• Konkatidral ta’ San Ġwann
    1 ta’ Lulju 2014

    L-ordinazzjoni presbiterali li qed niċċelebraw illum għandu żewġ realtajiet. L-ewwel realtà hija il-fatt li b’din l-ordinazzjoni nerġgħu nidħlu fil-misteru tal-istorja tas-salvazzjoni. It-tieni realtà hija l-fatt li dawn li ser jirċievu dan is-sagrament, jibqgħu bnedmin dgħajfa, imma jiġu msaħħin bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

    Smajna fit-tieni lezzjoni tal-lum mill-ittra lill-Lhud (Lhud 5, 1-10) kif l-awtur jgħid li Alla l-Imbierek meta ra lil bniedem midneb tant ħabbu li bagħat lil Ibnu. Minflok ma’ Alla ħa għalih minħabba d-dnub tal-bniedem u warbu minnu, qalbu iktar infetħet biex iħobb lill-bniedem midneb ħalli jkun jista’ jagħtih is-salvazzjoni tiegħu. U din hija l-ewwel ħaġa li, anke l-Papa preżenti qiegħed jgħidilna tant fuqha: il-midinbin għalina huma kalamita, il-midinbin huma għalina dawk li l-Mulej qiegħed isejjaħilhom b’isimhom biex aħna nersqu lejhom.

    Meta Alla l-Imbierek bagħat lil Sidna Ġesu Kristu hawnhekk fostna, Sidna Ġesu Kristu f’dawk il-ftit snin li huwa għamel fostna, għamel li jagħtina l-grazzji kollha li għandna bżonn. F’dawk il-ftit snin li huwa għamel fostna, huwa qalgħalna s-salvazzjoni. F’din l-ordinazzjoni qegħdin niċċelebraw din l-istorja tas-salvazzjoni, li se tkun illum ħajja fostna u ħajja bejnietna. Din hija ir-reazzjoni tas-saċerdot għal din ir-realtà tal-poplu t’Alla li aħna parti minnu, poplu li għandu bżonn kontinwament il-maħfra t’Alla, għax aħna lkoll midinbin. Is-saċerdot jaqdi din il-missjoni fl-istorja tas-salvazzjoni li hi dejjem attwali.

    Kif jagħmel dan is-saċerdot? Alla l-Imbierek kien jaf li, fl-aħħar mill-aħħar, allavolja Ibnu kien se jagħmel dan il-miraklu sħiħ li huwa jagħtina l-grazzji kollha li għandna bżonn, kien jaf li dawn il-grazzji  iridu jingħataw lilna personalment. Il-grazzji tal-Mulej qatt ma jingħataw lilna bħala grupp imma jinghataw personalment, lil kull wieħed u waħda minna, b’mod speċjali l-grazzja tas-salvazzjoni. U allura Sidna Ġesu Kristu kien l-ewwel wieħed li mhux talli għamel dawn il-grazzji talli wettaqhom fi żmienu għan-nies li kienu jgħixu fi żmienu. U għalhekk Sidna Ġesu Kristu, meta kien jiltaqa’ ma dawk li mbagħad saru d-dixxipli tiegħu, jien jagħtihom il-grazzja f’ħin u żmien determinat għaliex il-grazzja hekk trid tingħata lilna.

    U dan kollu huwa importanti, ħuti, għaliex dawn il-presbiteri tal-lum se jiehdu l-post ta’ Sidna Ġesu Kristu, propju f’kull komunità li l-Knisja tgħidilhom li biex iservu. Illum il-Mulej li dawn is-saċerdoti ġodda ser jimlihom bil-grazzji tiegħu. Ippruvaw immaġinaw, ħuti, spiritwalment lil dawn iż-żgħagħagħ tagħna, dawn il-presbiteri, il-Mulej se jagħtihom il-grazzji kollha li għandu biex huma jkunu disponibbli għall-bnedmin li jkunu madwarhom. Din hija l-grazzja kbira! Dawn il-grazzji llum se jirċevuhom minn għand il-Mulej. Permezz ta’ dawn il-grazzji huma jkunu jistgħu jħallu lill-oħrajn iduqu l-eternità, iduqu d-divinità, iduqu lil Alla l-Imbierek.

    B’mod speċjali aħna nistgħu nsemmu żewġ grazzji enormi li se jirċievu llum. L-ewwl waħda hija ovvjament il-ministeru tal-Ewkaristija. Il-Mulej illum se jidħol fihom biex permezz tagħhom il-komunita jkollha l-Ewkaristija. U t-tieni don kbir li l-Mulej jagħtihom huwa d-don tal-maħfra. Kemm hu sabih li llum se jirċievu dan id-don kbir li permezz tiegħu min jaf kemm il-qlub jistgħu jiġu mserrħin għaliex huma jirċievu l-maħfra u jisimgħu lis-saċerdot jgħidilhom li huma rċevew il-maħfra. Din hija l-qawwa li l-Mulej se jagħtihom illum.

