wkoll taħfer imma ħafna drabi diffiċli iżjed titlob maħfra.
Il-Papa jissuġġerixxi tliet kelmiet bħala riċetta għal żwieġ hieni – ‘Please, thank you u sorry’. Imma iżjed ma naħseb fuqhom – jiena nirrepetihom prattikament kull meta niltaqa’ mal-għarajjes f’kull tieġ u mal-miżżewġin – iżjed persważ li huma essenzjali għar-relazzjonijiet umani.
Li tgħid ‘jekk jogħġbok’ u ma tieħu ’l ħadd for granted, anke jekk id-dover tiegħu hu li jaqdik. Meta tgħid ‘jekk jogħġbok’ u ‘grazzi’ qed tapprezza l-isforz tal-ħidma ta’ dik il-persuna. Kemm aħna xħaħ fil-gratitudni għal xulxin! Inti tgħid: dak mhux għalhekk jitħallas? Dik mhux id-dover tagħha qed tagħmel? Imma x’fiha?
Il-grazzi ma jiswiex flus imma jimla l-qalb.
U din mhix biss għaż-żwieġ jew għall-għarajjes imma għar-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Għid ‘grazzi’. Kemm hi ħaġa sempliċi imma tant tagħti togħma tajba fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna! Aħna l-Maltin, anke kulturi Mediterranji, ma tantx qiegħda fil-vokabolarju tagħna din. Imma hemm bżonn nintroduċuha. Ġa jagħmluha l-ġenituri bil-għaqal. L-ewwel kliem li jgħallmu lit-tfal ġeneralment huma dawn it-tliet kelmiet. U dil-ħaġa titgħallimha, ma titwelidx tafha. Donnhom mhumiex qegħdin fin-natura tagħna, irridu nitgħallmuhom. Huma miżura ta’ ċiviltà.
Ġesù wkoll jitkellem fuq dan l-imbierek tribunal – il-qorti. Il-qrati tal-bnedmin kollha fallibbli. Imma hemm tribunal li mhux fallibbli – dak ta’ Alla li jara l-qalb. San Ġorġ Preca kien għaref biżżejjed li lill-Mulej kien jgħidlu: ‘aħfirli qabel tiġġudikani.’ Waħda mill-isbaħ talbiet għax jekk ħafirlek, il-ġudizzju se jkun eħfef, mhux hekk? B’xi mod Ġesù juża din l-immaġni tat-triq fl-aħħar biċċa tal-lum tal-Evanġelju ta’ San Mattew, kap. 5. Qegħdin fit-triq. Xi ħadd se jtellagħni l-qorti. Jiena miexi lejn il-qorti ta’ vera, it-tribunal tal-imħabba tal-Mulej, dik il-qorti ta’ vera. Tal-bnedmin min ibigħ u min jixtri. “Ħudu bil-kelma t-tajba lil ħuk” (Mt 5:25) – mexjin flimkien. Dik ukoll sinodalità, mexjin flimkien lejn il-qorti, pellegrinaġġ lejn it-tribunal ta’ Alla. Mhux aħjar nirranġaw bejnietna qabel naslu?
Il-Mulej jinsisti li qabel ir-ritwal hemm il-paċi ta’ bejnietna. Jekk tinduna li “ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek” (Mt 5:23) għax forsi nqastu, aqbad u rranġa l-gwaj tiegħek. Issa dan mhux dejjem possibbli għax jista’ jkun li ħuk ma jridx jirranġa.
Tiftakru meta kien hemm tnejn kellhom kwistjoni fuq il-wirt u marru quddiem Ġesù. U Ġesù rrifjuta jiġġudika bejniethom. L-Iben t’Alla magħmul bniedem, Verb Inkarnat, ma riedx jidħol fiha dil-biċċa xogħol għax qal din kobba mħabbla li lanqas l-Iben t’Alla ma jsolviha. Qalilhom “min qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?” (Lq 12:14). Bagħathom ’l hemm. U ħafna drabi aħna nagħmlu ħajjitna ninkeddu fuq ħabel art, fuq ħajta deheb, fuq xi kont il-bank u nagħmlu ħajjitna u nirvinawha bl-aċtu fl-istonku, imbagħad tispiċċa ħajjitna. U x’se nieħdu magħna? Xi nkunu ħadna magħna?
