L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Evanġelju magħżul għal-lum, kif antiċipajt fl-introduzzjoni, jagħti l-lista ta’ dawn it-tnax-il dixxiplu, li Ġesù jagħżel wara li għamel lejl ta’ talb. Dan id-dettall jagħtihulna biss l-Evanġelju ta’ San Luqa. Ġesù “għadda l-lejl fit-talb lil Alla. Meta sebaħ, sejjaħ lejh id-dixxipli tiegħu u minnhom għażel tnax li semmiehom appostli” (Lq 6:12-13). L-appostli qabel xejn huma dixxipli. It-tieni huma frott tat-talb ta’ Ġesù. Tgħiduli anke Ġuda l-Iskarjota hu frott tat-talb ta’ Ġesù? Iva. Għax veru f’kull lista tal-appostli, Ġuda l-Iskarjota hu dak li ttradieh. Dejjem l-aħħar wieħed – li ttradieh. Minħabba fih Ġuda Taddew kellu isem naqra li kien jintesa. Hemm diversi appostli li għandhom l-isem l-istess. Hemm tnejn Ġakbu, hemm tnejn Xmun: Xmun Pietru u Xmun li qed nagħmlu l-festa tiegħu llum; hemm ukoll tnejn Ġuda: Ġuda Taddew, jew Ġuda ta’ Ġakbu kif isejjaħlu l-Evanġelju ta’ San Luqa, u Ġuda l-Iskarjota.

Dawn huma wkoll xhieda ta’ dak li għallem Ġesù, tal-qawwa tiegħu, imma wkoll xhieda tal-mewt ħarxa tiegħu; għalkemm ħafna minnhom rawha mill-bogħod, għax meta arrestaw lil Ġesù, ħarbu. Dawn it-tnejn li qed niċċelebraw illum, ħarbu fil-Ġimgħa l-Kbira. Inħobb infakkarha din, għax qed nagħmlulhom festa llum, imma għaddew minn mumenti ta’ kriżi. Anke huma abbandunawh lil Ġesù, bħalma kultant nagħmlu aħna; imma fil-qawmien tiegħu, jerġa’ jlaqqagħhom, jagħtihom il-paċi, iħabbibhom miegħu, jafdahom. Jaf min huma, jaf li huma dgħajfin. Imma l-qawwa tax-xhieda tiegħu rxoxt waslet sa għandna.

Aħna grati lejn dawn l-appostli, li huma l-kolonni tal-fidi tagħna. Il-poplu Lhudi tal-Antik Testament kellu it-tnax-il tribu (tnax-il pilastru) li fuqu jinbena l-poplu Lhudi. Veru wieħed minnhom iġġarraflu xi ftit, għalhekk minflok Ġuda l-Iskarjota kellhom jagħżlu lil Mattija, li nagħmlu l-festa tiegħu fl-14 ta’ Mejju. Meta ġew biex jagħżlu minflok Ġuda, biex jibqa’ n-numru tnax, qalu li jrid ikun xhud ta’ dak li għallem u għamel Ġesù, tal-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet (ara Atti 1:21-22). Dak kien il-kriterju biex tkun appostlu.

[San Xmun u San Ġuda] għaddew minn mumenti ta’ kriżi. Anke huma abbandunawh lil Ġesù, bħalma kultant nagħmlu aħna;

Il-kelma ‘appostlu’, imbagħad xterdet ukoll fil-Knisja. Aħna nafu lil Pawlu, li ngħidulu l-Appostlu Missierna; imma għalkemm hu appostlu, mhux wieħed mit-tnax. Għax imbagħad Ġesù, permezz tal-Knisja tiegħu baqa’ jsejjaħ appostli. U l-isqfijiet, huma suċċessuri tal-appostli. Aħna l-Isqfijiet il-frott tat-talb tal-Knisja u msejħin biex inkunu dixxipli, li nwasslu lil Ġesù lin-nies. Il-Papa jħobb jirrepeti din il-ħaġa: li l-isqof, in-nies għandhom bżonn jarawh, jiltaqgħu miegħu, bħalma kienu jagħmlu fi żmien Ġesù: “l-kotra kienet tfittex li tmissu” (Lq 6:19). Minn Ġesù “kienet toħroġ qawwa li tfejjaq lil kulħadd” (Lq 6:19). Aħna nitolbu li mis-suċċessuri tal-appostli, minna l-Isqfijiet, toħroġ ukoll din il-qawwa ta’ fejqan, ta’ maħfra, ta’ dawl, ta’ xhieda u ta’ mħabba.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Efes 2: 19-22
Salm: 18:2-5
Evanġelju: Lq 6:12-19