Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

F’dis-Solennità ta’ Pentekoste għandna sejħa biex nikkuntemplaw id-don tal-Ispirtu s-Santu msawwab b’abbundanza fuq il-Knisja bikrija u, illum, irregalat mill-ġdid lill-membri tagħha bħala dawl u qawwa li jakkupanjawhom f’kull sitwazzjoni tal-ħajja.

Nistgħu nieqfu fuq aspett tal-immaġni tal-Ispirtu li ttina l-Liturġija tal-lum: L-Ispirtu jiftaħ il-bibien.  Infatti, l-Evanġelju jgħidilna: “id-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa (Ġw 20,19) u fl-istess ħin, il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli jirrakkuntalna li l-Ispirtu wasal bħala riħ qawwi (Atti 2,2), li fetaħ dawk il-bibien, xpruna lid-dixxipli biex joħorġu u jibdew ixandru l-Aħbar it-Tajba ta’ Kristu Rxoxt.

Illum nistgħu nsaqsu lilna nfusna: liema bibien jiftaħ l-Ispirtu s-Santu?

L-ewwel bieb hu dak ta’ Alla nnifsu, fis-sens li jiftaħna għall-misteru ta’ Alla, kif irrivelat f’Ġesù Kristu.  Bid-don tal-Ispirtu tiegħu, Alla jirregalalna l-fidi vera, jgħinna nifhmu s-sens tal-Iskritturi, jgħarrafna l-qrubija tiegħu u jdaħħalna sehem mill-istess ħajtu.  L-Ispirtu s-Santu jgħinna nagħmlu esperjenza personali ta’ Alla, niltaqgħu miegħu f’Ġesù mhux bl-osservanza tal-liġi biss, biex nagħrfuh fina u biex niskopru s-sinjali tal-preżenza tiegħu fil-ħajja ta’ kuljum.

Ritratt: Media Vatikana

It-tieni bieb hu dak taċ-ċenaklu, jiġifieri l-Knisja.  Mingħajr in-nar tal-Ispirtu l-Knisja tibqa’ lsiera tal-biża’, imbeżża’ quddiem l-isfidi tad-dinja, magħluqa fiha nfisha u għalhekk bla ħila li tidħol fi djalogu maż-żminijiet li qed jinbidlu.  L-Ispirtu jiftaħ il-bibien tal-Knisja biex tkun akkoljenti u tilqa’ lil kulħadd anki lil dawk li lil Alla għalqulu l-bieb, lill-oħrajn, għat-tama, għall-ferħ tal-ħajja.  Kif kien jgħid il-Papa Franġisku, aħna msejħin biex inkunu “Knisja li tbierek u tinkoraġġixxi … Knisja bil-bibien miftuħin għal kulħadd” (Omelija waqt il-Quddiesa tal-ftuħ tal-Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, 4 ta’ Ottubru, 2023).

Fl-aħħar, l-Ispirtu s-Santu jiftaħ il-bibien ta’ qlubna, jgħinna negħlbu r-reżistenzi, l-egoiżmi, id-diffidenzi, il-preġudizzji u jtina l-ħila li ngħixu bħala ulied Alla u bħala aħwa bejnietna.  Fejn hemm l-Ispirtu tal-Mulej tinbet il-fraternità bejn il-persuni, il-gruppi, il-popli tal-Art u kulħadd ikun jitkellem il-lingwa waħdanija tal-imħabba, li tgħaqqad u tarmonizza d-diversità.

Ħuti, fi żmienna wkoll, speċjalment f’dal-jum tal-Penetekoste, għandna ninvokaw lill-Ispirtu s-Santu, biex jiftaħ il-bibien kollha li għadhom magħluqin.  Hemm bżonn nerġgħu niskopru lil Alla bħala l-Missier li jħobbna, li jibni Knisja fejn kuħadd iħossu milqugħ u biex iseddaq il-fraternità f’dinja li fiha ssaltan il-paċi bejn il-popli kollha.

Bħall-ewwel dixxipli aħna għandna fiduċja fl-interċessjoni tal-Verġni Marija,  Għamara tal-Ispirtu s-Santu u Omm il-Knisja.

Ritratt: Media Vatikana

Sors: laikos.org