L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Hemm nota ta’ ferħ li hi nota qawwija marbuta ma’ din is-solennità tat-twelid ta’ San Ġwann il-Battista. Fl-Evanġelju stess smajna lil San Luqa jgħid li mat-twelid il-ġirien u l-qraba “marru jifirħu” ma’ Eliżabetta. Imma anke xhur qabel, meta l-anġlu lil Żakkarija ħabbarlu li kien se jitwieled Ġwanni l-Battista,  kien qallu: din se tkun ħaġa li lilek se ġġiblek ferħ kbir u thennik ħafna, u jkunu bosta li jifirħu bit-twelid tiegħu. U nafu li ftit qabel twieled Ġwanni, meta Marija marret għand Eliżabetta, hi qaltilha: “Malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ.”

Fit-twelid ta’ Ġwanni l-Battista hemm dan il-ferħ li jibda qabel it-twelid, fil-ġuf. Kif nafu, il-ħajja umana tibda mat-tnissil – kif rajna tajjeb ħafna fis-Salm b’mod sabiħ, meta lill-Mulej is-Salmista jgħidlu: “Int sawwart il-ġewwieni tiegħi u f’ġuf ommi int insiġtni.”

Għaliex San Ġwann il-Battista hu daqshekk magħqud mal-ferħ? Għax kien hu li għaqqad flimkien it-Testment il-Qadim mal-Ġdid. Wera kif dak li tħabbar u ġie ppreparat fit-Testment il-Qadim kellu jseħħ f’Ġesù. Kellu din il-missjoni speċjali illi jħabbar il-miġja ta’ Ġesù, l-Aħbar it-Tajba li ġġib tassew il-ferħ fostna.

Imma nnutaw ukoll kif San Ġwann il-Battista qeda din il-missjoni tiegħu. Kien dejjem jipponta lejn Ġesù. Lin-nies iwassalhom għandu, u jgħidilhom “dak hu!”. Lill-folol li kienu jmorru għandu ma kienx iħallihom għandu imma jwassalhom għand Ġesù. Fil-fatt hemm dik is-sentenza li tiġbor b’mod sabiħ il-missjoni tiegħu, u kif qdieha, fejn jgħid: “Dan hu l-ferħ li bih qalbi mtliet: jeħtieġ li jikber Hu u niċkien jien”.

Illum f’din il-festa nitolbu lil San Ġwann il-Battista biex bħalu aħna wkoll inkunu nies ta’ ferħ u li nnisslu l-ferħ. U li bħalu jkollna din l-attitudni, bħala dixxipli, bħala Knisja, jiġifieri: li ngħinu lin-nies jaslu għand Ġesù. Lin-nies mhux inwaqqfuhom għandna –ngħid għalina s-saċerdoti l-ewwel – imma aħna nwassluhom għand Ġesù. U dan ikun il-ferħ tassew. Meta n-nies jaslu għandu qalbhom timtela bil-ferħ, u qalbna timtela bil-ferħ jekk aħna, bħal San Ġwann il-Battista, inkunu wassalna lill-oħrajn għand Ġesù.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju