L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Dun Mario Tong bħala arċipriet tal‑parroċċa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, l‑Imdina.
Dun Mario Tong twieled fid‑29 ta’ April 1953. Huwa ħa l‑formazzjoni tiegħu fis‑Seminarju u ġie ordnat saċerdot fid‑19 ta’ Ġunju 1977.
Beda l‑ħidma pastorali tiegħu fid‑Djoċesi ta’ Ġibiltà fejn għal diversi snin serva fil‑Katidral ta’ Santa Marija Inkurunata, fil-parroċċa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, u kien ukoll il‑kappillan tal‑isptar ġenerali ta’ Ġibiltà.
Dun Mario ħadem ukoll fil‑parroċċa ta’ Our Lady Queen of Martyrs, f’Centerport, fid‑Djoċesi ta’ Rockville Center, Long Island, New York.
Fl-Arċidjoċesi ta’ Malta, matul is-snin huwa kien kappillan ta’ Marsaxlokk, kappillan tal‑parroċċa ta’ San Ġużepp Ħaddiem f’Birkirkara, arċipriet tal‑Mosta, arċipriet tal‑parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu fil‑Belt Valletta, u kappillan Tal‑Ibraġ.
Matul l‑aħħar sentejn Dun Mario ta wkoll servizz pastorali fil‑parroċċa ta’ Ħ’Attard, fl‑Uffiċċju Żwigijiet fil‑Kurja tal‑Arċisqof u fil‑Monasteru tas‑Sorijiet Benedittini fl‑Imdina.
Il‑parroċċa tal‑Imdina tiġbor fiha popolazzjoni ta’ madwar 246 persuna.