Erba’ kandidati ser jiġu ordnati djakni mill-Arċisqof Charles Scicluna nhar is-Sibt, 27 ta’ Ġunju 2020, fid-9:30am. Il-Quddiesa se ssir fil-Knisja Parrokkjali ta’ Sta Katerina, iż-Żejtun, tixxandar live fuq TVM2, Newsbook.mt, u l-YouTube Channel u l-paġna ta’ Facebook tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.

L-erba’ kandidati li ser jiġu ordnati djakni huma:

  • Roderick Baldacchino mill-Parroċċa ta’ Santa Katerina, iż-Żejtun
  • Joshua Cortis mill-Parroċċa ta’ San Gejtanu, il-Ħamrun
  • Jean-Claude Schembri mill-Parroċċa ta’ Santa Katerina, iż-Żejtun
  • Mark Scicluna tal-Ordni tal-Aħwa Minuri Kapuċċini

Il-komunità tas-Seminarju u l-komunitajiet reliġjużi qed jistiednu lill-Insara biex jingħaqdu magħhom f’mument ta’ talb li ser jixxandar fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Parroċċa tal-Mosta, illum, il-Ħamis, 25 ta’ Ġunju fit-8pm mill-Bażilika tal-Mosta, fejn ser isir talb għas-saċerdoti ġodda u għal iżjed vokazzjonijiet.


IL-QARI TAL-QUDDIESA DJAKONALI

Qari I

Ġer 1: 4-10

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli:
“Qabel ma sawwartek fil-ġuf, għaraftek;
qabel ma ħriġt minn ħdan ommok, ikkonsagrajtek.
Jien qegħedtek profeta fuq il-ġnus.”
Jien weġibt:
“Ah, Sidi Mulej, ma nafx nitkellem, għadni żgħir.”
U l-Mulej weġibni:
“Tgħidx, ‘Għadni żgħir’.
Inti tmur kull fejn nibagħtek,
u tgħid kulma nordnalek.
La tibżax minnhom,
għax jien miegħek biex neħilsek,”
oraklu tal-Mulej.
U l-Mulej ħareġ idu u messli fommi,
u qalli l-Mulej:
“Ara, qegħedtlek kliemi fuq fommok.
Ara, jiena llum qegħedtek fuq il-ġnus u s-saltniet,
biex taqla’ u ġġarraf,
biex teqred u tħott,
biex tibni u tħawwel.”

Il-Kelma tal-Mulej

℟. Inroddu ħajr lil Alla


Salm Responsorjali

Salm 88: 21,22; 27-30

℟. It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni

Sibt ’il David, qaddej tiegħi,
biż-żejt imqaddes tiegħi dliktu;
tkun idi dejjem miegħu,
u nsaħħu wkoll bi driegħi. ℟.

Hu jsejjaħli: Int missieri u Alla tiegħi,
fortizza u salvazzjoni tiegħi!
U jiena nagħmlu l-iben il-kbir tiegħi,
l-ogħla fost is-slaten tal-art. ℟.

It-tjieba tiegħi nżommha fuqu għal dejjem,
u l-patt tiegħi miegħu jibqa’ sħiħ.
Nagħmel li nislu jibqa’ għal dejjem;
it-tron tiegħu jkun bħall-jiem tas-sema. ℟.


Qari II

Gal 5:16-26

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Galatin

Ħuti,
Jien ngħidilkom,
imxu fl-Ispirtu
u taqgħux għall-passjonijiet tal-ġisem.
Il-passjonijiet tal-ġisem huma kontra l-Ispirtu,
u l-Ispirtu hu kontra l-ġisem;
dawn it-tnejn huma kontra xulxin,
biex ma jħallukomx tagħmlu dak li tixtiequ.
Jekk lilkom imexxikom l-Ispirtu,
m’intomx taħt il-liġi.
L-għemejjel tal-ġisem huma magħrufa:
żina, faħx, nuqqas ta’ rażan,
idolatrija, seħer, mibegħda,
ġlied, għira, korla,
ambizzjoni, firda, partiti,
invidja, sokor, tbahrid,
u ħwejjeġ bħal dawn.
Inwissikom, bħalma wissejtkom qabel,
min jagħmel dawn il-ħwejjeġ
ma jiritx is-saltna ta’ Alla.
Il-frott tal-Ispirtu huma:
l-imħabba, l-hena, is-sliem,
is-sabar, il-ħniena, it-tjieba,
il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan.
Kontra dawn ma hemmx liġi.
Dawk li huma ta’ Kristu Ġesù
sallbu l-ġisem bil-ġibdiet u l-passjonijiet tiegħu.
Jekk ngħixu bl-Ispirtu, ħalli nimxu bl-Ispirtu;
ma nkunux minn dawk li jfittxu l-ftaħir fieragħ;
ma nġarrbux lil xulxin;
ma ngħirux għal xulxin.

Il-Kelma tal-Mulej


℟. Inroddu ħajr lil Alla

Hallelujah! ℟. Hallelujah!

“Min jilqa’ lil min nibgħat jien,
ikun jilqa’ lili,
u min jilqa’ lili,
ikun jilqa’ lil dak li bagħatni.”

℟. Hallelujah!


Evanġelju

Ġw 13:12-20

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien:
Wara li ħaslilhom saqajhom, (Ġesù),
libes il-mantar u raġa’ qagħad fuq il-mejda;
u qalilhom:
“Tafu x’għamiltilkom?
Intom issejħuli ‘l-Imgħallem’ u ‘il-Mulej’,
u tgħidu sewwa, għax hekk jien.
Mela jekk jien,
li jien il-Mulej u l-Imgħallem,
ħsiltilkom saqajkom,
hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin.
Għax jien tajtkom eżempju,
biex kif għamilt jien magħkom,
hekk tagħmlu intom ukoll.
Tassew tassew ngħidilkom,
l-ilsir mhuwiex aqwa minn sidu,
anqas il-messaġġier ma hu aqwa minn min jibagħtu.
Jekk dawn il-ħwejjeġ tafuhom,
henjin intom jekk tagħmluhom.
Jien m’iniex ngħid għalikom ilkoll,
għax jien naf x’nies għażilt,
imma għandha sseħħ l-Iskrittura li tgħid,
‘Min kiel il-ħobż miegħi,
tani bis-sieq.’
Dan qiegħed ngħidu minn issa, qabel ma jiġri,
biex, meta jiġri, temmnu li jiena hu.
Tassew tassew ngħidilkom,
min jilqa’ lil min nibgħat jien,
ikun jilqa’ lili,
u min jilqa’ lili,
ikun jilqa’ lil dak li bagħatni.”

Il-Kelma tal-Mulej

℟. Tifħir lilek Kristu


Talba għat-Tqarbina tax-Xewqa

Ġesù, jiena nemmen li Inti tinsab tabilħaqq fis-Sagrament tal-Ewkaristija. 
Irrid inħobbok fuq kollox u fuq kulħadd.
Inti taf li nixtieq nirċevik ġewwa fija.
Imma ġaladarba bħalissa ma nistax nilqgħek ġewwa fija sagramentalment,
nitolbok li tiġi fija spiritwalment.
Ejja għandi Ġesù tiegħi, biex jiena niġi għandek.
Ħeġġiġni bl-imħabba għalik biex f’ħajti u f’mewti jiena nemmen fik,
nitma’ fik u nibqa’ nħobbok għal dejjem.
Ammen