Fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. se jmexxi ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi li jsiru fil-KonKatidral ta’ San Ġwann, Valletta.

Nhar Ħamis ix-Xirka fid-9.30a.m. tibda ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa tat-Tberik taż-Żjut Imqaddsa. Flimkien ma’ l-Arċisqof, f’din iċ-ċelebrazzjoni jieħdu sehem saċerdoti djoċesani u reliġjużi. L-Arċisqof ibierek iż-Żjut Imqaddsa li jintużaw fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti tal-Griżma tal-Morda, tal-Magħmudija, tal-Konfermazzjoni u l-Ordni Sagri. Is-saċerdoti preżenti jġeddu l-wegħdiet li għamlu dakinhar tal-ordinazzjoni saċerdotali.

Nhar Ħamis ix-Xirka wkoll, fis-6.30p.m, issir it-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej. Wara l-Quddiesa, l-Arċisqof jittrasporta s-Sagrament lejn l-Artal tar-Repożizzjoni, fejn is-Sagrament jinżamm għall-qima tal-Insara.

Nhar il-Ġimgħa l-Kbira, fit-3.30p.m, l-Arċisqof imexxi l-Azzjoni Liturġika tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej. Matul iċ-ċelebrazzjoni jinqara r-Rakkont tal-Passjoni u jsiru l-Adorazzjoni tas-Salib u t-Tqarbin.

F’Sibt il-Għid, fit-8.00p.m, l-Arċisqof imexxi ċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili ta’ l-Għid.Iċ-ċelebrazzjoni tibda bit-Tberik tan-Nar il-ġdid u tkompli bil-Liturġija tal-Kelma, il-Liturġija tal-Magħmudija u l-Liturġija ta’ l-Ewkaristija.

Nhar Ħadd il-Għid, fid-9.15a.m, l-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa Stazzjonali tal-Għid il-Kbir tal-Mulej. Wara jagħti l-Barka Appostolika bl-Indulġenza Plenarja.