Nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Novembru, l-adolexxenti flimkien mal-Arċisqof fetħu ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Kristu Re permezz ta’ laqgħa msejħa ‘Meeteen’, li saret ġewwa ċ-Ċentru Pastorali tas-Sgħajtar, fil-parroċċa tan-Naxxar bejn is-6.30 p.m. u d-9.00 p.m. It-tema għal din is-sena poġġiet l-mistoqsija ‘Il-Fidi Bla Sens?’. It-tema offriet stedina liż-żgħażagħ biex permezz ta’ attività ċentrali li saret dakinhar, jagħmlu mixja mis-sensi għall-fidi. Din il-laqgħa, li din is-sena ġiet organizzata mill-grupp ta’ żgħażagħ Navitas, ġabet flimkien mijiet ta’ adolexxenti ta’ bejn 12 u 16-il sena.