L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Evanġelju li għadu kemm qara Fr Chris hi laqgħa bejn żewġ nisa. Marija wara t-tħabbira tal-Anġlu, tirrealizza, għax hekk qalilha l-Anġlu Gabrijel, li l-qariba tagħha Elizabetta diġà qiegħda fis-sitt xahar tat-tqala tagħha, u hi wkoll saret tqila bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

U din il-mara żagħżugħa tqila ġġorr it-tarbija tagħha tiddeċiedi li titlaq minn Nazaret u tmur f’raħal ċkejken u ħelu, Għajn Karem, u tmur biex tiltaqa’ ma Elizabetta. Qagħdet magħha tliet xhur sakemm welldet tifel, li l-Anġlu Gabrijel kien qal kemm lill-omm u kemm lill-missier, li ismu jkun Ġwanni.

Fil-Ħdud li għaddew smajna dwar il-missjoni ta’ dan it-tifel meta kiber, kellu jkun hu li jsejjaħ lil Ġesù “l-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja” (Ġw1:29). Smajnieh ukoll jgħid li hu ma kienx jistħoqqlu jħoll il-qorq ta’ Ġesù. Smajnieh jgħid li hu kien jgħammed bl-ilma imma Ġesù kien ġej biex jgħammed bl-Ispirtu s-Santu u n-nar – in-nar tal-imħabba.

Imma din il-laqgħa taż-żewġ nisa, waħda tfajla ta’ madwar 16-il sena bl-ewwel tarbija u mara xwejħa li fil-kobor tagħha, il-Mulej żeragħha kif tgħid hi, hi wkoll tqila bit-tifel, mhix biss laqgħa ta’ żewġ nisa imma hi laqgħa tan-nisa u  wliedhom. Hi laqgħa ta’ erba’ ħlejqiet, l-ommijiet u wliedhom fil-ġuf.

Elizabetta lill-Madonna tgħidilha it-tarbija li għandi fil-ġuf ħasset it-tarbija li għandek inti fil-ġuf u qabżet bil-ferħ. Fiha x’tifhem din. It-trabi fil-ġuf jiġu ispirati wkoll minn Alla. Kemm hi għażiża l-ħajja tat-tarbija fil-ġuf!

Imma t-tagħlima tal-lum mhix biss id-dinjità tat-tarbija fil-ġuf imma wkoll id-disponibbiltà ta’ omm il-Mulej li tkun ta’ għajnuna għall-qariba tagħha. Dan hu l-ispirtu sabiħ u veru tal-Milied. Jiena nsellem lil tant ommijiet li f’dawn il-ġranet jibdew iħokku raskom, forsi ilkom ftit kif se tagħmlu għall-Milied, kif se tippreraraw, biex iċ-ċelebrazzjoni tal-Milied tkun sabiħa.

Insellem ukoll lil dawk li f’dawn il-ġranet iridu jmorru l-isptar biex iżuru lil xi ħadd marid, għax il-mard m’għandux Milied u Għid, jolqotna kif u meta jrid hu, u l-ħajja trid tibqa’ għaddejja. Insellem lill-missirijiet li jinkwetaw li wliedhom ikunu f’saħħithom, li l-ġuvintur u x-xebbiet tagħna joħorġu mid-dar u jirritornaw qawwijin u sħaħ għax ma tistax tkun fil-but ta’ wliedek. Tafdahom  biex jiddevertu u titlob lil Alla li ma jirritornawx imdamdmin.

Imma f’dan kollu hemm spirtu ta’ servizz. Marija semgħet it-taħbira tal-Anġlu, għarfet li Elizabetta kienet tqila fis-sitt xahar tat-tqala u telqet lejn l-għoljiet tal-Lhudija biex tkun magħha. Elizabetta tagħraf li din il-qariba żagħżugħa fil-bidu tal-ħajja, tagħraf li hi mara speċjali. “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek. Hienja int li emmint” (Lq 1:41).

Tant huma għeżiez il-kliem li tgħid Elizabetta lill-Madonna, li aħna nirrepetuhom fis-Sliema u l-Qaddisa, għax fis-Sliema u l-Qaddisa li ngħidu hi magħmulha mit-tislima tal-Anġlu Gabrijel: “Sliema għalik Marija mimlija bil-grazzja il-Mulej miegħek” (Lq 1:28) u t-tislima ta’ Elizabetta: “imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek Ġesù” (Lq 1:42).

U aħna u nirrepetu it-tislima ta’ Elizabetta, ejjew nifhmu li l-kobor ta’ Marija qiegħed ukoll fil-qadi. X’tgħidlu lill-Anġlu? “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ikun minni skont kelmtek” (Lq 1:38) Kemm tkun sabiħa l-aħwa li dal-Milied nitgħallmu nilqgħu dak kollu li jiġi fil-ħajja, kultant mhux dejjem sabiħ, u lill-Mulej ngħidulu: ‘Mulej agħtini l-qawwa jekk ma tistax teħlisni minn din it-tbatija, minn din id-diffikultà, minn dan l-għawġ, almenu kun miegħi, għax inti jismek Emmanuel, Alla magħna, kun miegħi wkoll, imma tini l-ispirtu ta’ ommok Marija, qaddejja tal-Mulej imma qaddejja wkoll fil-bżonn, meta tara l-bżonn, u taqdi.

Ma nistgħux inkunu qaddejja vera ta’ Alla u ninsew inkunu qaddejja ta’ xulxin. U nitolbu dan l-ispirtu f’dan il-Milied, il-laqgħa ta’ dawn l-erba’ ħlejqiet: żewġ ommijiet u wliedhom fil-ġuf. Hi laqgħa sabiħa ta’ bidu ġdid, hi ġdida li qed tistenna li titwieled. Ħajja li qed tħabbat fuq il-bieb tal-umanità biex iġġib messaġġ ta’ tama, messaġġ ta’ mħabba u messaġġ ta’ ħniena. Jalla aħna wkoll dan il-Milied nkunu għal xulxin mħabba, qadi u ħniena.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Mik 5:1-4a
Salm: 79(80):2aċ,3b,15-16,18-19
Qari II: Lhud 10:5-10
L-Evanġelju: Lq 1:39-45

Aktar ritratti