L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Hu mument pjuttost intimu dan li għadna kemm smajna u li tant baqa’ mnaqqax fil-memorja,  propju naqrawha fit-tieni Ħadd tar-Randan, f’din il-mixja li bdejna fl-Erbgħa tal-Irmied (diġà qegħdin fit-tieni Ħadd tar-Randan) u kull sena fit-tieni Ħadd tar-Randan nisimgħu wieħed mit-tliet rakkonti tat-Trasfigurazzjoni.

L-ewwel nett tfakkarna li hemm leħen li jinstema’ biss, leħen li jgħidilna xi ħaġa għażiża dwar Ġesù u jgħidilna wkoll xi ħaġa li hi indirizzata lill-qalb tagħna: “Dan hu Ibni l-għażiż li fih sibt il-għaxqa tiegħi, isimgħu lilu” (Mt 17:5).

Aħna u nisimgħu l-kelma ta’ Ġesù fir-Randan u hi tradizzjoni antika li aħna wkoll nagħtu iżjed ħin għall-Kelma ta’ Alla f’dan l-istaġun qaddis bil-predikazzjoni, b’dak li aħna ngħidulhom l-eżerċizzi u tant irtiri li jsiri fil-komunitajiet, sejħat li jagħmlu l-parroċċi tagħna biex wieħed jiġi u jisma’ l-kelma b’mod iżjed profond, dan kollu hu risposta għal din l-istedina li għamlilna l-Missier permezz ta’ din il-vuċi fuq il-muntanja qaddisa: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu”.

Imma wkoll it-trasfigurazzzjoni tagħtina ħjiel tas-sbuħija ta’ Ġesù. It-tliet dixxipli Pietru, Ġakbu, ħuh Ġwanni jaraw lil Ġesù: “Isir jiddi bħax-xemx ilbiesu abjad bħad-dawl” Mt 17:2). Hemm sbuħija li tant tattirahom li Pietru jgħid: “Kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid intella’ hawn tliet tined waħda għalik,” hu qed jgħid lil Ġesù, “waħda għal Mose u waħda għal Elija” (Mt 17:4) lil Ġesù u ’l dawn iż-żewġ xhieda li jidhru miegħu.

Meta Ġesù jippreżenta ruħu bħala r-ragħaj it-tajjeb, irid jgħidilna wkoll li hu ragħaj, mexxej li jattirak għax it-tjubija hi wkoll kwalità li tattira, li tiġbidna lejh. U ħafna qaddisin tal-Knisja meta jieqfu quddiem din ix-xena u jistaqsu: dan id-dawl, din id-dija bħax-xemx, dan l-ilbies abjad b’liema qawwa jlibbsu lil Ġesù? Ħafna minnhom jitkellmu dwar in-nar tal-imħabba. Hi l-imħabba li kapaċi tittrasforma ħafna sitwazzjonijiet minn dak li għalina jfixkilna u jweġġgħana għal xi ħaġa isbaħ.

U jekk nistaqsu lilna nfusna: imma dan li ġara fuq il-muntanja, it-tradizzjoni tgħidilna l-muntanja Tabor, għalkemm l-Evanġelju ma jsemmux il-muntanja b’isimha – imma dak li ġara lil Ġesù għalija xi jfisser? U nixtieq nistedinkom u forsi nieħdu magħna dan il-ħsieb illum fit-tieni Ħadd tar-Randan li hu tradizzjonalment il-Ħadd tat-Trasfigurazzoni – aħna fis-6 ta’ Awwissu mbagħad nagħmlu festa tat-trasfigurazzjoni, nerġgħu naqraw dan l-Evanġelju propju fis-6 ta’ Awwissu.

Il-messaġġ li nixtieq naqsam magħkom hi din it-tagħlima li jixtieq jgħaddilna Ġesù. L-ewwel nett li jekk aħna nkunu miegħu se jkollna qawwa li tittrasfigura, tbiddel, tittrasforma ħafna sitwazzjonijiet diffiċli f’sitwazzjonijiet ta’ tama. Min jaf kemm hemm sitwazzjonijiet anke fid-djar tagħna, fit-toroq tagħna fejn hemm it-tbatija, hemm il-qtigħ il-qalb, hemm il-mard. U inti tidħol f’dan il-wied tad-dmugħ u tiltaqa’ ma’ ħafna anġli tal-imħabba, mhux biss il-carers u l-familja u l-komunità. U l-imħabba tittrasforma sitwazzjonijiet diffiċli f’esperjenza ġdida.

Meta naħseb f’żewġ persuni li jinħabbu ma tantx nieqaf fl-estasi tal-passjoni għax aħna nafu min-natura tagħna l-bnedmin li dawk huma staġuni li jiġu u jmorru. Imma jekk trid tara l-prova aħħarija tal-imħabba fittex il-mument tat-tbatija u hemmhekk ikollok il-prova tal-imħabba. Żewġ persuni, huma min huma, li jinħabbu tinduna li l-imħabba tagħhom hi vera meta dak li jkun jibqa’ mal-persuna li jħobb anke fil-wied tad-dmugħ. A friend in need is a friend indeed.

U jekk aħna nħarsu lejn Ġesù fis-sbuħija tiegħu trasfigurat mill-imħabba tiegħu għalina u għall-Missier, nirrealizzaw li dik l-imħabba se twasslu wkoll fuq is-salib, fuq muntanja oħra għax din il-muntanja tal-ġmiel tħares lejn il-muntanja tal-Kalvarju li fuqha tela’ mħeġġeġ bl-istess imħabba. Illum imħeġġeġ bl-imħabba, Ġesù jidher sabiħ, “jiddi bħax-xemx ilbiesu sar abjad bħad-dawl” (Mt 17: 2). Fil-Ġimgħa l-Kbira fuq l-għolja tal-Kalvarju, tal-Qurriegħa, imneżża’ minn kull ġieħ, sfigurat tant li kif jgħid Iżaija “lanqas stajna nagħrfuh”, u jittrasforma l-umiljazzjoni tiegħu fil-maħfra u s-salvazzjoni tagħna.

L-eżortazzjoni li għamel lid-dixxipli li mbeżżgħin jaqgħu wiċċhom fl-art, hi wkoll stedina għalija u għalik: “Qumu la tibżgħux” (Mt 17:7). U jekk jiena nħoss li qiegħed fl-abbiss, għaddej minn mument fejn għalija mingħajr tama, illum il-kelma ta’ Ġesù trasfigurat hi għalija wkoll: ‘Qum ħija, qum oħti, la tibżax. La tibżgħux’.     

Il-Mulej, lil dawn it-tlieta li jsiru anke xhieda tal-umiljazzjoni tiegħu fl-Ort tal-Ġetsemani, meta jarawh jegħreq l-għaraq tad-demm, huma l-istess t-tlieta li jkunu hemm fl-agunija fl-Ort tal-Ġetsemani, lil dawn it-tlieta jgħidilhom: “Fuq din il-ħaġa, fuq din l-esperjenza straordinarjament sabiħa jekk jogħġobkom tgħidu xejn qabel Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet” (ara Mt 17:9)

Din il-kelma, li mhux bilfors fehmuha dak il-ħin, anzi l-Evanġelju ta’ San Mark jgħidilna “ma fehmux, bdew jgħidu imma xi tfisser? (Mk 9:10), il-Mulej irid jgħidilna din is-sbuħija hi wkoll togħma tal-qawmien mill-imwiet. Jekk jien nixtieq nagħmlilkom il-kuraġġ fis-sitwazzjonijiet diffiċli li tgħaddu minnhom, u nistedinkom biex tittrasformaw id-diffikultajiet bl-imħabba, bil-paċenzja, bil-mogħdrija u bil-maħfra, qed ngħidilkom ukoll li din hi biss togħma tas-sbuħija tal-qawmien.

U allura llum il-Mulej ikellem ukoll mhux biss lilna imma lil ħutna li għamlu l-aħħar vjaġġ. It-trasfigurazzjoni hi kelma għalihom ukoll għax kif jgħid l-Appostlu Missierna: “Sew jew ngħixu sew jekk immutu aħna tal-Mulej” (Rum 14:8). U l-kelma tiegħu fuqna lkoll kemm jekk ħajjin u kemm jekk qegħdin fil-ħajja ta’ dejjem hi l-istess waħda: “Qumu, la tibżgħux”.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġen 12:1-4a
Salm: 32 (33):4-5,18-19,20 u 22
Qari II: 2 Tim 1:8b-10
L-Evanġelju: Mt 17:1-9

Aktar ritratti