L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

B’din is-silta mill-Evanġelju ta’ San Mattew jiġi konkluż id-diskors imsejjaħ tal-muntanja. Fil-kapitlu 5 ta’ San Mattew il-Mulej jitla’ fuq għolja, iħares lejn il-folla, joqgħod bilqiegħda u jibda jgħallimhom. L-idea tal-Evanġelju ta’ San Mattew huwa li jippreżenta lil Ġesù f’dawn iż-żewġ kapitli: il-kapitlu 5, 6 u anke 7, dawn it-tliet kapitli bħala l-Mosè l-ġdid, jagħti l-liġi l-ġdida lill-poplu tiegħu.

Jiena nista’ jkun li jkolli l-ġelu kollu tajjeb u mmur pelleggrinaġġi, u l-Madonna tkellimni, u l-Qalb ta’ Ġesù wkoll, imma ma jkollix imħabba, ma jkollix ħniena. Meta nitkellem fuq il-proxxmu joħroġ biss il-velenu tar-rabja u tal-mibegħda.

U hawnhekk għandna wkoll tliet mumenti f’din is-silta tal-versi 21 sad-29. L-ewwel mument huwa fejn il-Mulej javżana li mhux biżżejjed inkunu sejjaħna ismu. Aħna għandna ħafna modi kif niċċelebraw il-fidi tagħna. Ma rridx insemmi biss il-festi jew inkella d-devozzjonjiet tagħna. Jgħidilna mhux biżżejjed ta, mhux biżżejjed li tgħidlu ‘Mulej, Mulej’ biex tidħlu fis-saltna tas-smewwiet imma li tagħmlu r-rieda ta’ Missieru li hu fis-smewwiet (Mt 7:21). Wara kollox fit-talba li għallimna, dan għallimna nitolbu: “Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int kif fis-sema hekkda fl-art” (Mt 6:9-10).

Impressjonanti hija li aħna nistgħu nfakkruh lil Ġesù li f’ismu għamilna ħafna affarijiet kbar: ħabbarna, keċċejna x-xjaten, għamilna ħafna mirakli (Mt 7:22). Għal Ġesù donnu mhux biżżejjed, anzi javżana li jista’ jkun li wara dan kollu jgħidilna: “Lilkom qatt ma kont nafkom”. Kelma terribbli din, kelma kbira. “Warrbu minn quddiemi intom li tagħmlu l-ħażen” (Mt 7:23). Għal Ġesù importanti li tieħu bis-serjetà l-kliem tiegħu li wara kollox huwa kliem ta’ mħabba, kliem ta’ mogħdrija, kliem ta’ ħniena.

Il-kelma ta’ Ġesù kienet tirrifletti l-qalb tiegħu, kienet kelma ħierġa mill-qalb mhux tal-kotba jew tat-tentufiet u l-frilli, mill-qalb u allura kellha s-setgħa vera, is-setgħa tal-qalb li tkellem il-qalb.

Kultant aħna naħsbu li l-kliem ta’ Ġesù huwa ġebel li nistgħu ngaraw lil xulxin. U dan nagħmluh f’ismu u nippretendu li xi dehra tatna l-qawwa li niġġudikaw lil ħaddieħor, li mingħalina aħjar minn ħaddieħor. Kemm inkunu mbegħdin mill-Qalb ta’ Ġesù meta nagħmlu hekk. U dan kollu ma jsalvaniex. Għaliex hu jridna li nibnu fuq il-blat u l-blata taf x’inhi? Il-Qalb ta’ Ġesù. Jiena nista’ jkun li jkolli l-ġelu kollu tajjeb u mmur pelleggrinaġġi, u l-Madonna tkellimni, u l-Qalb ta’ Ġesù wkoll, imma ma jkollix imħabba, ma jkollix ħniena. Meta nitkellem fuq il-proxxmu joħroġ biss il-velenu tar-rabja u tal-mibegħda. U kollox f’isem Ġesù! “Ma nafkomx,” jgħidilna.

Il-poplu kien jisimgħu lil Ġesù mhux għax kellu ħafna lbies fin u lanqas kien jgħix f’xi palazz kbir, qal hu stess. Kien mastrudaxxa minn Nazaret imma kien “jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa” (Mt 7:29). Din il-kelma dejjem timpressjonani. Bil-Grieg, li kif tafu kienet il-lingwa li fih inkiteb l-Evanġelju, din il-kelma ‘setgħa’ hi exousia. Tgħiduli din xi tfisser? Biex ġej? Tfisser xi ħaġa li ħierġa mill-qalb tiegħek, minn dak li inti. Il-kelma ta’ Ġesù kienet tirrifletti l-qalb tiegħu, kienet kelma ħierġa mill-qalb mhux tal-kotba jew tat-tentufiet u l-frilli, mill-qalb u allura kellha s-setgħa vera, is-setgħa tal-qalb li tkellem il-qalb.

Ejjew nifhmu li meta Ġesù jgħidilna “ibnu d-dar tagħkom fuq il-blat” mhux il-ġebel li ngaraw lil xulxin, mhux dak il-blat imma blata samma tal-qalb umli u ħanina tiegħu.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 2 Slat 24, 8-17
Salm: 78 (79), 1-2.3-5.8.9
Evanġelju: Mt 7, 21-29