
L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek” (Salm 63:3). Hekk tlabna fis-Salm illum. Kliem li jgħodd ħafna għax qed niċċelebraw jum ta’ ringrazzjament speċjali.
Mitt sena ilu, tqiegħdet l-ewwel ġebla ta’ din il-knisja parrokkjali. Dawk li nġabru għal dik l-okkażjoni, u dawk li ħadmu biex bnew ġebla fuq oħra, ma setgħux jimmaġinaw għalkollox il-ġenerazzjonijiet li kienu se jiġu warajhom.
Illum nirringrazzjaw lil Alla għalihom. Qalbna mimlija gratitudni għal dawk li bil-fidi, bil-ġenerożità, b’sagrifiċċju u l-ħidma tagħhom, għamlu din il-knisja possibbli, biex serviet lil tant nies.
Il-bini
Kif tfakkarna l-Kelma ta’ Alla, illum qegħdin niċċelebraw ħafna aktar mill-anniversarju ta’ bini. San Pietru jgħidilna: “Intom ukoll, bħal ġebel ħaj, ibnu ruħkom f’dar spiritwali, saċerdozju qaddis, biex toffru sagrifiċċji spiritwali, li jogħġbu lil Alla permezz ta’ Ġesù Kristu” (1 Pietru 2:5). U mbagħad jitkellem dwar Kristu bħala l-ġebla tax-xewka magħżula u prezzjuża: “Ara, jien inqiegħed f’Sijon ġebla, ġebla tax-xewka magħżula u prezzjuża; u min jemmen fiha ma jkollux għalfejn jistħi” (1 Pietru 2:6).
Dan il-kliem jgħinna nifhmu t-tifsira l-aktar profonda ta’ dan iċ-ċentinarju. Mitt sena ilu, tqiegħdet ġebla fl-art. Illum, il-Knisja qed titlobna nħarsu lil hinn minn dik il-ġebla, u l-bini li nbena fuqha. Għax il-Knisja vera mhijiex mibnija biss bil-ġebel, imma bil-persuni. Aħna, fi kliem San Pietru, il-“ġebel ħaj”. Aħna, li ġejna mgħammda fi Kristu, imsejħin biex flimkien insiru d-dar spiritwali ta’ Alla.
Is-sbuħija ta’ din il-knisja hija importanti. Il-ħitan tagħha jitkellmu magħna dwar il-fidi ta’ dawk li ġew qabilna. Iżda l-bini waħdu ma jagħmilx komunità ħajja. Komunità ssir tassew ħajja meta l-poplu tagħha jgħix l-Evanġelju: meta jitlob, jaħfer, jaqdi, jilqa’, jaqsam ma’ ħaddieħor, jagħmel sagrifiċċji, u jħobb.
Għalhekk kull ġenerazzjoni għandha tistaqsi lilha nnifisha: x’qegħdin nibnu? Il-ġenerazzjoni li qiegħdet l-ewwel ġebla tatna knisja, li fiha aħna mistednin niġu dejjem biex niċċelebraw il-fidi tagħna. Għalihom il-bini kien ifisser il-post fejn jiltaqgħu mal-Mulej, biex jistgħu jgħixu flimkien il-ħajja Nisranija. X’qegħdin nagħtu aħna lill-ġenerazzjonijiet li se jiġu warajna? Aħna msejħin biex ma nħallux biss bini, imma wkoll fidi ħajja, bħalma għaddewlna ta’ qabilna. Biex waqt li nieħdu ħsieb id-dar ta’ Alla, kif għandna nagħmlu, qatt ma ninsew li nsiru aħna l-poplu ta’ Alla.
Il-pedament
San Pietru jfakkarna li Kristu nnifsu huwa l-“ġebla tax-xewka”. Dan huwa essenzjali. Bini jista’ jibqa’ wieqaf biss jekk il-pedamenti tiegħu jkunu sodi. Bl-istess mod, parroċċa, familja jew ħajja ta’ persuna ma jistgħux jibqgħu sodi jekk Kristu ma jibqax fiċ-ċentru.
U dan iwassalna għall-Evanġelju tal-lum. Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu li kellu jmur Ġerusalemm, ibati ħafna, jiġi miċħud, jinqatel, u fit-tielet jum iqum mill-imwiet. Pietru ma setax jaċċetta dan. Huwa ħa lil Ġesù fil-ġenb u qallu: “Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi mingħalik!” (Mt 16:22)
Iżda Ġesù dar lejn Pietru u qallu kliem qawwi ħafna: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan! Inti tfixkil għalija!” (Mt 16:23) Għaliex din ir-reazzjoni tant qawwija? Għax Pietru ried lil Kristu mingħajr is-salib. Ried il-glorja mingħajr it-tbatija, is-suċċess mingħajr is-sagrifiċċju, u Messija mingħajr imħabba li tingħata b’mod sħiħ. Iżda Ġesù jagħmilha ċara li ma hemmx ħajja Nisranija mingħajr is-salib. Pietru kellu jifhmu sew dan, u jkun dak li jħabbar din l-Aħbar it-Tajba u jbati għall-Mulej, sa fil-ktajjen.
Is-sagrifiċċju
Imbagħad Ġesù jgħid: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu u jimxi warajja” (Mt 16:24). Dan il-kliem huwa importanti ħafna hekk kif niċċelebraw mitt sena ta’ din il-knisja. Din il-knisja nnifisha hija xhieda ta’ nies li fehmu li l-fidi titlob is-sagrifiċċju. Ma nbnietx mingħajr sforz. Ma nbnietx mingħajr ġenerożità. Wara kull ġebla kien hemm sagrifiċċji: flus mogħtija, xogħol offrut, ħin mogħti, diffikultajiet waqt ix-xogħol, u talb magħmul. Il-knisja li writna hija l-frott ta’ nies li kienu lesti jerfgħu s-salib tagħhom għal xi ħaġa akbar minnhom infushom.
U issa l-isfida tgħaddi għandna, biex inkunu lesti llum nagħmlu s-sagrifiċċji neċessarji sabiex inżommu l-fidi ħajja. Huwa faċli li niċċelebraw il-passat. Huwa aktar impenjattiv li naċċettaw ir-responsabbiltà għall-futur. Nistgħu nammiraw lil dawk li bnew din il-knisja, iżda llum il-Mulej qed jistedinna biex insiru aħna wkoll bennejja.
Forsi l-ġebel li aħna msejħin inqiegħdu llum ma jkunx dejjem viżibbli. Jista’ jkun il-ġebla tas-sabar f’sitwazzjoni familjari diffiċli; il-ġebla tal-maħfra wara weġgħa kbira; il-ġebla tal-fedeltà meta l-fidi ma tibqax moda; il-ġebla tas-servizz lill-anzjani u lil dawk li huma waħedhom; il-ġebla tal-merħba lill-barrani; il-ġebla tal-kuraġġ biex niddefendu dak li hu sewwa; il-ġebla tat-talb biex il-Mulej imexxina f’ħajjitna. Dan huwa l-ġebel ħaj li bih Alla jkompli jibni l-Knisja tiegħu.
L-għaqda
Hawn lezzjoni oħra importanti. Ġebla waħedha hija biss ġebla. Iżda meta l-ġebel jingħaqad flimkien, isir dar. L-ewwel ġebla ta’ mitt sena ilu ma baqgħetx waħedha. Bl-istess mod, ħadd minna ma jista’ jkun il-Knisja waħdu. Għandna bżonn lil xulxin. Iż-żgħażagħ għandhom bżonn l-għerf tal-kbar; il-kbar għandhom bżonn it-tama u l-enerġija taż-żgħażagħ. Il-familji, ir-reliġjużi, is-saċerdoti, il-katekisti, it-tfal, il-ħaddiema, l-għaqdiet, dawk li huma b’saħħithom u dawk li jħossuhom dgħajfa, kulħadd għandu post fil-bini tad-dar ta’ Alla.
Ma hemmx ġebel inutli fil-Knisja. Kull min huwa mgħammed għandu postu. Kull persuna għandha don, għandha vokazzjoni. U anki l-ġebla li tidher żgħira jew moħbija tista’ tkun essenzjali għas-saħħa tal-bini kollu.
Il-futur
Iċ-ċentinarju tat-tqegħid ta’ din l-ewwel ġebla, għalhekk, mhuwiex sempliċement okkażjoni biex inħarsu lura. Huwa sejħa biex inħarsu ’l quddiem bil-fidi. L-ewwel ġenerazzjoni qiegħdet pedament fiżiku. Ir-responsabbiltà tagħna hija li nsaħħu l-pedament spiritwali. Huma bnew il-knisja. Aħna rridu nkomplu nibnu l-Knisja – il-familja ta’ Alla. Hekk kif niċċelebraw dan iċ-ċentinarju llum, u mexjin lejn iċ-ċelebrazzjoni s-sena d-dieħla tal-ħamsin sena mill-konsagrazzjoni tal-knisja, ejjew nagħtu ħajr lil Alla għall-passat, iżda wkoll nafdaw f’idejh il-futur.
Nixtieq ngħid hawnhekk kemm hi sabiħa l-inizjattiva li jkun hemm mitt persuna li titlob għall-parroċċa kontinwament. Ningħaqdu magħhom, u nitolbu sabiex ma nkunux sempliċement kustodji ta’ bini sabiħ, imma tassew insiru Knisja ħajja.
Jalla dan iċ-ċentinarju jġedded il-fidi tagħna fi Kristu, il-ġebla tax-xewka. Jalla jsaħħaħ l-għaqda tagħna bħala ġebel ħaj. U meta ġenerazzjoni oħra tinġabar hawnhekk, jalla tkun tista’ tagħti ħajr mhux biss għax aħna ħarisna l-knisja li ġiet fdata lilna, imma għax għaddejna fidi ħajja, kuraġġuża u ġeneruża. Jalla din il-knisja tkompli tkun, għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin, dar ta’ talb, post ta’ ħniena, komunità ta’ mħabba, u sinjal ħaj li Ġesù Kristu huwa l-Mulej.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




