L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Luqa waħdu baqa’ miegħi” (2 Tim 4:11). Dan hu li smajna lil San Pawl jgħid illum fit-Tieni Ittra tiegħu lil Timotju, meta qisu jilmenta li dawk li kienu miegħu telqu jew ħallewh, u baqa’ biss Luqa. Fil-fatt Luqa kien dixxiplu ta’ Pawlu. Huwa hu li jsemmih fi tliet ittri differenti.  F’ittra minnhom jirreferi għalih bħala t-tabib għażiż (ara Kol 4:14), f’ittra oħra bħala ħaddiem miegħu (ara Filemon 1:24), u hawn jgħid li hu biss baqa’ miegħu. Kien dixxiplu fidil lejn San Pawl u baqa’ miegħu sal-aħħar.

San Luqa twieled Antijokja, is-Sirja, aktarx minn ġenituri pagani, imbagħad ikkonverta. Ma kienx wieħed mit-tnax. U sar jaf lil Ġesù permezz ta’ San Pawl, u permezz ta’ oħrajn, kif hu stess jgħid fl-Evanġelju, fil-bidu tiegħu, meta jispejga kif hu ġabar f’rakkont wieħed il-ġrajjiet li seħħu “kif għaddewhom lilna dawk li sa mill-bidu rawhom b’għajnejhom stess u saru ministri tal-kelma”. Għalhekk l-Evanġelju tiegħu hu mibni fuq dak li sema’ minn dawn l-esperjenzi differenti, u nafu kemm l-Evanġelju tiegħu għandu messaġġ sabiħ. San Luqa għandu wkoll qisu t-tieni volum tiegħu fil-Ktieb tal-Atti tal-Appostli, fejn ifisser il-ħajja tal-Knisja fil-bidu tagħha, speċjalment il-ministeru ta’ Pietru u Pawlu.

Hu interessanti li nħarsu lejn l-Evanġelju ta’ San Luqa, għax naraw karatteristiċi partikulari sbieħ fl-Evanġelju tiegħu, u li jirriflettu fuqu bħala dixxiplu ta’ Ġesù. San Luqa fl-Evanġelju jenfasizza ħafna t-talb. Juri lil Ġesù jitlob f’mumenti differenti tal-ħajja tiegħu, u lil Ġesù wkoll jgħallem lid-dixxipli jitolbu; imbagħad anke fl-Atti tal-Appostli għandna l-komunità Nisranija tal-bidu miġbura fit-talb – hemm l-enfasi fuq it-talb.

San Luqa wkoll isemmi bi mħabba kbira l-attenzjoni lejn il-fqar u kif Ġesù ġie għal kulħadd, imma b’attenzjoni partikulari lejn il-fqar u l-emarġinati fis-soċjetà – dawk li s-soċjetà ma kinitx tistma u kienet twarrab fil-ġenb. Ġesù għamel din l-għażla, u ried ukoll li d-dixxipli jagħmlu din l-għażla favur il-fqar. U l-Evanġelju skont San Luqa juri tassew din l-għażla.

Hu l-evanġelista li jagħti prominenza lil Marija, speċjalment fit-tħabbira li Marija kellha mill-anġlu Gabrijel, Marija li tmur għand Eliżabetta, u Marija li tagħmel dak l-innu sabiħ tal-Magnificat – innu ta’ tifħir lil Alla – li baqa’ innu tassew importanti fil-ħajja tal-Knisja. Ma’ Marija wkoll hu l-evanġelista li jagħti prominenza lin-nisa li kienu dixxipli ta’ Ġesù, biex juri, f’kuntrast mal-mentalità ta’ żmienu, li Ġesù kellu numru ta’ nisa li kienu qrib tiegħu u li, kif jgħid San Luqa fl-Evanġelju, kienu jaqduh minn ġidhom.

San Luqa fl-Evanġelju jenfasizza ħafna t-talb. Juri lil Ġesù jitlob f’mumenti differenti tal-ħajja tiegħu, u lil Ġesù wkoll jgħallem lid-dixxipli jitolbu

Hu wkoll l-Evanġelju tal-ħniena ta’ Alla, hemm din l-enfasi partikulari fuq il-ħniena ta’ Alla, bħalma tgħid Marija fil-Magnificat: “il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu”. Naraw f’San Luqa parabboli sbieħ ħafna li nsibuhom fl-Evanġelju tiegħu biss, bħall-parabbola tal-Iben il-Ħali u tan-nagħġa l-mitlufa, li juru lil Alla kollu mħabba u ħniena li jistenna lill-midneb, anzi jmur anke jfittex lill-midneb biex ireġġgħu lura lejh, u tas-Samaritan it-Tajjeb, il-parabbola li turi l-imħabba ta’ Alla lejna u kif minna wkoll Alla jixtieq li nkunu mimlija mħabba u kompassjoni lejn l-oħrajn, speċjalment lejn dawk li huma l-aktar fil-bżonn.

Għalhekk naraw dawn il-karatteristiċi sbieħ fl-Evanġelju skont San Luqa, li juru kif hu kien dixxiplu li mexa wara Ġesù, anke mill-Aħbar li waslet lilu, u lilna jagħmlilna din l-istedina. Bħalma jagħmel fl-Evanġelju li smajna llum, jistedinna biex inkunu dixxipli ta’ Ġesù, nimxu warajh, fih insibu dak li jista’ tassew jimla lil qalbna, il-Mulej għani fil-ħniena. Nitolbu lill-Mulej biex nieħdu l-eżempju ta’ San Luqa, li nkunu dixxipli tal-Mulej, nimtlew bl-imħabba tiegħu, u nwasslu wkoll bl-istess impenn u ġenerożità ta’ San Luqa din l-Aħbar it-Tajba lill-oħrajn.  

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju