Bejn il-15 u s-17 ta’ Novembru 2012, il-Provinċja Dumnikana Maltija organizzat ir-Raba’ Kungress tal-Predikazzjoni bit-tema Il-Kelma:  Mid-Deżert għall-Belt.

Il-kelliem prinċipali f’dan il-Kungress kien Fr. Michael Monshau O.P., Dumnikan mill-Amerika, li għandu dottorat fl-Omeletika.  Fr. Monshau jgħallem fl-Università San Tumas t’Akwinu f’Ruma (Angelicum) u jagħti korsijiet ukoll fil-Kulleġġ Dumnikan tal-Filosofija u Teoloġija f’Barkeley, California, USA.  Hu wkoll awtur u editur ta’ diversi kotba, fosthom The Grace and Task of Preaching (Dominican Publications, Dublin 2006).

L-ewwel sessjoni ta’ dan il-Kungress ittellgħet nhar il-Ħamis 15 ta’ Novembru f’Dar Manresa, Victoria Għawdex.  Wara diskors ta’ merħba mill-Provinċjal tad-Dumnikani, Fr. Paul Gatt O.P., Fr Michael Monshau O.P. għamel l-ewwel taħdita tiegħu. Kien hemm ħin ta’ diskussjoni u mistoqsijiet.  L-ewwel sessjoni għalqet b’diskors tal-Vigarju Ġenerali, fl-assenza tal-Isqof t’Għawdex.

It-tieni sessjoni saret l-għada, il-Ġimgħa, 16 ta’ Novembru, fil-Kunvent tad-Dumnikani, ir-Rabat.  Sar id-diskors ta’ merħba mill-Provinċjal u wara Fr. Michael għamel it-tieni taħdita tiegħu bit-tema:  Mid-deżert għall-belt:  nippridkaw il-fidi f’soċjetà sekularizzata. Fid-diskors tiegħu, Fr. Michael enfasizza li x-xandir tal-Kelma mhux limitat għas-saċerdot biss imma kkwota l-enċiklika Evangelii Nuntiadi li tispeċifika li x-xandir tal-Vangelu hu l-obbligu ta’ kull min hu mgħammed.  Hu spjega kif permezz tal-Kelma u x-xogħol inkunu qed nagħtu qima lil Alla. Permezz tal-Kelma u tax-xogħol li fdalna Kristu – ix-xandir tal-Kelma – aħna qed nagħmluh preżenti fid-dinja ta’ madwarna. Kull mgħammed hu msejjaħ biex jagħti xhieda u jwassal il-messaġġ ta’ paċi, għaqda u mħabba li hemm fil-Vanġelu f’dinja li hi mifnija minn diversi firdiet.

Wara bl-għajnuna tas-Sinjura Joyce Cassar u l-Professur Oliver Friggieri, saret ħarsa kritika lejn il-mod kif il-Kelma qed tixxandar f’pajjiżna llum.  Is-Sinjura Cassar tkellmet dwar l-importanza li min qed iwassal il-messaġġ fil-midja u għandu r-responsabilta’ li jwassal il-Kelma, għandu jagħmel dan b’mod professjonali.  Il-Professur Friggieri tkellem dwar it-tfittix kontinwu li l-persuna tagħmel biex issir taf iktar lil Alla.

It-tielet sessjoni saret is-Sibt filgħodu fil-Kunvent tad-Dumnikani, ir-Rabat.  Fil-bidu ta’ din is-sessjoni sar mument ta’ talb, li fih Fr. Paul Gatt O.P., Provinċjal tad-Dumnikani iffoka fuq silta mill-Vanġelu ta’ San Mattew (13, 18-23):  il-Parabbola tal-bidwi li ħareġ jiżra’.  Fr. Paul  xebbaħ il-bidwi mal-persuna li qed tevanġeliżża.

Wara Fr. Michael għamel it-taħdita tiegħu li fiha enfasizza l-fatt li l-evanġeliżżatur jeħtieġ li jkun konxju tal-bżonnijiet tal-udjenza li tkun qed tisimgħu. Hu ta erba’ raġunijiet prinċipali għaliex persuna tmur il-knisja:

biex tikkomemora il-passjoni, l-mewt u l-qawmien ta’ Ġesu;

biex tiċċelebra – allura l-post fejn tingħaqad il-komunita u fejn hemm sens ta’ komunjoni;

biex tikkontempla – għal dawn il-Kelma u l-ispjegazzjoni tal-Kelma hi l-iktar importanti

biex tantiċipa – tistenna l-ħajja ta’ dejjem

Fr. Michael enfasizza li biex il-predikazzjoni tkun effettiva, jeħtieġ li l-persuna li qed tevanġelizza żżomm f’moħħha dawn l-erba’ gruppi ta’ nies biex b’hekk tkun qed tolqot persuni kemm jista’ jkun. Fr. Michael tul id-diskors tiegħu reġa’ enfasizza l-importanza tal-ġenituri bħala l-ewwel evanġelizzaturi.

Fit-tieni parti tas-sessjoni tas-Sibt, ingħataw diversi esperjenzi pożittivi ta’ lajċi mpenjati fix-xandir tal-Kelma.  Is-Sinjur Joe Cardona mill-Mixja NeoKatekumenali tkellem dwar l-importanza tal-għaqda u l-imħabba fil-komunità Nisranija.  Is-Sur Noel Mifsud tkellem dwar l-esperjenza tiegħu fi ħdan il-grupp ACTS (Announcing Christ to Schools) li ilu mwaqqaf mill-2001.  Ix-xogħol ta’ dan il-grupp hu li jwassal il-messaġġ ta’ Ġesu fl-iskejjel sekondarji. Is-Sinjuri Gejtu Farrugia u Bernardette Decelis qasmu l-esperjenza tagħhom bħala membri fil-Komunità Dixxipli ta’ Ġesù.  Kemm is-Sur Farrugia kif ukoll is-Sinjura Decelis tkellmu dwar kif il-Kelma l-ewwel laqtet lilhom, imbagħad ħassew il-ħtieġa li huma stess joħorġu jevanġeliżżaw.  Saru diversi interventi oħra mill-pubbliku preżenti fejn issemmiet il-ħtieġa li x-xogħol tal-għaqdiet u l-komunitajiet individwali jkun minsuġ flimkien biex b’hekk jitwassal il-messaġġ ta’ Kristu.