L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Matul is-sekli l-poplu Nisrani ngħata diversi sinjali tal-preżenza reali ta’ Ġesù taħt ix-xbihat tal-ħobż u tal-inbid. Il-festa tal-lum, festa antika ta’ madwar 800 sena, ġiet mifruxa mad-dinja Kattolika kollha mill-Papa Urbanu IV wara avveniment straordinarju li ġara waqt quddiesa ħdejn il-Lago di Bolsena. Saċerdot Brażiljan, waqt li kien qed iqaddes, kien itturmentat mid-dubju jekk dak li qal Ġesù kienx veru. Meta refa’ l-ostja minnha ħarġu qtar tad-demm li waqgħu fuq dik il-biċċa drapp li aħna npoġġu fuq l-artal u li ngħidulha ‘l-korporal’ propju għax tilqa’ l-ġisem, il-corpus, tal-Mulej. U dak id-demm imċarċar mill-ostja waqt l-elevazzjoni baqa’ miżmum fuq dan il-korporal. Il-korporal għadu magħna sal-lum u nbena l-Katidral Duomo ta’ Orvieto biex iżomm din il-biċċa drapp tant għażiża.

Il-Papa ta’ dak iż-żmien — qegħdin fl-1200 -1300 — iddeċieda li jagħmel festa li aħna fiha l-Insara Kattoliċi nistqarru l-fidi tagħna fil-preżenza ħajja ta’ Ġesù taħt ix-xbihat tal-ħobż u tal-inbid. Diffiċli nemmnu li l-Mulej jagħżel dawn l-elementi tant fraġli u permezz tagħhom huma u jinbidlu fil-ġisem u d-demm tiegħu, ikun magħna. Għalhekk nifhmu l-qawwa li ta lill-appostli u, permezz tagħhom lis-saċerdoti tagħna, u li minkejja d-dnubiet tagħhom u d-dgħufija tagħna, li fil-quddiesa nirrepetu fil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu l-kelmiet ta’ Ġesù: “Dan hu ġismi u dan hu demmi”. U l-ħobż u l-inbid isiru l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù.

Il-Papa kien qabbad lil San Tumas d’Akwinu, Dumnikan straordinarjament intelliġenti u qaddis, biex jipprepara t-talb tal-Knisja għal din il-festa. Aħna għadna nitolbu t-talb miktub minn San Tumas d’Akwinu bħalma għamilna llum wara t-tieni qari meta smajna dik il-poeżija pjuttost twila li aħna ngħidulha sekwenza, li fiha San Tumas ġabar it-tagħlim kollu tal-Knisja dwar l-Ewkaristija. Fiha mhux biss ifakkarna fix-xbihat tal-Ewkaristija li nsibu fit-Testment l-Antik, imma jispjegalna dak li għamel Ġesù. Innijiet sbieħ bħal Panis Angelicus, it-Tantum Ergo, u O Salutaris Ostia huma kollha ġejjin minn dan it-talb tal-lum tal-Knisja.

L-Ewkaristija hija dik li tmantina, li tagħtina l-qawwa.

Jiena nixtieq nislet frażi sabiħa minn dan it-talb straordinarjament kommoventi ta’ San Tumas d’Akwinu li jfakkar lilna l-Insara li m’għandniex nibżgħu mid-dgħufija tagħna — jiena ngħid anke mid-dnubiet tagħna — jekk fl-Ewkaristija għandna l-kuntatt ma’ min se jfejjaqna, jaħfrilna u jdewwina.

It-tagħlim antikissimu tal-Knisja huwa li biex tersaq lejn l-Ewkaristija, trid tkun tlabt ’l Alla jaħfirlek id-dnubiet ta’ ħajtek kollha. Għalhekk fil-quddiesa l-Knisja tippreparana għall-Ewkaristija billi tfakkarna li għandna bżonn nistqarru ħtijietna u nitolbu maħfra lil Alla. Kif inhu t-tagħlim tal-Knisja, hemm ċertu dnubiet li jitolbu minna li nersqu lejn is-saċerdot għall-maħfra tad-dnubiet fil-qrar. Imma aħna ta’ kuljum nonqsu; ta’ kuljum għandna bżonn lil Alla nitolbuh maħfra u tajjeb li qabel niċċelebraw l-Ewkaristija, niftakru li l-Ewkaristija mhijiex mogħtija bħala rigal għax aħna bravi, li l-quddiesa mhijiex prize day, imma pjuttost li nersqu għal din il-mediċina.

L-Ewkaristija hija dik li tmantina, li tagħtina l-qawwa. Jekk għandna bżonn l-ikel u x-xrob naturali u materjali biex il-ġisem ma jmutx, għalina l-Insara l-Ewkaristija hija l-ikel u x-xorb tar-ruħ, dik li twassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Aħna nafuha din il-kelma għax hija parti mill-kultura tagħna meta nsejħu lill-Ewkaristija l-‘vjatku’. Xi jfisser viaticum? Huwa dak in-nutriment li tieħu għat-triq; inti timxi jew inkella titlaq għal għonq it-triq u tieħu miegħek il-viaticum, tieħu miegħek dak li għandek bżonn għan-nutriment waqt il-vjaġġ. L-Ewkaristija mhijiex biss in-nutriment li għandna bżonn fil-vjaġġ ta’ din il-ħajja imma wkoll tingħata biex twassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Fl-antik, forsi iżjed mil-lum, kienu jsiru anke purċissjonijiet li joħorġu mill-parroċċi biex lill-morda tagħna jmantnuhom b’dan il-viaticum. Kienet issir purċissjoni tal-vjatku, b’mod speċjali min ikun qed jipprepara għall-vjaġġ tal-aħħar.

Kelma lit-tfal li rċevew l-ewwel tqarbina u l-ġenituri

Imma l-Ewkaristija mhijiex dik li tmexxina lejn l-aħħar imma tmexxina wkoll fil-ħajja tagħna. Għalhekk, kien il-Papa San Piju X li ddeċieda li l-Ewkaristija tingħata anke lit-tfal f’età tenera. Jiena llum insellem lil tant tfal fil-parroċċi tagħna li din is-sena qed jirċievu għall-ewwel darba lil Ġesù Ewkaristja. Insellem lill-ġenituri tagħhom, u nħeġġiġhom biex huma u jippreparaw lit-tfal b’tant impenn bil-katekeżi, ikompli jrawwmu fihom il-fidi u l-imħabba lejn Ġesù. L-appell tiegħi hu wkoll biex idarruhom li kull nhar ta’ Ħadd aħna niltaqgħu mal-Mulej li minn fuq il-mejda tal-artal jagħtina l-ħobż ħaj tas-sema.

… nitolbu d-don bħalma għallimna hu fil-Missierna li naħfru mill-qalb lil xulxin.

Wara kollox, Ġesù jitkellem dwar il-ħobż u l-inbid, il-ġisem u d-demm, imma kif smajna f’dik il-poeżija sabiħa ta’ San Tumas d’Akwinu, taħt kull speċi hemm kollox. Jekk nitqarben bl-ostja kkonsagrata, ma neħux biss il-ġisem ta’ Ġesù imma il-ġisem, id-demm, ir-ruħ u d-divinità. Hekk ukoll min ma jkunx jista’ jitqarben bl-ostja imma jitqarben bid-demm imqaddes, qed jirċievi r-ruħ, il-ġisem, u d-divinità ta’ Ġesù sħiħ. F’kull farka li tista’ tittiekel hemm Ġesù sħiħ.

San Tumas ukoll jispjegalna li meta nitqarbnu — b’mod speċjali jekk fil-qalb tagħna hemm xi mibegħda għal xi ħadd — minflok nieħdu l-mediċina nistgħu nieħdu l-velenu. Il-Mulej jilliberana minn din il-ħaġa li tbiddel fil-qalb tagħna l-Ewkaristija minn ikel għal velenu, għaliex dan huwa l-ikbar impediment biex jiġi Ġesù fil-qalb tagħna. Hemm ħafna dnubiet, b’mod speċjali tad-dgħufija tagħna l-bnedmin imma dik hija li tbiegħed il-qalb tagħna minn Alla. Għalhekk nitolbu d-don bħalma għallimna hu fil-Missierna li naħfru mill-qalb lil xulxin. Ġesù, ħin minnhom jgħid: “Jekk inti u ttella’ l-offerta fuq l-artal, tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontrik, ħalli l-offerta, dik tista’ tistenna, mur għamel paċi ma’ ħuk, imbagħad ejja ressaq l-offerta”.

Jiena nammira r-riti li għandna fil-Knisja Kattolika fejn is-sinjal tal-paċi u ta’ rikonċiljazzjoni jingħata qabel, kważi fil-ħin tal-offerta; għalija dak huwa ritwal feliċi. Ir-ritwal li nużaw aħna fil-Missal Ruman huwa differenti, imma xorta nitolbu maħfra ’l xulxin qabel nitqarbnu għax is-sinjal tal-paċi mhuwiex biss li nsellmu ’l xulxin imma huwa wkoll sinjal ta’ rikonċiljazzjoni.

Kelma lill-morda u l-anzjani

Qabel jitqarben, is-saċerdot jagħraf id-dgħufija tiegħu u lil Ġesù jitolbu: “Tħallini qatt ninfired minnek”.  Kemm hija talba sabiħa wkoll għalina li qabel nitqarbnu, għamilna x’għamilna, aħna min aħna. Lil Ġesù nitolbuh: “tħallini qatt ninfired minnek”. Għaliex? Għax Ġesù huwa magħna dejjem, aħna rridu nkunu li ninfirdu minnu. Hu se jkun dejjem magħna. Wara kollox, lill-Mulej Ġesù Iżaija jagħtih isem sabiħ: Alla magħna, Għimmanu-El. Illum hija festa oħra li tfakkarna li Ġesù huwa magħna, li huwa Għimmanu-El, Alla magħna.

Lil dawk li għandhom il-qraba fl-isptarijiet, lil dawk li qegħdin jisimgħuni mill-isptarijiet, inħajjarhom anke f’dawn il-jiem li ġejjin biex jitolbu d-don tal-Ewkaristija. Kif tafu, illum il-ġurnata fl-isptar is-saċerdot ma jiġix għandek bl-Ewkaristija jekk inti ma titlobhiex. Jekk ma tistax titlobha, xi ħadd mill-qraba tiegħek għandu jkellem lill-infermiera u anke fid-djar tal-anzjani, għandu jitlobhom sabiex inti tkun tista’ tirċievi l-Ewkaristija. Din m’għadhiex awtomatika, u ġustament, biex kulħadd iħossu liberu. Imma importanti li aħna l-Kattoliċi, meta nkunu f’sitwazzjonijiet bħal fi sptar jew inkella f’residenza, nagħmlu din it-talba għax aħna ma nistgħux ngħixu mingħajr l-Ewkaristija. Mela nħeġġeġ lill-morda tagħna fl-isptarijiet u l-qraba tagħhom biex jagħmlu din it-talba speċifika. Hemm bżonn nagħmluha biex din it-tradizzjoni qaddisa li l-morda tagħna jirċievu l-faraġ tas-saċerdot, tkun tista’ twassal ħafna paċi u hena lil min għandu tassew bżonn.

Il-quddiesa tal-Ħadd

F’din il-festa solenni tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù, nixtieq ukoll — u nikkonkludi biha — inħajjar lill-komunità tagħna biex kull min jista’ u skont kif jista’ nirritornaw għad-drawwa sabiħa tal-Ewkaristija waqt il-quddiesa kull nhar ta’ Ħadd. Aħna l-lsqfijiet, b’rispett anke tar-restrizzjonijiet li għadhom magħna, għadna ma introduċejniex mill-ġdid l-obbligu tal-quddiesa tal-Ħadd imma m’għandiex bżonn nobbligak biex tiekol u tixrob il-ħobż tal-ħajja ta’ dejjem u d-demm imqaddes ta’ Ġesù. Din hija xi ħaġa li qalbek, li tħobb lil Ġesù, għandha tifhem.

Illum qegħdin infakkru l-500 xandira tal-quddiesa. Ħafna nies ikellmu lilna l-isqfijiet u jgħidulna kemm japprezzaw il-quddiesa li nxandru ta’ kuljum. Din se tkompli, tinkwetawx. Imma kull min jista’ għandu jmur fil-knejjes tagħna u jitlob lis-saċerdot biex iqerr u jitqarben. M’għandna l-ebda sostitut għaliha dik; jien ma nistax inqarbnek mit-televixin daqskemm l-akbar kok tad-dinja jista’ jurik il-platt li għamel fuq it-televixin, imma ma tistax idduqu. Ġesù, nerġa’ nirrepetiha — għedtha wkoll f’Ħamis ix-Xirka — ma waqqafx spettaklu iżda waqqaf ikla u l-ikla ma tarahiex fuq it-televixin. Trid din il-preżenza reali u allura f’din il-festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù minflok immorru għall-purċissjonijiet, li din is-sena wkoll ma nistgħux nagħmluhom, wieħed għandu jagħmel sforz u jmur sal-knisja u jitlob lis-saċerdot biex iqarbnu.

Nixtieq nirringrazzja lis-saċerdoti tagħna. Kultant nisma’ ħafna tgergir — u naħseb tisimgħu tgergir anke fuqi — imma Ġesù għażilna biex inwasslu l-Ewkaristja lill-poplu tiegħu. Ħennu għalina, aħfrulna, u għadruna imma apprezzaw id-don li Ġesù jġib permezz tas-saċerdot għaliex dak li jista’ jagħtik is-saċerdot fil-qrar u fl-Ewkaristija ma jista’ jagħtihulek ħadd.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eż 24:3-8
Salm: 115(116):12-13,15,16bċ,17-18
Qari II: Lhud 9:11-15
Evanġelju: Mk 14:12-16,22-26