L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

Qegħdin fit-tieni ġimgħa tar-Randan, dan iż-żmien ta’ preparazzjoni għall-Għid u kif nafu dan huwa staġun ta’ penitenza, staġun ta’ sawm, staġun fejn aħna nittrażżnu iżjed mis-soltu. Imma f’dan l-istaġun ta’ tħejjija, il-jum tal-ġimgħa dejjem huwa jum partikolari sa mill-ewwel ġimgħa tar-Randan fil-ġimgħa li hija l-ġurnata li tfakkarna fil-passjoni tal-Mulej, l-Evanġelju jantiċipa dak li aħna se niċċelebraw u nfakkru fil-Ġimgħa l-Kbira.

Il-parabbola li jagħti Ġesù llum minn San Mattew fil-kapitlu 21 tfakkar lill-qassisin l-kbar u lix-xjuħ tal-poplu fir-responsabbiltà li għandhom li issa li l-Missier bagħat lil Ibnu mhux jeqirduh għax iridu jeħdulu postu, imma jilqugħ. Fil-parabbola li jagħti Ġesù, sfortunatament dan l-iben tas-sid li kellu għalqa u li fiha ħawwel id-dwieli, joqtluh, joqtluh ’il barra mill-belt. B’xi mod hija wkoll profezija ta’ dak li jiġri ’l Ġesù f’jum il-Ġimgħa l-Kbira: jittieħed ’il barra mill-belt ta’ Ġerusalemm u jsallbuh minn idejn il-pagani wara li l-poplu Lhudi jkun ċaħdu u jagħtih f’idejn ir-Rumani għat-tislib.

L-istedina ta’ Ġesù hija li aħna nkunu poplu li nagħmlu l-frott li qed jistenna minna l-Mulej. Fl-Ewwel Qari smajna wkoll l-istorja kommoventi ta’ dan Ġużeppi, wieħed mit-tfal ż-żgħar ta’ Ġakobb, jew Iżrael, li minħabba l-għira ta’ ħutu jintbagħat fl-iskjavitù fl-Eġittu. Hu jinbiegħ għal somma ta’ 20 biċċa tal-fidda. Anke f’dan id-dettall hemm antiċipazzjoni, hemm it-tifkira tal-fatt li anke Ġesù stess jiġi mibjugħ minn wieħed mill-ħbieb tiegħu, minn Ġuda l-Iskarjota għal 30 biċċa tal-fidda. Dan it-tradiment ta’ Ġużeppi jantiċipa t-tradiment ta’ Ġesù. Fl-istorja ta’ Ġużeppi dan it-tradiment ikollu wkoll konklużjoni feliċi għaliex Ġużeppi stess isalva lil missieru u lil ħutu mil-ġuħ u mill-għaks. Ġesù bit-tradiment li jkollu jsofri u bl-ubbidenza tiegħu lejn il-Missier, isir ukoll kawża ta’ salvazzjoni.

Jiena nixtieq nindirizza lil kull min qiegħed jismagħni u permezz tal-mezzi tax-xandir li jiena nixtieq nirringrazzja tal-koperazzjoni tagħhom, kelma ta’ faraġ u kuraġġ lill-poplu Malti u Għawdxi. Qegħdin fi żmien tar-Randan fuq ħafna livelli. Iċ-ċirkustanzi qed jitolbu minna iżjed sawm minn qatt qabel b’mod speċjali min għandu d-drawwa sabiħa li jirċievi l-Ewkaristija u jiċċelebra bħala komunità l-Ewkaristija mqaddsa.

Hija sawma kbira għall-Knisja meta ma tkunx tista’ tiċċelebra l-Ewkaristija fil-komunità. Nifhem li dak li qegħdin nippruvaw nagħmlu, li nwasslu ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija fid-djar permezz tal-mezzi tax-xandir, huwa l-iżjed li nistgħu noffru fiċ-ċirkustanzi.

Ejjew nifhmu li dan is-sagrifiċċju li ċ-ċirkustanzi u li l-awtoritajiet qegħdin jitolbu minna, huwa wkoll espressjoni tal-imħabba li għandu jkollna għal xulxin.

Ejjew nitolbu biex dan is-sawm li dħalna għalih b’sens ta’ responsabbiltà u mingħajr ma konna qed nistennewh, iwassalna biex niċċelebraw b’ferħ kbir l-Għid, li ma jdumx ħafna. Imma biex ma jdumx dan il-mument diffiċli kulħadd irid jikkopera ma’ dak li jitolbu minna l-awtoritajiet kemm fil-prevenzjoni, fil-mod tal-iġjene u anke fil-kuntatti li jkollna bejnietna u li jistgħu minflok iwasslu l-viċinanza lil xulxin, iwasslu għall-mard.    

Kemm tkun ħaġa sabiħa li nifhmu li s-sawm qatt ma kien biex isawwat lil bniedem imma biex jgħinu biex iħobb aħjar. Ejjew nifhmu li dan is-sagrifiċċju li ċ-ċirkustanzi u li l-awtoritajiet qegħdin jitolbu minna, huwa wkoll espressjoni tal-imħabba li għandu jkollna għal xulxin.

Nitolbu għal ħutna l-mejtin li minħabba ċ-ċirkustanzi l-funerali tagħhom kellhom isiru b’mod ristrett ħafna. U niftakru b’mod speċjali fl-awtoritajiet tas-saħħa, f’dawk kollha li qegħdin jaħdmu fl-isptarijiet u anke f’kull ambjent biex iħarsuna mill-mard, jikkuraw lil min għandu bżonn l-għajnuna, nitolbu biex il-Mulej ikun il-faraġ, il-qawwa u l-konsolazzjoni tagħhom.

Fi tmiem ta’ din il-Quddiesa ejja nafdaw lil pajjiżna, lill-popolazzjoni għażiża tagħna, b’mod speċjali l-morda tagħna u lil dawk kollha li qegħdin jieħdu ħsiebhom f’idejn sidtna Marija.

✠ Charles J. Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta 

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġen 37, 3-4.12-13a.17b-28
Salm: 104 (105), 16-17.18-19.20-21
Evanġelju: Mt 21, 33-43.45-46

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti