L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Tagħmel il-ġid u taqlagħha fuq wiċċek”. Ġieli smajna min jgħid din l-espressjoni, u forsi anke aħna stess għednieha. Nilmentaw għax ma tistenniex li meta tagħmel il-ġid, issib il-kuntrarju. Imma proprju dan hu li naraw fl-Evanġelju llum, u mhux biss f’din iċ-ċirkustanza imma anke f’mumenti oħra: li Ġesù, li dejjem fittex li jagħmel il-ġid, sab kontinwament oppożizzjoni kbira. 

Ħa nħarsu ftit lejn Ġesù. Hawnhekk jgħidlek li kien għadu kif keċċa xitan, jiġifieri ħeles lil bniedem mill-qawwa tax-xitan. Lil Ġesù dejjem narawh jagħmel il-ġid. Kull meta hemm Ġesù, kull meta jiltaqa’ ma’ xi ħadd fil-bżonn, dejjem jagħmel il-ġid – jew ifejjaq, jew jeħles lil xi ħadd mill-ispirtu ħażin, jew jiġbed l-attenzjoni għal min qiegħed batut, dejjem. U Ġesù, meta jagħmel il-ġid, ma jħares lejn wiċċ ħadd. Ma jgħidx: dan nagħmel il-ġid miegħu għax qed jimxi warajja, għax dixxiplu tiegħi; u l-ieħor le, għax għalija stranġier. Ma jgħidx hekk! Dejjem jagħmel il-ġid ma’ kulħadd, hu min hu, hi min hi.

Hawnhekk, kien għadu kif għamel hekk. Kien għadu kif ħeles bniedem mix-xitan. Ir-reazzjoni normali, meta tara lil xi ħadd li sab il-ħelsien, kellha tkun li tifraħ, li tfaħħar lil Alla, li tgħid: kemm qed nieħu pjaċir li hawn bniedem li kien maħkum mix-xitan u issa meħlus. Imma x’għamlu dawn in-nies? L-Evanġelju jgħid: kif raw lil dan bniedem ħieles, qalu: dan “bis-saħħa ta’ Begħelżebul, il-prinċep tax-xjaten” (Lq 11:15). Jiġifieri, ma qalux biss: dan Ġesù għamel xi ħaġa kbira u ma nagħtux każu. Le. Qalu: dan qed jagħmel hekk – bis-saħħa tal-prinċep tax-xjaten ikeċċi x-xjaten. Tant kellhom għamad quddiem għajnejhom, tant kellhom preġudizzju, tant għalihom Ġesù ma seta’ jagħmel xejn tajjeb, li anke l-iktar affarijiet tajbin kienu jsibu mod kif iwaqqgħuhom, kif jgħidu li dan qed jagħmel il-ġid għaliex ispirat jew immexxi minn spirtu ħażin.

Ġesù jurihom kemm hi assurda din, kemm hi redikola. Kif jista’, jgħidilhom, xitan ikeċċi xitan? Imur kontra s-saltna tiegħu stess. Imma Ġesù jiġbidlhom l-attenzjoni, biex jurihom ukoll li qed jirraġunaw frott tal-preġudizzju tagħhom, u l-kuntrarju li kellhom għal Ġesù. U qed jgħidu l-aktar affarijiet redikoli. Imma mhux biss. Għaliex lil Ġesù kemm-il darba għajruh u insulentawh. Imma hawn qed jagħmlu xi ħaġa aktar. Għax hawn qed jgħidu li dak li Ġesù għamel, kif qal hu stess, “bis-saħħa ta’ Alla” (Lq 11:20), bil-qawwa tiegħu, huma qed jgħidu li qed jagħmel bil-kontra, bil-qawwa tax-xitan. Jiġifieri din hija, biex ngħid hekk, l-agħar ħaġa li tista’ tgħid fuq Ġesù, l-Iben ta’ Alla li sar bniedem fostna.

Dan l-Evanġelju lilna jagħtina ħafna dawl għall-ħajja tagħna. L-ewwel nett, jurina kif aħna għandna nkomplu nagħmlu l-ġid, anke jekk insibu l-kuntrarju, anke jekk insibu min ikun kontrina, frott tal-preġudizzju. Inkomplu nagħmlu l-ġid – bħalma għamel Ġesù. Ġesù, meta ra lil dawn, ma qalx: issa ma nagħmel xejn, ladarba qed jgħidu hekk fuqi. Ma qalx hekk. Kompla jagħmel il-ġid. U anke aħna, fil-ħajja tagħna, irridu nkunu mmexxija mir-rieda li nagħmlu l-ġid. Anke jekk insibu kuntrarju, anke jekk insibu min jgħid affarijiet ħżiena fuqna. U nagħmlu l-ġid ma’ kulħadd, bħalma għamel Ġesù, li ma għamilx distinzjoni, ma sseparax in-nies – dawn ta’ min jagħmlilhom il-ġid, u dawn ta’ min jittraskurahom. Il-ġid ma’ kulħadd. U anke aħna rridu nagħmlu l-ġid ma’ kulħadd.

Imbagħad l-Evanġelju jgħinna wkoll biex noqogħdu attenti ħafna mill-preġudizzju – minn dak li jista’ jidħol f’moħħna u f’qalbna u jġegħilna ngħidu kontra min jagħmel il-ġid. Issibha din. Kultant bil-kliem, kultant bil-kitba, issib min ma jiflaħx jara l-ġid. Ħa nieħdu l-ħajja tal-Knisja, ħu l-Knisja f’Malta stess, diversi komunitajiet u parroċċi – kontinwament tant isir ġid. Imma jkun hemm min, kif issemmi “Knisja”, tant ikun preġudikat li jibda mal-ewwel jaħseb f’xi ħaġa ħażina u jitkellem fuq xi ħaġa ħażina. Mentri, għal dawn, il-ġid li tagħmel il-Knisja kontinwament, ma’ tant nies, qisu ma jeżistix. Għalhekk irridu noqogħdu attenti li aħna wkoll qatt ma nkunu maħkuma minn preġudizzju, minn ħsibijiet li ma jħalluniex naraw dak li hu tajjeb. Ġesù jgħid hawnhekk: “Min mhuwiex miegħi hu kontra tiegħi” (Lq 11:23). Qed jgħidu f’kuntest li jfisser: aħna rridu nagħmlu għażla. U l-għażla trid tkun ċara: li nkunu kapaċi nsejħu t-tajjeb tajjeb, u l-ħażin ħażin. U li f’dan inkunu mmexxijin tassew minn dak li għallimna Ġesù.

Nitolbu llum lill-Mulej: biex aħna nkunu bħalu – nies li nagħmlu l-ġid. Nitolbu biex aħna nkunu bħalu – nies li nagħmlu l-ġid ma’ kulħadd. Ukoll: li nkunu ħielsa mill-preġudizzji, minn dak li jista’ jidħol f’moħħna u f’qalbna li ma jħalliniex naraw dak li hu tajjeb, ħalli l-Mulej jagħtina l-grazzja li t-tajjeb ngħidulu tajjeb, u l-ħażin ngħidulu ħażin.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta