L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej biex jiekol għandu” (Lq 14:1). Mal-ewwel jolqotna f’dan ir-rakkont kif Ġesù kien imur għand kulħadd. Għaliex, meta ssemmi l-Fariżej fi żmien Ġesù, mal-ewwel niftakru f’dawk id-diskorsi indirizzati lill-Fariżej – ovvjament, mhux kollha imma xi wħud minnhom – fejn jgħidilhom ipokriti, “oqbra mbajda” (Mt 23:27). Ġesù kien dejjem f’konflitt magħhom minħabba l-ipokresija tagħhom, u minħabba l-mod kif kienu jmexxu. Imma xorta mar għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej biex jiekol għandu.
L-ewwel messaġġ importanti li nieħdu minn din il-ġrajja hu kif Ġesù ma kien jeskludi lil ħadd. Għalih kull persuna importanti. Għalih, li jmur jiltaqa’ ma’ min ikun kienet xi ħaġa importanti ħafna. Għalhekk mar għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej, u mar hemmhekk proprju biex jiekol.
Ħa nħarsu ftit x’jagħmel Ġesù, u anke r-reazzjoni tal-Fariżej. Ġesù mar biex jiekol għand dan il-kap tal-Fariżej, imma nnutaw kif lil Ġesù, avolja qiegħed qalb dawk in-nies, xejn ma jtellfu milli jagħmel il-ġid u milli jwassal il-kelma ta’ Alla. Ma jgħidx: issa għax qiegħed hawn, noqgħod attent ma mmur nurtahom lil dawn, għax jaħsbuha differenti. Ma jagħmilx hekk. Imur hemm, u meta kien hemm dan il-marid, ifejqu. Ma qalx: għaliex illum huwa Jum is-Sibt, u dawn għandhom din l-idea fuq Jum is-Sibt li ma tistax tfejjaq, noqgħod attent – ma qalx hekk. Għaliex Ġesù dejjem jolqotna kif għalih kull persuna hi importanti, imma wkoll jagħmel li għandu jagħmel mingħajr biża’, ikun fejn ikun. Kien qalb il-Fariżej, u jaf kif jaħsbuha, u fejqu.
Imma x’jagħmel ukoll Ġesù? Ġesù ried iwassal ukoll messaġġ lilhom. Mhux qed ifejqu biex jipprovokahom, imma biex iwassal messaġġ lilhom. Għalhekk Ġesù jagħmlilhom żewġ mistoqsijiet. U nnutaw kif lil Ġesù diversi drabi n-nies kienu jagħmlulu mistoqsijiet – min b’interess, min biex jonsbu, min biex jara kif se jwieġeb u jkollu fuqiex jaqbad miegħu. Imma Ġesù wkoll, diversi drabi, għamel mistoqsijiet. U dejjem interessanti li aħna naraw il-mistoqsijiet li jsaqsi Ġesù. Mhux biss it-tweġibiet li jagħti, imma l-mistoqsijiet li jsaqsi, għax huma jgħinuna biex jirriflettu.
Hekk għamel ma’ dawn il-Fariżej. L-ewwel qalilhom: “Jiswa jew le li wieħed ifejjaq f’Jum is-Sibt?” (Lq 14:3). Huma ma tkellmu xejn imma, skont huma, ma kellux ifejqu f’Jum is-Sibt, kif naraw proprju fir-rakkont ftit qabel dan meta Ġesù kien fejjaq lil waħda fis-sinagoga, u kien hemm il-kap tas-sinagoga u lin-nies qalilhom: hawnhekk ejjew matul il-ġimgħa kollha imma mhux is-Sibt, biex tfiqu (ara Lq 13:14). Imma ma tkellmu xejn. U Ġesù reġa’ mbagħad, qalilhom: “Min minnkom se jaqagħlu ibnu jew barra f’ġiebja u, għax ikun is-Sibt, ma jmurx malajr itellgħu minn hemm?” (Lq 14:5). U ma kellhomx il-ħila jweġbuh. Baqgħu siekta. Baqgħu siekta, għax setgħu jifhmu x’kien qed jgħidilhom Ġesù. Kien qed jgħidilhom: is-Sibt hu importanti, verament, imma x’jiġifieri Jum is-Sibt? Jum is-Sibt ma jħallikx tagħmel il-ġid? Jum is-Sibt ma jħallikx tfejjaq? Anzi, Jum is-Sibt għandu jkun il-jum li fih tiċċelebra l-qawwa ta’ Alla, il-fejqan li jġib, il-ħelsien li jagħtina. U għalhekk ma tkellmu xejn. Issa dawn ma tkellmu xejn, mhux għax kienu aljenati – Ġesù jistaqsi, u huma jħarsu xi mkien – għax l-Evanġelju jibda billi jgħid li kienu “għajnejhom fih” (Lq 14:1). Altru li kienu jafu x’qed jgħid! Imma ma tkellmu xejn.
X’messaġġ għalina minn dan l-Evanġelju? Li għal Ġesù kull persuna hi importanti, li hu dejjem jagħmel il-ġid, qatt mhu intimidat min-nies ta’ madwaru, anke jekk jaħsbuha differenti; u dejjem iwassal il-kelma ta’ Alla kif inhi. Għalina hu importanti dan, għall-ħajja tagħna, biex dejjem nissaħħu fil-fidi tagħna u biex aħna wkoll insiru nixbhuh. Biex aħna wkoll, għalina kull persuna tkun importanti, niltaqgħu ma’ kulħadd, hu min hu, hi min hi; imma qatt ma nibżgħu nwasslu l-kelma ta’ Alla, qatt ma nibżgħu nagħmlu l-ġid jew b’xi mod inkunu kkundizzjonati min-nies ta’ madwarna, bħalma Ġesù ma kienx min-nies li kien qed jiekol magħhom. Imma dejjem infittxu li nagħmlu l-ġid kif għallimna Ġesù, u kif irid minna Ġesù.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




