Photo by eberhard grossgasteiger

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, imbagħad ejja tella’ l-offerta tiegħek” (Mt 5:24). Dan hu l-kliem li jgħid Ġesù llum, fl-Evanġelju skont San Mattew, lid-dixxipli tiegħu. Qed jgħidilhom kemm hu importanti li jkollhom dan l-istil ġdid ta’ ħajja, li hu iktar esiġenti minn dak li kienu jafu qabel.

Fil-fatt, Ġesù jgħid: “Smajtu xi ntqal… la toqtolx” (Mt 5:21). Dan hu wieħed mill-kmandamenti ta’ Alla, li kien magħruf sew. Aħna nafu kemm hu importanti dan il-kmandament ta’ Alla “la toqtolx”. Fil-fatt, is-soċjetà taċċetta wkoll dan li hu kmandament ta’ Alla, u taċċetta li l-qtil hu ikrah. Ma tgħidx: dan hu kmandament li Alla ta lil min jemmen fih,  u għalhekk jekk int ma temminx f’Alla, inti liberu u tista’ toqtol. Ma tirraġunax hekk! Tgħid: il-qtil hu ikrah. U l-qtil nafu li hu ikrah dejjem: kemm ta’ persuna mimlija ħajja, kemm ta’ min hu vulnerabbli, kif ukoll ta’ min hu vulnerabbli u dipendenti u għadu ma twelidx.

Imma Ġesù hawnhekk qed jgħid: mhemmx għalfejn tkun qtilt biex tgħid li għamilt xi ħaġa ħażina.  Imma anke jekk inti tinkorla għal ħuk, u tibda tinsulentah u tweġġgħu bi kliemek. Nafu li meta wieħed joffendi lil ħaddieħor, dan iweġġa’. Ġesù qed jgħid: ma għandniex bi kliemna noffendu jew inweġġgħu lil ħaddieħor. Għalhekk: anke jekk nagħmlu hekk, inkunu qed nagħmlu ħażin. Nafu kemm hi komuni li niltaqgħu ma’ kliem li jweġġa’, li jinsulta, u li jħalli ħafna ħsara.

Ġesù jridna nħarsu lejn lejn l-attitudni tagħna, biex lejn l-oħrajn aħna nħarsu b’mod Nisrani, jiġifieri li aħna nħobbu lill-oħrajn u min-naħa tagħna jkollna dejjem il-paċi f’qalbna u l-paċi mal-oħrajn.  Għalhekk jgħid Ġesù: “jekk tkun qed ittella’ l-offerta tiegħek fuq l-altar u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-artal, mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, imbagħad ejja tella’ l-offerta tiegħek” (Mt 5:23-24). Ġesù qed jorbot l-attitudni lejn l-oħrajn mal-qima lil Alla. Għalhekk innutaw il-kliem: tkun qed ittella’ l-offerta tiegħek biex tqegħidha fuq l-altar, ħalliha quddiem l-altar, biex l-ewwel tirranġa ma’ min int, b’xi mod jew ieħor, miġġieled; imbagħad ejja tella’ l-offerta tiegħek.  Qed jgħid Ġesù kemm hu importanti li meta aħna nagħtu qima lil Alla, niftakru li rridu nkunu, almenu min-naħa tagħna, fil-paċi mal-oħrajn. U jekk niftakru li aħna miksurin, nippruvaw nirranġaw mal-oħrajn. Mhux qisu xejn mhu xejn, mhix problema għalina, l-aqwa jien li ma’ Alla ok, u mal-oħrajn nista’ nkun miġġieled! Naturalment, kemm jiddependi minna. Ġesù qed jgħid: nagħmlu ħilitna biex nirranġaw mal-oħrajn. Issa jekk l-oħrajn ma jridux – kultant jiġri hekk – x’tista’ tagħmel? Imma almenu min-naħa tagħna nkunu għamilna ħilitna biex inkunu tassew fil-paċi mal-oħrajn.

Għalhekk Ġesù dejjem irid is-sinċerità tal-qalb. Għax min hemm imbagħad li joħroġ l-għemil tagħna. Għalhekk lid-dixxipli jgħidilhom li l-ħajja tagħhom trid tkun ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, għax ħafna minn dawn il-kittieba u l-Fariżej li kienu jagħmlu kienu jagħmluh għal wiċċ in-nies biex jidhru, u qalbhom kienet ’il bogħod minn Alla. Imma hu jgħid: l-importanti hi l-qalb, is-sinċerità tal-qalb. U għalhekk li aħna f’qalbna nkunu tassew fil-paċi ma’ Alla u mal-oħrajn.

Nafu li dan il-kliem mhux faċli, kultant huwa iebes. Imma nafu li dan hu l-kliem li jwassalna għall-ħajja, u għall-ħajja ta’ dejjem. Nitolbu llum lill-Mulej biex jagħtina din il-qawwa, din il-grazzja. Aħna nafu li hu kontinwament iġeddidna, jekk aħna nħalluh. Anke fl-iżbalji tagħna, jerfagħna minnhom. Nitolbu ħafna biex nieħdu bis-serjetà dan il-kliem tiegħu ħalli aħna nistgħu ngħixu tassew fil-paċi tal-qalb u fil-paċi wkoll mal-oħrajn.  

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta