• Kappillan ġdid għall-Parroċċa ta’ Lourdes, Raħal Ġdid

  • L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ħatar lil Dun Lawrenz Gauci bħala kappillan tal-parroċċa Madonna ta’ Lourdes, Raħal Ġdid.

    Dun Lawrenz Gauci twieled l-Imġarr fis-26 ta’ Novembru 1944. Huwa rċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola Primarja tal-Imġarr u fis-Seminarju tal-Arċisqof, u kompla l-istudji terzjarji fil-Filosofija, fl-Università ta’ Malta. Fl-1969 ħalla Malta lejn il-Brażil fejn kompla l-istudji tiegħu fit-Teoloġija. Hu ġie ordnat saċerdot f’Malta, fis-17 ta’ Diċembru 1972.

    Bejn l-1973 u l-2009, Dun Lawrenz kien kappillan f’ħames parroċċi differenti fl-istati ta’ Paraná u Sao Paulo, fid-djoċesijiet ta’ Maringá u ta’ Santo André, fil-Brażil. F’dan il-perijodu studja l-Pastorali Urbana u kiseb Dottorat fit-Teoloġija. Huwa għallem it-Tagħlim Soċjali tal-Knisja lis-seminaristi, lid-djakni permamenti u lill-lajċi.

    F’Diċembru 2009, Dun Lawrenz rritorna Malta u fi Frar tas-sena ta’ wara nħatar rettur tal-Knisja tal-Erwieħ, Ħal Tarxien.

    Il-parroċċa ta’ Raħal Ġdid tiġbor fiha madwar 2,300 persuna f’ 650 familja.