L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

F’dan id-djalogu ma’ Nikodemu l-Mulej jibda jgħallem lid-dixxipli tiegħu b’mod speċjali lil dan l-għaref tal-Liġi, it-tifsira profonda tal-Magħmudija li aħna l-Insara rċevejna u li nġeddu kull sena fil-lejl qaddis tal-Għid.

Ġesù jsejjaħ il-Magħmudija bħala t-twelid ġdid mill-ilma u l-ispirtu (Ġw 3:5). F’dawn il-ġranet ħafna jitkellmu dwar bidu ġdid. Donnu d-dinja li konna nafu sa ftit ġimgħat ilu waqfet u għandha bżonn terġa’ tibda u x-xewqa tagħna hija li meta tibda tkun ftit differenti. Ftit differenti għall-aħjar. Kulħadd jifhem li hemm bżonn nagħżlu dak li jibqa’ għal dejjem u nneħħu x-xlief, iż-żejjed li fl-għalqa tagħna ħonoq dak li hu tassew bnin u tajjeb.

U għalhekk illum fid-dawl tal-Evanġelju, nitolbu din il-grazzja li aħna ngħixu l-Magħmudija tagħna bħala twelid ġdid. Issa dan it-twelid ġdid mhuwiex skont il-ġisem imma huwa skont l-ispirtu, l-ispirtu li jurina l-verità tas-sitwazzjoni tagħna imma wkoll huwa spirtu ta’ rikonċiljazzjoni, ta’ maħfra, ta’ mħabba.

Mela jiena nista’ nirrealizza li kont sejjer ħażin għaliex skont l-għerf tal-ġisem, kont suċċess imma lill-ispirtu ħnoqtu, insejtu, jekk ma warrabtux ukoll. U din il-Magħmudija l-ġdida li l-Mulej ġedded fija anke fiċ-ċirkustanzi tal-ħajja, tgħallimni nagħraf li l-ħajja tal-ispritu hija dik li tagħtini l-vera libertà, il-vera paċi, il-vera ferħ.

Min jitwieled mill-ispirtu jkollu din il-libertà. Ġesù juża l-immaġni tar-riħ: “Jonfoħ, tħossu imma ma tafx minn fejn hu ġej u fejn hu sejjer” (Ġw 3:8). Min hu mitwieled mill-ispirtu għandu din il-libertà li ħajtu tkun propju għajn ta’ ilma ħaj bħalma jgħid Ġesù ukoll iktar tard fl-Evanġelju skont San Ġwann.

Nikodemu, li huwa raġel anzjan rispettat, huwa dak li jġib mitt libbra ħwawar, sabbara għad-dilka ta’ Ġesù wara li miet fuq is-salib (Ġw 19:39). Huwa dak li fid-djalogu ma’ Ġesù jipprova jifhem xi jfisser titwieled mill-ġdid. Jalla dan id-djalogu jkun ukoll kelma relevanti għall-ħajja tagħna llum.

✠ Charles Jude Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 4, 23-31
Salm: 2, 1-3.4-6.7-9
Evanġelju: Ġw 3, 1-8