L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

It-talba tagħna llum tkun li aħna nilqgħu l-istedina tal-Imgħallem, għall-festa u għall-ikla tiegħu. Jalla nkunu mat-tieni kategorija li għalkemm mżejnin b’xi limitu – l-Evanġelju jagħtina lista ta’ limiti – xorta nilqgħu l-istedina.

Fl-ewwel kategorija, Ġesù jsemmi nies li huma aljenati: min bin-negozju, min bil-ħajja attiva tiegħu, min bir-rabtiet personali tiegħu. Fihom infushom mhumiex affarijiet ħżiena, imma hija traġika l-konsegwenza li l-invit tal-Imgħallem imbagħad ma naċċettawhx. Donnu min hu konxju iżjed tal-limitu tiegħu, kapaċi jilqa’ l-istedina tal-Mulej. U l-istedina tal-Mulej hija miftuħa totalment għal kulħadd.

Jiena togħġobni dik l-espressjoni li hemm fil-parabbola li jirrakkonta Ġesù llum meta jgħidilhom biex imorru jistiednu lil kulħadd “ħalli dari timtela” (Lq 14:23).

U aħna u nitolbu għal ħutna l-mejtin, nawgura li xejn ma jfixklek milli tilqa’ dik l-istedina, għax la jibqgħalek negozju, la jibqgħalek żwieġ… x’jibqa’? Ma jibqa’ xejn. Jalla meta tasal dik l-aħħar stedina jsibna lesti biex ngħidulu, ‘Veru għotort, veru m’iniex kapaċi nimxi, imma ormaj ilqagħni fid-dar tiegħek. Ilqagħni f’darek. Isseħħ fuqek ir-rieda tiegħek li tilqa’ f’darek lil kulħadd.’

U f’dan l-ispirtu, aħna nitolbu għal ħutna l-mejtin; l-isqfijiet preċedessuri tiegħi, il-membri tal-Kapitlu tal-Katidral li taw ġidhom ukoll biex iżejnu din id-dar tad-djoċesi, tant saċerdoti li ħadmu fostna, tant reliġjużi rġiel u nisa, tant lajċi. Illum minn din id-dar tad-djoċesi, mill-Katidral, nitolbu għal ħutna mejtin kollha, speċjalment għal dawk li ħallewna mill-aħħar quddiesa li għamilna f’Novembru li għadda sal-lum.

U nitolbu ħafna għall-vokazzjonijiet. Din il-lista li jiena ngħid ta’ kull sena bħal-lum, qiegħda titwal. Imma s-Seminarju, id-djar tal-formazzjoni, in-novizzjati, nafu li m’għandhomx l-istess tul ta’ lista. Tgħiduli, ‘Lanqas it-tfal fil-familji m’hemm illum.’ Veru!

Ejjew nitolbu bl-interċessjoni ta’ ħutna l-mejtin li fil-komunjoni tal-qaddisin għandhom din il-qawwa quddiem Alla. Mhux biss nitolbu għalihom, imma jitolbu għalina, biex il-Mulej iberikna bid-don ta’ knisja li tibqa’ tikber, fil-kariżma tagħha, fid-don tas-saċerdozju, permezz tas-sagrament imqaddes taż-żwieġ.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqhom, jistrieħu fis-sliem. Ammen.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-Quddiesa
Qari I: Fil 2:5-11
Responsorju: S 21 (22):26b-27,28-30a,31-32
L-Evanġelju: Lq 14:15-24