L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

Din is-silta mill-kapitlu 16 ta’ San Ġwann tibda tippreparana bil-mod il-mod għat-tluq ta’ Ġesù minn din id-dinja fil-misteru tal-passjoni u l-mewt tiegħu, tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, tat-tlugħ is-sema tiegħu.

“Jaqblilkom li jiena mmur” (Ġw 16:7). Dan huwa kliem li għall-qalb tal-bniedem huwa diffiċli għax meta aħna ngħożżu lil xi ħadd, l-aħħar ħaġa li tiġi f’moħħna hija li ninfirdu minnu. U għalhekk il-misteru kbir tat-telfa ta’ xi ħadd għażiż għalina jibqa’ dejjem misteru ta’ tbatija kbira. It-tluq għall-ħajja ta’ dejjem ta’ xi ħadd mill-ġenituri tagħna, xi ħadd mill-ħbieb għeżież, xi ħadd li għamlilna ħafna ġid, jibqa’ dejjem immarkat bi swied il-qalb.

Wara kollox, Ġesù stess għadda minn din l-esperjenza tat-tluq li ġagħlu jibki għax hu, quddiem il-mewt tal-ħabib tiegħu Lazzru, jieqaf u jibki (Ġw 11:35). Lil Lazzru reġġgħu lura lejn l-art, lejn l-art tal-ħajjin, imma Lazzru wkoll miet.

Meta jitkellem fuq it-tluq tiegħu, Ġesù jipprova jipperswadi lill-ħbieb tiegħu li m’għandhomx għalfejn jitnikktu daqshekk. “Ngħidilkom is-sewwa jaqblilkom li jiena mmur; għax jekk ma mmurx id-Difensur ma jiġix għandkom; imma jekk immur, nibgħathulkom” (Ġw 16:7). U hawnhekk nifhmu li dan id-don tad-Difensur, il-Paraklitu, l-avukat, l-Ispirtu s-Santu huwa wkoll don tal-preżenza ta’ Ġesù. ‘Jaqblilkom li jiena mmur għaliex jien se nibqa’ magħkom permezz tal-Ispirtu qaddis tiegħi’.

Meta ngħożżu lil xi ħadd, l-aħħar ħaġa li tiġi f’moħħna hija li ninfirdu minnu. U għalhekk il-misteru kbir tat-telfa ta’ xi ħadd għażiż għalina jibqa’ dejjem misteru ta’ tbatija kbira.

F’dawn l-aħħar ġranet tal-istaġun tal-Għid – il-Ħadd li ġej niċċelebraw Lapsi, it-tlugħ tal-Mulej is-sema u l-Ħadd ta’ wara Pentekoste u hekk jispiċċa l-istaġun tal-Għid – dawn l-aħħar ġranet nibdew nifhmu dan id-don x’inhu u kemm hu kbir. Illum Ġesù qed jgħallimna li l-Ispirtu huwa l-mod kif hu se jkun preżenti magħna u li tant huwa don kbir li jinsisti li jaqblilna li hu jinfatam magħna biex jagħtina d-don tal-Ispirtu qaddis tiegħu.

✠ Charles Jude Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 16, 22-34
Salm: 137 (138), 1-2a.2bċ-3.7ċ-8
Evanġelju: Ġw 16, 5-11