L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Dun Anton D’Amato bħala Direttur tal‑Kummissjoni Migranti, li kienet magħrufa bħala l‑Kummissjoni Emigranti. Huwa qed jieħu post Mons. Alfred Vella li kien ilu jservi f’din il‑kariga għal sbatax‑il sena, u li issa qed imexxi l‑Uffiċċju Żwiġijiet tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta.

Dun Anton D’Amato ggradwa fl‑2009 mill‑Fakultà tal‑Liġi fl‑Università ta’ Malta. Sentejn wara beda l‑formazzjoni u l‑istudji tiegħu għall‑ħajja saċerdotali fis‑Seminarju tal‑Arċisqof u ggradwa fil‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑2019. Ġie ordnat saċerdot f’April 2018 u beda l‑ħidma pastorali tiegħu bħala chaplain ta’ Junior College.

Il‑membri tal‑Kummissjoni Migranti huma l‑Avukat Ibtisam Sadegh, il‑Perit Etienne Fenech, Dr Rachel Taylor‑East, Marija Zahra u Rose‑Anne Abdilla.

Il‑Kummissjoni Migranti ilha għal dawn l‑aħħar 60 sena tgħin lill‑emigranti Maltin u l‑familji tagħhom, kif ukoll lill‑immigranti li ġew f’Malta biex isibu kenn. Fost ħidmietha, il‑Kummissjoni toffri għajnuna lill‑immigranti biex jgħixu b’dinjità u tgħinhom fil‑proċess ta’ integrazzjoni fis‑soċjetà Maltija.