Mill-20 ta’ Mejju 2023, l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Istudju tal-Ispiritwalità u l-Akkumpanjament Spiritwali għandha eżekuttiv ġdid magħmul minn Patri Charló Camilleri, O.Carm, Dr Edward Clemmer u Martin Azzopardi sdc.

F’perspettiva Nisranija, l-Assoċjazzjoni tfittex li tħeġġeġ l-għarfien, il-fehma, r-rispett u l-appoġġ tan-nies fid-dimensjoni spiritwali tagħhom f’kuntesti professjonali u f’komunità usa’. Dan tagħmlu billi: tmexxi ’l quddiem l-istudju akkademiku, l-edukazzjoni u l-għarfien fil-qasam tal-ispiritwalità; l-iżvilupp ta’ prattiki inklussivi u professjonali; u t-trawwim ta’ spazji adegwati għad-diskussjoni dwar il-prattika tal-akkumpanjament spiritwali.

Bħala għanijiet, l-Assoċjazzjoni tfittex li:

  • tmexxi ’l quddiem l-istudju akkademiku tal-ispiritwalità u l-akkumpanjament spiritwali kif ukoll il-ħarsien tal-prattika u d-dixxiplina professjonali f’dawn l-oqsma;
  • iżżomm it-tagħlim, b’mod partikulari, dak tal-ispiritwalità bħala dixxiplina akkademika u professjonali.
  • toffri appoġġ lid-diretturi spiritwali fil-qasam professjonali tagħhom permezz ta’ taħriġ u superviżjoni għal żvilupp professjonali kontinwu.
  • trawwem id-djalogu dwar l-ispiritwalità ma’ twemmin, fehmiet, professjonijiet u gruppi ta’ interess differenti.
  • tħeġġeġ u tiffaċilita r-riċerka fl-ispiritwalità, permezz ta’ taħditiet, workshops u inizjattivi akkademiċi oħra.

L-Assoċjazzjoni tilqa’ bħala membri lil dawk li temmew b’suċċess il-programmi tal-Master of Arts fl-Ispiritwalità jew fl-Akkumpanjament Spiritwali fl-Università ta’ Malta, jew kwalunkwe kors ekwivalenti tat-Tieni Ċiklu (jiġifieri, Master’s Degree, Postgraduate Certificate, jew Postgraduate Diploma) li jispeċjalizzaw fit-Teoloġija Spiritwali u l-Akkumpanjament Spiritwali fil-Livell EQF 7 jew ogħla. Tħeġġeġ ukoll biex jissieħbu  studenti li bħalissa qed isegwu l-korsijiet imsemmija.

L-Eżekuttiv il-ġdid jirringrazzja lill-membri kollha, b’mod speċjali lill-eżekuttiv li ħadem tul l-ewwel erba’ snin mit-twaqqif tal-Assoċjazzjoni. L-Assoċjazzjoni tawgura lil Patri Glen Attard O.Carm li nħatar rappreżentant tal-Fakultà tat-Teoloġija għall-Assoċjazzjoni, fi ħdan l-Università ta’ Malta.

Għal aktar tagħrif ibgħat fuq: [email protected].