L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

Din is-silta mill-kapitlu 17 ta’ San Ġwann hija silta għażiża għaliex huwa l-mument meta Ġesù f’Ħamis ix-Xirka jitlob għalina.

Fil-fatt, fil-bidu ta’ din is-silta l-kelma tiegħu hija ċara ħafna: “M’iniex nitlob għal dawn biss”. Dawn huma dawk li hemm madwaru li fuqhom kien talab it-talba tal-konsagrazzjoni. Kien tahom il-kmandamenti għeżież tiegħu. “M’iniex nitlob għal dawn biss imma wkoll għal dawk li għad jemmnu fija bis-saħħa tal-kelma tagħhom” (Ġw 17:20). U dawn huma aħna, aħna li emminna fih bis-saħħa tal-kelma tal-appostli li għaddiet minn appostlu għall-komunità, mill-komunitajiet waslet għandna.

U x’jitlob meta jitlob fuqna Ġesù u għalina? Jitlob id-don tal-għaqda. U għaqda mhix kosmetika, mhux taparsi, imma għaqda li tant hi qawwija li hi bħalma hemm l-għaqda fil-ħajja ta’ Alla stess: “Kif inti fija, Missier, u jiena fik, hekk ikunu huma wkoll ħaġa waħda fina” (Ġw 17:21).

Meta aħna nħarsu lejn dak li għamilna aħna f’dawn l-aħħar 2,000 sena, nifhmu kemm għamilna  bil-maqlub. Kemm firdiet fostna sal-ġurnata mqaddsa tal-lum. U Ġesù jgħid: “biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni” (Ġw 17:21). L-għaqda ta’ bejnietna huwa l-mezz kif id-dinja se tifhem li hu bagħtu.

Kemm għandna x’nitgħallmu minn dan l-Evanġelju li jisfidana biex ma ninħlewx fl-affarijiet iż-żgħar li jfixkluna fl-għaqda ta’ bejnietna, imma nifhmu li dak kollu li nagħmlu biex inħobbu lil xulxin, biex naħfru lil xulxin, il-Mulej jużah biex jattira nies lejn qalbu.

Xi sentejn ilu kelli l-grazzja kbira li ngħammed żewġ tfajliet li kienu minn pajjiż imbiegħed. U qabel il-Magħmudija li saret fil-vġili tal-Għid, staqsejthom f’kollokju personali kif iltaqgħu ma’ Ġesù għax kienu trabbew f’ambjent fejn mhuwiex ambjent Nisrani. U qaluli li kienu ltaqgħu ma’ Ġesù billi ltaqgħu ma’ grupp ta’ xebbiet li kienu jgħixu l-ħajja Nisranija flimkien u ntlaqtu bl-imħabba li kien hemm bejniethom. Ma jfissirx li kollox kien perfett imma kien hemm din ir-rieda, din il-volontà li wieħed jaħdem għall-imħabba ta’ bejnietna, l-għaqda, l-unità.

U din il-ħaġa lil dawn iż-żewġ tfajliet attirathom lejn Ġesù. Minħabba l-kuntatti li kellhom ma’ dawn it-tfajliet Insara, ġew ippersegwitati u kellhom jaħarbu minn pajjiżhom u waslu Malta u talbu li jkunu Nsara, li jitgħammdu.

U hemmhekk jiena rajt isseħħ il-kelma ta’ Ġesù. L-għaqda li raw f’dan il-grupp ta’ tfajliet Insara resqithom lejn il-Mulej, lejn il-fidi u kienu lesti jitilqu pajjiżhom biex ma jitilfux lil Ġesù. Kemm għandna x’nitgħallmu minn dan l-Evanġelju li jisfidana biex ma ninħlewx fl-affarijiet iż-żgħar li jfixkluna fl-għaqda ta’ bejnietna, imma nifhmu li dak kollu li nagħmlu biex inħobbu lil xulxin, biex naħfru lil xulxin, il-Mulej jużah biex jattira nies lejn qalbu.

M’ilux il-Papa talab din it-talba aħna u niċċelebraw propju dawn il-ġranet li jwassluna lejn Pentekoste. Nitolbu dan id-don kbir tal-Ispirtu qaddis tal-Mulej, id-don tal-għaqda ta’ bejnietna li l-Knisja, minkejja l-istorja ta’ swied il-qalb, ta’ firdiet u ta’ vjolenzi u ta’ qtil li bihom farrakna l-ġisem ta’ Ġesù, il-Knisja tingħata dan id-don li tkun sinjal ta’ għaqda.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 22, 30; 23, 6-11
Salm: 15 (16), 1-2a u 5.7-8.9-10.11
Evanġelju: Ġw 17, 20-26