Nhar il-Ħadd li ġej il-Knisja tiċċelebra il-festa liturġika ta’ Kristu Re. Iċ-ċelebrazzjonijiet għal din is-sena se jikkonsistu fi tlett attivitajiet ewlenin: waħda għall-adoloxxenti, attività oħra għat-tfal u attività Djoċesana li hija miftuħa għal kulħadd. 

Iċ-ċelebrazzjoni Djoċesana ta’ Kristu Re, li se jippresiedi l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P, se ssir il-Ħadd stess fil-pjazza maġenb il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Balzan, fl-4p.m.  L-Isqof Awżiljarju, Mons. Charles J. Scicluna, se jkun preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni.

It-tema għal din is-sena hi “Sinjali ta’ tama; il-fidi li tgħinna fil-ħajja tagħna”.  Is-Segretarju Pastorali, Mons. Charles Cordina, qal li “din it-tema ntagħżlet fl-okkażjoni tas-Sena tal-Fidi li matulha l-Papa Benedittu XVI qiegħed iħeġġeġ lill-Insara biex juru fil-ħajja tagħhom l-entużjażmu li qed tqanqal fihom il-fidi”. Għal dan il-għan, il-programm taċ-ċelebrazzjoni se jinkludi animazzjoni ta’ kant minn adulti, tfal u żgħażagħ; feature bbażat fuq it-tema li ser jittella’ mill-membri tal-Moviment tal-Fokolari;  u messaġġ mill-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. Din iċ-ċelebrazzjoni hija parti mill-programm li d-Djoċesi ħejjiet għas-Sena tal-Fidi.

Nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Novembru, l-adolexxenti flimkien mal-Arċisqof ser jiftħu ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Kristu Re permezz ta’ laqgħa msejħa ‘Meeteen’, li se ssir ġewwa ċ-Ċentru Pastorali tas-Sgħajtar, fil-parroċċa tan-Naxxar bejn is-6.30 p.m. u d-9.00 p.m. It-tema għal din is-sena tpoġġi l-mistoqsija ‘Il-Fidi Bla Sens?’. It-tema toffri stedina liż-żgħażagħ biex permezz ta’ attività ċentrali li se ssir dakinhar, jagħmlu mixja mis-sensi għall-fidi.  Din il-laqgħa, li din is-sena qed tiġi organizzata mill-grupp ta’ żgħażagħ Navitas, se ġġib flimkien mijiet ta’ adolexxenti ta’ bejn 12 u 16-il sena.

Nhar is-Sibt 24 ta’ Novembru, fl-4p.m., l-Arċisqof Pawlu Cremona ser jiltaqa’ wkoll mat-tfal f’attività li matulha diversi gruppi ta’ tfal mill-parroċċi u għaqdiet ser jtellgħu diversi rappreżentazzjonijiet ta’ kant, żfin u logħob. Din iċ-ċelebrazzjoni se ssir fl-iskola ta’ Santa Monica, Fleur-de-Lys. Għal din l-okkażjoni se jitnieda innu ġdid, bl-isem ‘Fidi ma’ Kristu Sultan’, kantant minn kor ta’ tfal.