L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Żgur li tolqotna d-differenza fil-ħarsa ta’ Ġesù min-naħa l-waħda, u l-ħarsa tal-kittieba u l-Fariżej min-naħa l-oħra. Il-ħarsa ta’ Ġesù fis-sinagoga waqfet fuq dan il-bniedem fil-bżonn: ir-raġel li kellu idu l-leminija niexfa. Il-ħarsa tiegħu waqfet fuqu u kien diġà qed jaħseb biex ifejqu. Kienet ħarsa ta’ mħabba u kompassjoni.
Il-kittieba u l-Fariżej ħarsithom waqfet fuq Ġesù, mhux b’ammirazzjoni, imma biex jaraw x’se jagħmel ħa jkollhom fuqiex jixluh. Għalihom l-aktar importanti kienet li s-Sibt josservah; u l-mument li qed jaraw lil Ġesù se jfejqu, lesti biex mal-ewwel ikollhom xi ħaġa fuqiex jixluh. Hi ħarsa ta’ disprezz u ta’ kundanna – diġà minn qabel – ta’ Ġesù.
Id-differenza fil-ħarsa turina fejn kienu l-prijoritajiet, jiġifieri x’kien jiġi l-ewwel għal Ġesù, u x’kien jiġi l-ewwel għall-kittieba u l-Fariżej. Għal Ġesù kien jiġi l-ewwel il-bniedem, u l-ħtiġijiet tiegħu, u ried iwassal dejjem din l-imħabba u l-kompassjoni ta’ Alla għall-bniedem, u jara kif jista’ jgħinu fil-bżonnijiet tiegħu. Għal Ġesù s-Sibt kien importanti, imma s-Sibt kien għall-bniedem u mhux il-bniedem għas-Sibt.
Min-naħa l-oħra, jekk naraw il-prijoritajiet tal-kittieba u l-Fariżej, dawn għalihom l-iktar importanti kien li wieħed josserva s-Sibt, bir-regolamenti li kienu għamlu maż-żmien. Weħlu hemmhekk, għalqu moħħhom u qalbhom. Innutaw li meta Ġesù fejjaq lil dan ir-raġel, flok ferħu, l-Evanġelju jgħid li “xegħlu bil-korla”. Qed tara bniedem ifiq u tixgħel bil-korla? Hemm tinduna kemm kellhom il-prijoritajiet tagħhom differenti minn ta’ Ġesù, u kienu żbaljati. Dak li kien jiġi l-ewwel għalihom kien żbaljat.
Għal Ġesù kien jiġi l-ewwel il-bniedem, u l-ħtiġijiet tiegħu, u ried iwassal dejjem din l-imħabba u l-kompassjoni ta’ Alla għall-bniedem, u jara kif jista’ jgħinu fil-bżonnijiet tiegħu.
X’inhu l-messaġġ għalina llum? Hu biex aħna, fid-dawl tal-kelma ta’ Alla, dejjem neżaminaw il-prijoritajiet tagħna – jiġifieri x’jiġi l-ewwel u l-iktar importanti fil-ħajja tagħna. Ġesù jistedinna biex aħna nilqgħu l-imħabba ta’ Alla, u jkollna qalb tixbah lil tiegħu – qalb mimlija mħabba u kompassjoni, qalb li tfittex li tagħmel il-ġid, li ssalva l-ħajja. Bħala Nsara, flok is-Sibt aħna għandna l-Ħadd bħala Jum il-Mulej. Dak hu l-iskop li niċċelebraw Jum il-Mulej, biex aħna nagħrfu dejjem aktar lil Alla u x’jiġi l-ewwel, u anke biex nuru l-imħabba ta’ Alla lejn l-oħrajn, speċjalment lejn dawk li huma l-aktar fil-bżonn. Meta aħna niltaqgħu – kif għandna nagħmlu – għall-Ewkaristija nhar ta’ Ħadd, aħna hemmhekk nirċievu din il-qawwa minn Alla biex ikollna l-prijoritajiet f’posthom, biex aħna jkollna qalb tixbah lil tiegħu u biex hu jgħinna fl-għażliet tal-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Aħna nafu li Ġesù f’din il-ġrajja partikulari qiegħed kriterju importanti għalina u għall-għażliet tal-ħajja tagħna, meta qal: “X’jiswa … tagħmel il-ġid jew tagħmel id-deni? Issalva ħajja jew teqridha?” Lilna jistedinna biex aħna neżaminaw lilna nfusna u ngħidu: f’dak li nikteb, f’dak li nagħmel, fil-pjanijiet tiegħi, qegħdin dawn iservu għall-ġid, qed iservu għall-ħarsien u l-għożża tal-ħajja mill-ewwel mument tagħha sat-tmiem naturali tagħha? Din hi żgur ta’ għajnuna għalina biex ikollna l-prijoritajiet tajbin: dak li jagħmel il-ġid, mhux id-deni; dak li jħares u jsalva l-ħajja, mhux iqegħidha f’riskju jew jiddisprezzaha.
Nitolbu l-grazzja lill-Mulej illum biex hu jgħinna ħalli aħna f’ħajjitna jkollna l-prijoritajiet f’posthom; jiġifieri jgħinna biex nagħrfu dak li jiġi l-ewwel u l-aktar importanti u nimxu tassew kif għallimna u kif uriena hu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju