L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Pietru u Pawlu huma żewġt irġiel li, minn perspettiva umana, ma setgħux ikunu aktar differenti minn xulxin.

Pietru kien sajjied sempliċi mill-Galilija. Kien bniedem impulsiv, mimli emozzjonijiet, ġeneruż, iżda xi drabi wkoll dgħajjef u mbeżża’. Kultant kien jitkellem qabel ma jaħseb. Kien dak li niżel mid-dgħajsa biex jimxi fuq l-ilma lejn Ġesù, imma meta beda jħares lejn il-maltemp, beda jegħreq. Kien hu li stqarr b’kuraġġ li Ġesù huwa l-Messija, iżda ftit wara ġie mwissi mill-Mulej għax beda jaħseb skont il-bnedmin u mhux skont Alla. Kien hu wkoll li wiegħed li qatt ma kien se jitlaq lil Ġesù, iżda fl-iktar mument diffiċli, ċaħdu tliet darbiet.

Pawlu, min-naħa l-oħra, kien raġel ta’ kultura kbira u edukazzjoni għolja. Fariżew mimli għerf, jaf tajjeb l-Iskrittura u l-Liġi, iżda fil-bidu kien wieħed mill-akbar persekuturi tal-Insara. Hu qatt ma ltaqa’ ma’ Ġesù matul il-ħajja pubblika tiegħu. Il-laqgħa tiegħu mal-Mulej seħħet fit-triq ta’ Damasku, fejn iltaqa’ ma’ Ġesù Rxoxt u ħajtu nbidlet għal kollox.

Pietru u Pawlu kienu differenti fil-karattru, fl-istorja tagħhom, u differenti wkoll fil-missjoni li rċevew. Madankollu llum il-Knisja tfakkarhom flimkien, għax dak li għaqqadhom kien ferm akbar minn dak li kien jifridhom: kienet l-għotja sħiħa tagħhom lil Ġesù Kristu, sal-aħħar.

Il-qdusija

Il-Knisja dejjem fehmet li l-qdusija ma tfissirx li kulħadd ikun l-istess. Alla ma joħloqx kopji; joħloq persuni uniċi. Pietru ma sarx Pawlu, u Pawlu ma sarx Pietru. Il-grazzja ta’ Alla ħadmet f’kull wieħed minnhom skont il-personalità, il-kariżma u l-vokazzjoni tiegħu.

Dan hu messaġġ importanti għalina f’din il-festa tal-lum: Alla ma jsejħilniex biex insiru kopja ta’ ħaddieħor, iżda biex inħallu lil Ġesù jittrasforma dak li aħna.

Il-fidi

L-Evanġelju tal-lum jibda b’mistoqsija li tibqa’ tidwi f’kull żmien: “Min jgħidu n-nies li hu Bin il-Bniedem?” (Mt 16:13) Id-dixxipli jirrakkuntaw dak li kienu qed jgħidu n-nies: Ġwanni l-Battista, Elija, Ġeremija, jew wieħed mill-profeti. Imma mbagħad Ġesù jagħmel il-mistoqsija deċiżiva: “Imma intom, min tgħidu li jien?” (Mt 16:15)

Din hija l-mistoqsija li fuqha tinbena l-ħajja Nisranija kollha. Il-fidi f’Ġesù mhijiex sempliċi tradizzjoni jew kultura. Il-fidi tibda minn relazzjoni personali ma’ Ġesù Kristu u mill-mod kif kull wieħed u waħda minna nwieġbu għal din il-mistoqsija.

Pietru jwieġeb: “Int il-Messija, Bin Alla l-Ħaj” (Mt 16:16). Din hija l-pedament tal-fidi tagħna. Imma Ġesù jgħidlu wkoll xi ħaġa importanti ħafna: “Mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet” (Mt 16:17). Il-fidi hija dejjem rigal qabel ma hi tweġiba tagħna. Alla dejjem jieħu l-ewwel pass. Hu jiftaħ qalbna biex inkunu nistgħu nagħrfu lil Ġesù, u nilqgħuh.

Id-dgħufija

Żgur li tolqotna ħafna fl-Evanġelju kif Ġesù jagħżel lil Pietru minkejja li jaf sew min hu. Jaf li se jiċħdu, jaf li se jaqa’, jaf il-biżgħat, u d-dgħufijiet tiegħu. U madankollu jgħidlu: “Int Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi” (Mt 16:18).

Dan ifisser li Alla ma jistenniex li nsiru perfetti qabel jafdalna missjoni. Kieku kien hekk, qatt ma kien ikun hemm appostli. Il-Knisja qatt ma nbniet fuq nies perfetti. Inbniet dejjem fuq midinbin li ħallew il-ħniena ta’ Alla tbiddilhom.

L-awtorità ta’ Pietru ma kinitx mibnija fuq il-perfezzjoni tiegħu, iżda fuq il-grazzja ta’ Ġesù. Dan jibqa’ minnu wkoll illum. Il-Knisja hija qaddisa mhux għax il-membri tagħha huma perfetti, iżda għax Ġesù hu qaddis. Aħna lkoll nibqgħu bnedmin li kuljum għandna bżonn il-konverżjoni.

Il-passat

Jekk Pietru jfakkarna li d-dgħufija mhix l-aħħar kelma, Pawlu jfakkarna li l-passat qatt ma huwa ostaklu għall-ħniena ta’ Alla. Pawlu kien jippersegwita lill-Insara. Kien approva l-qtil ta’ Stiefnu, bħalma naqraw fl-Atti tal-Appostli. Kien jemmen li qed jaqdi lil Alla waqt li kien qed jiġġieled kontra Ġesù.

U madankollu Ġesù ma qerdux. Bidlu. Min seta’ jimmaġina li dak li kien l-akbar persekutur tal-Knisja kien se jsir l-akbar missjunarju tagħha? Il-grazzja ta’ Alla tikteb stejjer li l-bniedem qatt ma kien ikun kapaċi jivvinta.

Pawlu qatt ma nesa minn fejn ġie. Kien jaf li dak kollu li sar kien frott il-ħniena ta’ Alla. Proprju għalhekk qatta’ l-bqija ta’ ħajtu jħabbar l-Evanġelju b’ħeġġa straordinarja.

Il-fedeltà

Fl-ewwel qari naraw lil Pietru fil-ħabs. Kollox kien jidher mitmum, bla tama, għax Erodi ddeċieda li joqtlu. U madankollu, waqt li Pietru rieqed, il-Knisja kollha qed titlob għalih. Alla jibgħat l-anġlu tiegħu. Il-ktajjen jaqgħu, il-bibien jinfetħu, u Pietru joħroġ ħieles.

Dan ma jfissirx li Alla dejjem ineħħi t-tbatija. Fil-fatt, aktar tard, Pietru jmut martri, u dan hu li niċċelebraw illum. Imma l-messaġġ hu wieħed ċar: ebda qawwa tad-dinja ma tista’ żżomm l-Evanġelju marbut bil-ktajjen. Is-Saltna ta’ Alla tibqa’ timxi ‘l quddiem, anki meta kollox jidher mitluf.

Pawlu jesprimi l-istess ċertezza fit-Tieni Qari, fit-Tieni Ittra lil Timotju, meta jgħid: “Tqabbadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi” (2 Tim 4:7).

Ma jgħidx li għex ħajja komda, jew li evita t-tbatija. Lanqas li dejjem kellu suċċess. Jgħid biss li baqa’ fidil, u dan hu li niċċelebraw illum bil-martirju tiegħu. Il-ħajja Nisranija ma titkejjilx mill-kumdità, iżda mill-fedeltà lejn Ġesù.

Il-missjoni

Lil Pietru, Ġesù jafdalu missjoni partikulari ta’ tmexxija u għaqda. Lil Pawlu jafdalu missjoni ta’ evanġelizzatur. Pietru u Pawlu jfakkruna li aħna l-imgħammdin, ilkoll għandna missjoni partikulari. Xi wħud huma msejħin biex imexxu, oħrajn biex jgħallmu. Xi wħud biex jevanġelizzaw bil-kelma, oħrajn biex jixhdu bl-imħabba siekta tal-ħajja ta’ kuljum. Kull vokazzjoni hija importanti. Kull servizz jibni l-Knisja. Il-mistoqsija mhijiex: “X’qed jagħmlu l-oħrajn?”, imma: “X’qed jitlob minni Ġesù llum?”

Il-kuruna

Fl-aħħar ta’ ħajtu Pawlu jitkellem b’serenità kbira: “Hemm imħejjija għalija l-kuruna tal-ġustizzja” (2 Tim 4:8). Ma jitkellimx b’arroganza, jitkellem bit-tama. Jaf li dak li se jiġġudikah huwa wkoll is-Salvatur tiegħu. Jaf li kull sagrifiċċju magħmul għall-imħabba ta’ Ġesù qatt ma jintilef.

Din kienet it-tama li sostniet lil Pietru fil-martirju tiegħu. Din kienet it-tama li tat il-qawwa lil Pawlu quddiem il-mewt. U din hija wkoll it-tama tagħna. Id-destin tagħna mhuwiex il-mewt. Id-destin tagħna huwa l-ħajja għal dejjem ma’ Ġesù.

Nitolbu llum lill-Mulej, f’din il-festa hekk kbira, biex jagħtina l-imħabba ġeneruża ta’ Pietru, il-ħeġġa missjunarja ta’ Pawlu, l-umiltà li nqumu wara kull waqgħa, il-perseveranza fit-tiġrib, u l-fidi u l-fedeltà biex, bil-ħajja kollha tagħna, inkomplu nistqarru: “Int il-Messija, Bin Alla l-Ħaj”.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Aktar ritratti