Ħaġa oħra li jħobb jgħid il-Papa Franġisku: ‘il-kefen m’għandux bwiet.’ Jekk ikeffnuk! Kemm hi vera l-kelma ta’ Ġesù li nieħdu ħsieb tagħna nfusna issa, mhux għada, issa! U din jitlobha minna bħala parti mir-relazzjoni tagħna miegħu, għalih hija iżjed importanti mill-kult jew mill-kurunelli u r-rużarji kollha li nistgħu ngħidu. Ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna huma l-importanti.
Nitolbuh aħna u mexjin lejn it-tribunal tal-verità, tal-ħniena u l-imħabba tiegħu, li aħna din il-ħaġa ngħixuha minn qabel għax Alla hu ġust. Jekk inti wrejt ħniena, se joqgħod ifittex miegħek? Le! Ma jfittixx għax Alla huwa ġust. Din l-idea li Alla huwa ġust, tant li jkun inġust, hija stupida. Għal dnub żgħir, Alla mhux se jinsa t-tajjeb kollu li għamilt – mhux kapaċi jagħmel hekk – għax Alla huwa ġust. U l-loġika tagħna ġejja mingħandu.
Alla jiżen il-qalb allura jiżen il-mod kif nitrattaw lil xulxin.
Dik l-insistenza li kellna wkoll fl-Evanġelju. Jekk intom ma taħfrux mill-qalb lil ħutkom lanqas Missierkom ma jaħfrilkom (ara Mt 5:25-26). Għaliex? Għax ma jridx? Għaliex waqt li inti qed tagħlaq qalbek għal ħuk, għalaqt qalbek għall-ħniena ta’ Alla. Dak il-bieb miftuħ, biex jiena ngawdi lil dan Alla billi niftaħ qalbi għal ħija u għal oħti. U b’dak il-bieb miftuħ tidħol il-ħniena ta’ Alla għalija u għalik.
Issa tgħidli: il-bieb tliftha ċ-ċavetta. Ma jimpurtax, imqar velestrun, jirranġa, iftaħlu. Tlift iċ-ċavetta tal-bieb? Ma jimpurtax. Għandek diffikultà biex taħfer għax il-weġgħa hija kbira? Għidlu: Mulej, m’iniex kapaċi. Dak velestrun, iftaħ.
Il-Mulej kapaċi jagħmel ħwejjeġ kbar. U meta jkollna dawn id-diffikultajiet fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, ngħidulu l-Mulej: ‘Mulej, kemm hu diffiċli. Kemm hi mbierka bl-antipatija dik il-persuna!’
U kultant il-Mulej jibgħatilna ’l xi ħadd ta’ xiex ngħidu ‘grazzi’. Grazzi, Mulej. Imma ħafna drabi wkoll ma ninsewx l-għerf ispirat minn San Ġwann tas-Salib: ‘Fejn m’hemmx imħabba, qiegħed int l-imħabba u ssib l-imħabba.’
Inti jista’ jkun tidħol f’ambjent biered u tħoss li m’hemmx imħabba. X’inhi r-reazzjoni? Taħrab? Le, fejn m’hemmx imħabba poġġi l-imħabba u ssib l-imħabba.
Issa kif għallimna l-Benedittin, nagħmlu ftit silenzju ta’ vera.
✠ Charles Jude Scicluna
Archbishop of Malta
Il-Qari tal-Quddiesa
Qari I: Eżek 18:21-28
Responsorju: Salm 129(130):1-2,3-4ab,4ċ-6,7-8
L-Evanġelju: Mt 5:20-26




