Photos and videos: Miguela Xuereb
Qatt smajt b’Dun Beningo Zerafa?
Ma nafux kif jidher imma nafu li kien kompożitur ta’ stoffa li fi żmienu kien iħabbatha mal-figuri magħrufa internazzjonalment fid-dinja tal-mużika.
Dis-sena l-Arkivji tal-Katidral tal-Imdina qed jiċċelebraw it-300 anniversarju mit-twelid ta’ Dun Benigno Zerafa (1726–1804), wieħed mill-kompożituri Maltin importanti tas-seklu tmintax u Maestro di Cappella tal-Katidral tal-Imdina.
Newsbook Malta ltaqa’ mal-arkivisiti Mario Gauci, Elena Muscat u Danica Abela li b’tant dedikazzjoni jieħdu ħsieb dan il-post biex iżommu fi stat tajjeb l-arkivji u fil-proċess jiskopru aktar dwar min kien Dun Beningno Zerafa. Huma qasmu magħna wkoll kif se jitfakkar il-legat tiegħu filwaqt li stajna naraw librerija ġdida li saret fi żmien il-pandemija.
Ta’ min wieħed isemmi li l-Arkivji tal-Katidral tal-Imdina huma wieħed mir-repożitorji storiċi ewlenin ta’ Malta, li jħarsu l-wirt mużikali u kulturali tal-Katidral ta’ San Pawl fl-Imdina u tal-Kapitlu Metropolitan tal-Imdina. Il-kollezzjonijiet tagħhom ikopru sekli ta’ storja reliġjuża, soċjali, artistika u mużikali, u jinkludu eluf ta’ manuskritti u dokumenti li jipprovdu għarfien imprezzabbli dwar il-ħajja tal-Katidral u tal-komunità usa’ fosthom dwar ħajjet Zerafa.
Wirja, konferenza u kunċert biex jitfakkar il-legat ta’ Zerafa
Permezz ta’ programm ta’ wirjiet, attivitajiet akkademiċi, pubblikazzjonijiet, inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni u wirjiet mużikali, il-proġett Benigno Zerafa 300th Anniversary qed iwassal il-ħajja, il-mużika u l-legat tiegħu għand udjenza usa’.
Iċ-ċelebrazzjonijiet joffru opportunità biex Zerafa jiġi esplorat mhux biss bħala kompożitur, iżda wkoll fil-kuntest tal-ħajja kulturali u mużikali usa’ tal-Imdina fis-seklu tmintax.
Il-manuskritti, id-dokumenti u x-xogħlijiet mużikali tiegħu li jinsabu fl-Arkivji tal-Katidral tal-Imdina jipprovdu ħarsa unika lejn it-tradizzjonijiet mużikali tal-Katidral u l-ambjent artistiku li fih ħadem. Skoprejna li kien ikun ikkummissjonat jieħu ħsieb il-mużika meta jkun hemm il-ħatra ta’ xi isqof jew granmastru. Fost il-materjal prezzjuż li jinsab fl-Arkivji hemm manuskritti mużikali, rekords amministrattivi, dokumenti notarili u episkopali, kif ukoll materjal relatat mal-Inkwiżizzjoni Rumana u mal-Pro-Vigarju tal-Imdina.
L-Arkivji ilhom miftuħa għar-riċerkaturi mill-1968, u llum, wara r-restawr tal-bini storiku tagħhom u l-ħolqien ta’ spazju ġdid għall-wirjiet, ikomplu jħarsu l-kollezzjonijiet tagħhom filwaqt li jagħmlu l-wirt ta’ Malta aċċessibbli għar-riċerkaturi, l-istudenti u l-pubbliku ġenerali.
Dawn se jitgawdew fi tmiem din il-ġdid, għax il-wirja u l-binja se jkunu miftuħin fl-10 u l-11 ta’ Ottubru 2026.
Din se tkun l-ewwel darba li l-ispazju l-ġdid għall-wirjiet fl-Arkivji tal-Katidral tal-Imdina se jinfetaħ għall-pubbliku. Fil-5 ta’ Novembru se jsir seminar bis-sehem ta’ mistiedna internazzjonali filwaqt li fis-7 ta’ Novembru se jsir kunċert bis-sehem tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u solisti barranin li se jdoqqu u jkantaw uħud mis-siltiet ta’ Zerafa.
Il-wirja ġiet ikkurata apposta għaċ-ċelebrazzjonijiet tat-300 anniversarju u tlaqqa’ flimkien għażla ta’ manuskritti, dokumenti mill-arkivji u materjal relatat mal-ħajja, ix-xogħol u l- mużika ta’ Zerafa.F’dawn il-jiem weħed jista’ jiltaqa’ ma’ membri tat-tim tal-Arkivji u ma’ voluntiera li se jagħtu introduzzjoni għall-kollezzjonijiet tal-arkivji u għall-proċessi involuti fil-preservazzjoni, l-istudju u l-aċċessibbiltà ta’ dan il-wirt.
Source: Newsbook.com.mt
Article written by Gabriel Lia




