L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

L-istorja li jgħid Ġesù llum fl-Evanġelju skont San Luqa turina żewġ persuni: waħda armla u mħallef.  L-armla qed tagħmel talba insistenti quddiem Imħallef. Nixtieq li nħarsu lejn dawn it-tnejn biex nifhmu l-messaġġ li Ġesù qed jagħtina.

Inħarsu l-ewwel lejn l-armla, persuna li għaddejja minn tbatija. Fi żmien Ġesù, l-armla kienet  fost in-nies l-aktar maħqura u li jbatu fis-soċjetà ta’ dak iż-żmien.  Ma kellha lil ħadd jaqbeż għaliha, jew jippreżenta l-każ tagħha; kien rari f’dak iż-żmien li mara tidher quddiem Imħallef.  Imma din kienet mara ta’ determinazzjoni qawwija, u ta’ rieda soda, u kienet temmen li, anke jekk trid tieħu ħafna paċenzja, fl-aħħar il-ġustizzja ssir.

Ħa nħarsu lejn l-imħallef, u Ġesù jgħid hekk fuqu: “la kien jibża’ minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd” (Lq 18:2).  Dawn it-tnejn huma proprju l-kontra ta’ dak li wieħed kien jistenna minn persuna f’dik il-pożizzjoni.  Infatti l-Iskrittura tgħid li li wieħed ikun iqim lil Alla hu l-bażi ta’ kif tagħti ġudizzju għaqli u tajjeb.  U l-Imħallef veru, li jrid jaqdi l-funzjoni tiegħu b’mod tajjeb, hu dak li jimpurtah min-nies, li ma jagħlaqx widnejh għal talba ġusta.

X’jiġri?  Jgħidilna Ġesù li din l-armla tant kienet persistenti fit-talba tagħha, tant baqgħet tinsisti bla ma taqta’ qalbha, li ġagħlet lill-Imħallef iċedi, wara ħafna żmien. 

Alla jimpurtah

X’inhu l-messaġġ li jrid iwassal lilna Ġesù?  Ħa naraw l-ewwel nett dak li mhux qed jgħid Ġesù b’din il-parabbola. Ġesù mhux qed iqabbel lil Alla mal-Imħallef jew jagħmel lill-Imħallef bħala eżempju.  Alla hu Alla ġust, li jħobbna u li jisma’ t-talb tagħna.  Imma Ġesù qed iqiegħed lil din l-armla bħala eżempju, u l-Evanġelju jgħid b’mod ċar għaliex Ġesù jgħid din il-parabbola: “biex jurihom li għandhom jitolbu dejjem bla ma jaqtgħu qalbhom” (Lq 18:1).

Ġesù jrid li nitolbu dejjem, u din jgħidha drabi oħra fl-Evanġelju. Imma x’inhu t-talb għalina? Fit-talb ma rridux inħarsu lejn Alla bħal dan l-Imħallef tal-parabbola.  Għax aħna nafu li Alla jħobbna, iridilna l-ġid. It-talb hu d-djalogu ta’ mħabba ma’ Alla.  Djalogu fejn nisimgħuh l-ewwel, nilqgħu l-kelma tiegħu; fejn nirringrazzjawh u nfaħħruh; u fejn inqiegħdu quddiemu x-xewqat tagħna, konvinti fl-istess ħin li Alla jaf aktar minna dak li hu ta’ ġid għalina.  Allura anke meta nixtiequ xi ħaġa, f’qalbna jkollna din il-fidi kbira fih.

Nitolbu bla ma naqtgħu qalbna

Għandna nitolbu bla ma naqtgħu qalbna.  Imma fl-istess waqt, la Alla mhuwiex l-Imħallef ħażin tal-parabbola imma hu t-tjubija u l-imħabba fiha nnifisha, niftakru li m’aħniex aħna li nisfurzaw lil Alla biex jagħmel il-volontà tagħna, biex niddettawlu x’jagħmel.  Imma nfittxu aħna l-volontà tiegħu, li hi l-aqwa ġid għalina u għal kulħadd.  Din hi l-qawwa tat-talb magħmul bil-fidi.

Il-qawwa tat-talb hi l-qawwa ta’ Alla li jidħol fl-Istorja.  Il-bidliet għall-aħjar, fl-Istorja tal-bniedem, għandhom l-għeruq tagħhom f’dan it-talb persistenti.

It-talb hu rebbieħ

Kultant jiġri qisna nħossu li Alla mhux qed jisma’ t-talba tagħna, u kważi nħossu li hu bħal dan l-Imħallef li ma riedx jagħti każ. Għandna tant okkażjonijiet fl-Iskrittura stess, fejn hemm din it-talba lil Alla. Ngħidu aħna fil-bidu tal-ktieb tal-Profeta Ħabakkuk: “Mulej, kemm se ndum nokrob għall-għajnuna u int ma tismax!” (Ħab 1:2). U fis-Salmi, per eżempju: “Għaliex, Mulej, int hekk imbiegħed? Għaliex tinħeba waqt il-bżonn?” (Salm 10:1). Jirriflettu l-esperjenza tal-ħajja tal-bniedem. Imma mbagħad insibu r-risposta, bħalma tlabna fis-Salm illum: “Mnejn se tiġini l-għajnuna? L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej…ma jongħosx dak li jħarsek, la jongħos u lanqas jorqod” (Salm 120).

Dik hi l-konvinzjoni kbira li għandu jkollna. Alla ma jongħosx u ma jorqodx. Alla jimpurtah minna. Għandna nitolbuh bla ma naqtgħu qalbna.

Tajjeb li niftakru li t-talb, fl-aħħar mill-aħħar, hu rebbieħ. Dik ix-xbieha fl-Ewwel Qari ta’ Mosé b’idejh merfugħa ’l fuq – li meta kienu ’l fuq il-poplu kien jirbaħ u meta jinżlu ’l isfel il-poplu kien jitlef (ara Eż 17:11) – lilna tfakkarna li jekk ikollna ħarsitna ’l fuq u idejna merfugħa ’l fuq f’talb lil Alla, aħna nkunu rebbieħa. Nitilfu biss jekk naqtgħu qalbna, jekk naħsbu li għalxejn nitolbu, li għalxejn ikollna l-fiduċja f’Alla.

Nitolbu lil Alla jgħinna nifhmu kif għandna nitolbu, u dejjem nitolbu b’fiduċja sħiħa fih imma wkoll b’determinazzjoni u persistenza, bla ma naqtgħu qalbna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju