L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Kun ta’ eżempju għal dawk li jemmnu, fi kliemek u fl-imġiba tiegħek, fl-imħabba, fil-fidi, fis-safa” (1 Tim 4:12). Dawn il-kliem tal-Appostlu Missierna San Pawl lil Timotju, għeżież, nafdahomlkom bħala kelma ta’ profezija fuqkom illum. Minn hawn u ftit ieħor se tkunu ordnati djakni; u d-djakonat huwa dimensjoni li jibqa’ magħna dejjem. Għalhekk dan is-sagrament jagħti marka, karattru fir-ruħ tagħna.
Intom ordnati djakni għal dejjem. Il-Mulej jimmarkakom b’din il-vokazzjoni li tkunu qaddejja tal-verità, qaddejja tal-artal u qaddejja tal-fqar. Intom djakni, intom qaddejja. Imma l-ewwel vokazzjoni tagħkom hija li tkunu ta’ eżempju.
Qisu dak li qed jgħid l-Appostlu Missierna lil dan il-kollega żagħżugħ: “Qis li ħadd ma jmaqdrek għax inti żagħżugħ; imma kun ta’ eżempju fi kliemek, fl-imġiba tiegħek, fl-imħabba, fil-fidi u fis-safa” (1 Tim 4:12). Il-Knisja, hija u tordnakom djakni titlob li intom tkunu ta’ eżempju sabiħ.

U meta tafdalkom il-Ktieb tal-Evanġelju llum, titlob li intom u taqraw, tfasslu ħajjitkom fuq dak li taqraw; issiru l-kelma ħajja, mgħixa, konkreta; li l-Kelma ta’ Alla ssir parti mill-eżistenza radikali u fundamentali tagħkom. U hekk issiru qaddejja tal-verità.
Il-Mulej jimmarkakom b’din il-vokazzjoni li tkunu qaddejja tal-verità, qaddejja tal-artal u qaddejja tal-fqar.
Meta tkun qaddej tal-verità, hija l-verità li taħkmek, u mhux inti tippossiedi l-verità. Inti tħalli l-verità tal-Kelma ta’ Alla tħaddnek; u l-kelma tiegħek tkun l-eku tagħha. Qisu li l-kliem tagħkom ikun marbut mal-istil u l-Kelma tal-Evanġelju.

Intom qaddejja tal-artal. Il-Mulej qed isejħilkom biex intom u taqdu l-misteri qaddisa, taddottaw l-istil tal-ħajja tat-talb. Il-liturġija ta’ din l-ordinazzjoni tinsisti, bħalma jinsisti wkoll l-interrogatorju li se nagħmlilkom fi ftit sekondi oħra, li intom qed tissejħu biex tnisslu ġewwa fikom, u tikkonfermaw ġewwa fikom l-ispirtu tat-talb. Għalhekk tieħdu fuqkom id-dover li titolbu f’isem il-Knisja, il-liturġija tas-sigħat; imma fuq kollox, li intom tkunu f’relazzjoni ta’ mħabba mal-Mulej; li tippreżentawlu quddiemu mhux biss id-dgħufija u l-faqar tagħkom, imma wkoll id-dgħufija u l-faqar tal-umanità. U tagħtu biżżejjed spazju lill-Mulej, biex it-talba tagħkom jilqagħha, u jagħmilkom strumenti tal-għaqda bejnu u bejn il-bnedmin. Intom qaddejja tal-artal, intom u titgħallmu biex toffru lilkom infuskom bi mħabba safja għall-glorja ta’ Alla.
Intom ukoll qaddejja tal-fqar. Id-djakonat ifakkarna li aħna dejjem qaddejja. Inkunu msejħin għal liema awtorità tkun fil-ħajja: kemm fil-ħajja reliġjuża, kemm fil-ħajja tal-Knisja: aħna dejjem qaddejja; m’għandna l-ebda titlu li nkunu sidien ħarxa tal-merħla, tal-komunità tal-aħwa. Imma aħna qaddejja u d-djakonat jagħtikom din il-marka ta’ dejjem. Jalla intom u tħaddmu l-awtorità li tingħatalkom permezz tal-ubbidjenza, tiftakru li intom qaddejja – qaddejja tal-fqar: fqar jaqdu lill-fqar; għax aħna radikalment fqar quddiem Alla, għandna bżonn tiegħu kontinwament; ngħixu l-beatitudni tal-henjin: dawk li huma foqra, meta nifhmu li għandna bżonn lil Alla kontinwament. U din il-konsapevolezza, dan l-għarfien jixprunana biex aħna u niltaqgħu mal-foqra ta’ din id-dinja, fl-ispirtu, fir-ruħ u fil-ġisem, nitbaxxew biex naħslu s-saqajn għax il-Mulej għamel magħna l-istess.

Ħarsu lejn il-fundaturi tagħkom. Inti Mauro, ftakar li qed tiġi ordnat djaknu f’din is-sena qaddisa ta’ missierek San Franġisk, u ifhem li għażel li jkun fqir mal-fqar, qaddej ta’ donna povertà.
Intom, ulied San Ġwann Bosco: Matthew u Raphael, ifhmu li l-fundatur tagħkom qatt ma fittex il-glorja tad-dinja, imma kien ta’ qadi għaż-żgħażagħ u għallem lill-edukaturi jużaw iżjed imħabba u paċenzja milli ħruxija u dixxiplina.
Jalla l-eżempju tagħkom iqanqal vokazzjonijiet ġodda u sbieħ għall-ħajja reliġjuża. Waqt li nilqgħu d-don tax-xhieda tagħkom, nitolbu li l-valur sabiħ tal-faqar u l-kastità jibqgħu eżempju li jqanqlu l-kuxjenza tas-soċjetà tagħna; li minflok tgħożż il-faqar, tiġri b’mod sfrenat wara l-flus; li minflok tgħożż l-ubbidjenza, tfittex l-awtonomija ’l bogħod minn Alla; minflok il-kastità tuża lill-bniedem bħala strument. Il-Mulej jagħtikom imħabba safja li tħares lejn kull bniedem, hu min hu, b’dik l-istess imħabba li biha l-Mulej qed iħares lejkom illum.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 13:44-52
Responsorju: Salm 97 (98):1,2-3ab,3ċd-4
L-Evanġelju: Ġw 14:7-14





