
Id-Dar tal-Pubblikazzjoni tal-Vatikan ħabbret li se jiġu ppubblikati l-ħsibijiet u n-noti personali li l-Papa Franġisku kiteb u żamm għal aktar minn tliet diċennji.
Il-ktieb The Private Diary of Pope Francis, miktub mill-Kardinal Víctor Manuel Fernández, Prefett tad-Dekasteru għad-Duttrina tal-Fidi, se jiġi pubblikat fl-24 ta’ Novembru 2026.
Din il-ġabra se tiġbor bosta noti li l-Papa Franġisku kiteb bejn l-20 ta’ Diċembru 1992 u t-18 ta’ Awwissu 2024. Dan ifisser li l-kitbiet imorru lura għaż-żmien meta kien għadu saċerdot u Isqof fl-Arġentina, sal-aħħar snin tal-pontifikat tiegħu.
Skont il-Vatikan, il-pubblikazzjoni għandha toffri perspettiva aktar personali fuq il-personalità u l-ħajja spiritwali tal-Papa li mexxa lill-Knisja Kattolika bejn it-13 ta’ Marzu 2013 u l-20 ta’ April 2025.
In-noti ta’ Bergoglio
Il-ktieb mhux se jkun sempliċiment ġabra ta’ kitbiet personali. Il-Kardinal Fernández se jkun qiegħed jiżviluppa dawn in-noti sabiex b’hekk jipprova jagħti kuntest lill-ħsibijiet li l-Papa Franġisku kien qed jikteb matul is-snin.
Apparti li l-Kardinal Fernández hu teologu Arġentin, huwa kien ukoll wieħed mill-kollaboraturi qrib tal-Papa Franġisku.
Id-direttur editorjali tad-Dekasteru għall-Komunikazzjoni Andrea Tornielli qal li l-ktieb jista’ jgħin lill-qarrejja jifhmu “saħansitra aktar fil-fond” il-ħajja interna tal-Papa Arġentin.
Il-pubblikazzjoni se tkun maħruġa immedjatament f’ħames lingwi u mxerrda f’94 pajjiż.
L-edizzjoni Taljana se tkun ippubblikata mid-Dar tal-Pubblikazzjoni Vatikana, filwaqt li l-edizzjonijiet bl-Ingliż, bl-Ispanjol u bil-Portugiż se joħorġu permezz ta’ fergħat ta’ Penguin Random House. L-edizzjoni Franċiża se tkun ippubblikata minn Éditions Albin Michel. Id-Dar qalet li l-pubblikazzjoni tifforma parti mill-ħidma tagħha biex tagħmel il-kitbiet u l-ħsibijiet tal-Papiet aċċessibbli għall-qarrejja madwar id-dinja.
Il-ktieb se jiġi ppreżentat ukoll lill-pubblikaturi internazzjonali waqt il-Fiera tal-Ktieb ta’ Frankfurt, li se ssir bejn is-7 u l-11 ta’ Ottubru.
Sors: Newsbook Malta




