• Id-Djarju tad-Dar tal-Providenza għas-sena 2016 beda jitqassam f’kull dar ta’ Malta u Għawdex. Il-kumpanija Maltapost reġgħet ġentilment offriet li tqassam id-djarji mingħajr ħlas fid-djar kollha.

      Permezz ta’ dan id-djarju, li bit-tagħrif li fih jibqa’ jintuża s-sena kollha, is-sostenituri ikollhom l-opportunità li juru s-solidarjetà tagħhom mad-Dar li toffri residenza lil mija u disa’ persuni b’diżabilità bl-aħjar ambjent li jgħin fl-iżvilupp tagħhom. F’dawn l-aħħar ġimgħat għadd kbir ta’ volontiera minn kull qasam tal-ħajja taw daqqa t’id fl-ippakkjar ta’ dawn id-djarji f’envelopes apposta.  Bħal fis-snin l-imgħoddija, id-djarju fih il-ħinijiet tal-quddies kollu tal-Ħdud u ta’ matul il-ġimgħa fil-knejjes kollha ta’ Malta u Għawdex u Kalendarju dettaljat. Fih ukoll il-lista tal-festi parrokkjali kollha fiż-żewġ gżejjer għas-sena d-dieħla.