L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Waħda mill-mistoqsijiet li ġieli nagħmlu lilna nfusna hija: għaliex tagħmel il-ġid u taqlagħha fuq wiċċek? Għaliex tipprova tagħmel it-tajjeb u ssib ostakli, u ssib min jippersegwitak għax tagħmel it-tajjeb? Ġieli nisimgħu din il-mistoqsija, u forsi ġieli għamilnieha aħna stess lilna nfusna.

Nifhmu għaliex meta aħna naraw dan fid-dawl ta’ Ġesù. Fl-Evanġelju darbtejn hawn miktub li kienu qegħdin ifittxu li joqtluh. Għadna mhux fil-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù, biċċa qabel, imma diġà kien hemm in-nies qed ifittxu li joqtluh. Torbot ukoll ma’ dak li smajna fl-Ewwel Qari mill-Ktieb tal-Għerf, li l-bniedem ġust, il-bniedem tajjeb, isib min jippersegwitah għax hu tajjeb; għall-ebda raġuni oħra ħlief għax jagħmel it-tajjeb. U Ġesù hu l-ikbar eżempju ta’ dan meta hu li tant għamel ġid, li tant ħabb lin-nies, sab din il-persekuzzjoni u min ifittex li joqtlu.

X’kienet ir-reazzjoni ta’ Ġesu quddiem dan kollu?

  • Ġesu ma beżax. Insibuh hawnhekk meta mar għall-Festa tal-Għerejjex fit-tempju jgħolli leħnu u jgħallem b’mod ċar, avolja jaf li hemm min qed ifittex biex joqtlu. Ma beżax. Baqa’ jgħallem il-verità u jgħidha b’mod ċar.
  • Ġesù baqa’ wkoll jgħix b’fedeltà l-missjoni tiegħu. Hawn fit-tempju jsemmi lin-nies il-missjoni li l-Missier fdalu f’idejh, u hu ried jibqa’ jgħix b’fedeltà sal-aħħar din il-missjoni.
  • Ġesù, minkejja l-persekuzzjoni kollha, dejjem wieġeb bl-imħabba u bil-paċi lil dawk li ppersegwitawh. Qatt ma qal kelma ta’ vendikazzjoni jew ta’ vendetta, jew wieġeb bl-istess mod għall-persekuzzjoni. Qatt ma fittex li jippersegwita hu lin-nies, imma dejjew wieġeb bl-imħabba.

F’dan għandna għajnuna għalina, jekk aħna tassew inkunu qed infittxu li nagħmlu dak li hu sewwa u nsibu min b’xi mod jew ieħor jgħaddina mit-tbatija, naqilgħuha fuq wiċċna, minħabba f’hekk. Din nixtieq tkun it-talba tagħna llum: li aħna, bħal Ġesù:

  • Ma nibżgħux; negħlbu l-biża’, m’għandna qatt nibżgħu nistqarru l-fidi tagħna. Nibżgħu jekk naħbuha, mhux jekk nistqarruha.
  • Ngħixu b’fedeltà l-missjoni li Alla fdalna f’idejna, kulħadd skont ir-responsabbiltà tiegħu jew tagħha.
  • Dejjem inwieġbu bl-imħabba għal kull min b’xi mod jew ieħor joħloq ostakli fil-ħajja tagħna. Qatt tpattija jew vendikazzjoni jew vendetta għal dak li nirċievu ħażin, imma dejjem inwieġbu bl-imħabba, ħa jkollna l-paċi ta’ Alla f’qalbna.

Meta nagħmlu hekk nindunaw li jkollna l-ikbar grazzja għax inkunu qed nixbhu tassew lil Ġesù li hu l-ikbar eżempju għalina fil-ħajja tagħna. Nitolbuh il-grazzja li aħna nkunu nixbhuh speċjalment fil-mumenti meta aħna ngħaddu mit-tbatija għax infittxu li nagħmlu dak li hu sewwa.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju