• Nhar il‑Ġimgħa, 24 ta’ Novembru 2017, hu l‑ħames anniversarju tal‑ordinazzjoni episkopali tal‑Arċisqof Charles J. Scicluna. Għal dan il‑għan, il‑Knisja tħeġġeġ lill‑Insara biex dakinhar jitolbu għal Mons. Arċisqof biex il‑Mulej jagħtih l‑għajnuna meħtieġa fil‑qadi tal‑ministeru tiegħu bħala r‑Ragħaj tal‑Knisja f’Malta.

      Dakinhar tal‑anniversarju, fis‑6:30 p.m., l‑Arċisqof ser jiċċelebra Quddiesa fil‑Knisja Arċipretali tal‑Mosta, fil‑bidu tal‑Assemblea Djoċesana 2017. Kulħadd hu mistieden jingħaqad mal‑Arċisqof għal din il‑Quddiesa.

  • Il‑Ġimgħa wkoll, matul l‑Assemblea Djoċesana li ser issir fil‑Katekumenju, il‑Mosta, ser jitnieda ‘Kelma ta’ Ħabib’, it‑tieni volum tal‑ktieb bid‑diskorsi u l‑omeliji tal‑Arċisqof Scicluna. Dan il‑ktieb ta’ aktar minn 700 paġna, inkluż 50 paġna ta’ ritratti, jiġbor id‑diskorsi li saru bejn Novembru 2015 u l‑Festa ta’ Kristu Sultan 2016. Il‑ktieb jinkludi bosta riflessjonijiet dwar il‑ħniena ta’ Alla, fid‑dawl tal‑Ġublew Straordinarju tal‑Ħniena li sejjaħ il‑Papa Franġisku. Fid‑diskors tiegħu, Mons. Scicluna jitkellem dwar diversi realtajiet importanti partikolarment għas‑soċjetà Maltija, fosthom l‑ambjent, il‑valuri tad‑djalogu, l‑għaqda, il‑libertà u l‑karità. Il‑ktieb jinkludi wkoll l‑aħħar tislima lill‑Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca.

    Il‑ktieb fih indiċi analatiku li jgħin lill‑qarrej isib it‑tagħlim tal‑Arċisqof fuq suġġett partikolari, u numru ta’ QR codes (Quick Response), fejn bl‑użu tal‑ismartphone l‑qarrej jista’ jara wkoll l‑filmat taċ‑ċelebrazzjoni fuq YouTube.

    Dan il‑ktieb huwa ta’ ispirazzjoni u joffri għajnuna biex in‑Nisrani u kull bniedem ta’ rieda tajba jimxi fit‑triq tal‑fedeltà u tal‑verità.

    ‘Kelma ta’ Ħabib’ jinbiegħ għall‑prezz ta’ €15 u jista’ jinxtara matul l‑Assemblea Djoċesana jew mill‑Kurja tal‑Arċisqof, il‑Furjana. Il‑ktieb huwa sponsorjat mill‑APS Bank.