L‑Arċidjoċesi ta’ Malta ser tlaqqa’ l‑Assemblea Djoċesana bejn għada l‑Ħamis 21 u l‑Ġimgħa 22 ta’ Novembru 2019. L‑Assemblea ser tkun ippreseduta mill‑Arċisqof Charles J. Scicluna u ser tiltaqa’ fis‑Sala taċ‑Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni (ĊAK) f’Birkirkara.

Matul din l‑Assemblea ser jiġi ppreżentat il‑working document tal‑Pjan Pastorali għall‑Arċidjoċesi ta’ Malta għas‑snin 2020‑2023. Il‑preżentazzjoni ser issir mid‑Delegat Episkopali għall‑Evanġelizzazzjoni Dr Nadia Delicata.

Dan il‑working document bit‑tema ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed – Proċess ta’ Dixxerniment Ekkleżjali 2020‑2023’ jelenka erba’ prijoritajiet ewlenin għall‑Knisja: li tisma’, li tilqa’, li takkumpanja u li toħrog bla biża’ biex ixxandar l‑Bxara t‑Tajba. Id‑dokument, li huwa ispirat mir-rakkont tad-dixxipli ta’ Emmaws mill-Evanġelju ta’ San Luqa, inkiteb wara konsultazzjoni wiesgħa li saret matul dawn l‑aħħar xhur ma’ għadd ta’ persuni involuti f’diversi ħidmiet tal‑Knisja u tas-soċjetà Maltija.  

Fl‑Assemblea, l‑Arċisqof Scicluna u l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi ser jismgħu r‑reazzjonijiet għal dan id‑dokument minn diversi rappreżentanti involuti direttament fil‑ħidma tal‑Knisja, bħala parti minn proċess ta’ dixxerniment ekkleżjali (il‑proċess li permezz tiegħu, imdawla mill‑Ispirtu s‑Santu u l‑Kelma ta’ Alla, il‑Knisja tagħraf ir‑rieda ta’ Alla għal sitwazzjoni jew żmien partikolari). Ladarba jitlesta dan il‑proċess, il‑Pjan Pastorali jiġi ppublikat f’Jannar li ġej.

Għall‑Assemblea Djoċesana huma mistiedna l‑kappillani u r-rappreżentanti tal‑parroċċi kollha, il‑provinċjali tal‑kongregazzjonijiet reliġjużi, u l‑mexxejja tal‑għaqdiet u l‑movimenti Kattoliċi, flimken ma’ delegati u persuni oħra f’kunsilli tal‑Arċidjoċesi. L‑Arċisqof Scicluna ser jagħlaq l‑Assemblea bid‑diskors tiegħu l‑Ġimgħa filgħaxija.