    Illum, ħuti għeziez, intom se tirċievu dawn id-doni kollha. Imma dawn id-doni ser tirċevuhom fid-djgħufija tal-umanità tagħkom. Din hija t-tieni realta li tispikka fl-ordinazzjoni saċerdotali. Is-saċerdot jibqa’ biedem dgħajjef, imma jiġi kontinwamwnt insaħħaħ bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Anke Kristu, meta kien fostna, minbarra li kien l-Iben t’Alla, kien bniedem bħalna, u qagħad għal-limitazzjonijiet tal-umanità tagħna.  Intom wkoll, filwaqt li sejrin tagħtu dawn il-grazzji kbar, tibqgħu bnedmin. Dawn il-grazzji jridu jgħaddu mid-dgħufija tal-umanità ta’ kull wieħed minnkom. Din hija realtà li ma nistgħux naħarbuha.

    Bl-ordinazzjoni ma nsirux anġli, nibqgħu bnedmin. Din ukoll hija grazzja, għax bid-djgħufija umana m’iniex qed nifhem tfixkil jien, bid-djgħufija umana nifhem li iktar ma tħossok dgħajjef quddiem il-Mulej iktar għandek titlob għas-saħħa tiegħu ħalli ma tafdax fuqek innifsek. Tinsewx li dawn il-grazzji kollha li jagħti l-Mulej, meta jiġu f’idejkom, qatt ma jistgħu ikunu takom, jibqgħu tal-Mulej, intom biss qaddejja. Ftakruha din, għax għalhekk importanti d-djgħufija tagħna, ghax jekk xi darba, Alla ħares qatt, xi ħadd minna jaħseb li dak id-don huwa tiegħu, hemmhekk jitfixkel għax hemmhekk tidħol is-suppervja imbagħad ir-relazzjoni tiegħu pastorali anke man-nies ma tibqax l-istess.

    Barra minn hekk, fid-dgħufija tagħkom, iktar tistgħu tagħdru u tħobbu lil dawk li jiġu għandkom b’kull forma ta’ djgħufija, kif smajna fit-tienli lezzjoni. Dawk li jkollhom bżonn l-għajnuna, intom se tkunu tħobbuhom aktar, għax intom dagħjfin bħalhom. Din hija l-proposta li l-Mulej illum qed jagħmlilkom, u t-tweġiba taghkom trid tkun bħal dak li aħna rajna fil-Vanġelu u fl-ewwel lezzjoni tal-lum.

    Fl-ewwel lezzjoni tal-lum smajna silta mill profeta Isaija: “L-Ispirtu kkonsagrani” (Is 61, 1). U għaliex għażilniha din is-silta? Għaliex meta Kristu ġie biex ifiehem dak li ġie biex jagħmel fid-dinja, dik li ngħidulha l-mission statement,  propju Sidna Ġesu Kristu għażel din is-silta biex juri lil dawk li kien  hemm madwaru x’ġie jagħmel. U jekk intom qagħdtu attenti għal dak li kien hemm miktub – ifhmuni x’se ngħid  – Alla l-Imbierek fih innifsu lanqas jissemma, li jissemma huwa biss il-bniedem, il-bniedem li huwa dgħajjef, il-bniedem li huwa magħtub, il-bniedem li għandu bżonn l-għajnuna. U dan għaliex l-ikbar teżor li l-Mulej se jafdalkom f’idejkom huma l-bnedmin li se tiltaqgħu magħhom, l-bnedmin li għandhom bżonn l-għajnuna. Dawk huma l-ikbar teżor li l-Mulej se jafdalkom f’idejkom. Araw ftit kemm hija verament  ħaġa delikata: jiena f’idejja se jkolli lil xi ħadd li jiddependi minni, li jiena nagħtih il-faraġ li Alla l-Imbierek irid li jagħtih permezz tiegħi.

    Mill-lum il-quddiem il-bniedem irid ikun fiċ-ċentru ta’ ħajjitkom. Aħfruli jekk ngħid b’mod negattiv, tħallux li tidħol xi ħaġa oħra li tkun iktar importanti mill bniedem fil-ministeru tagħkom, għax il-bniedem irid jiġi salvat, u jiġi salvat permezz tagħkom. Illum ‘l Mulej se tgħidulu: Mulej, aħna il-konsagrazzjoni tagħna rriduha tkun bħal tiegħek. Kif jista’ l-Mulej jagħtini din il-konsagrazzjoni u jiena – ippermettuli l-kelma – nivvinta oħra? Konsagrazzjoni differenti, konsagrazzjoni li tħares lejn l-affarijiet materjali, biex nieħdu daqsxejn ta’ eżempju? Hemmhekk inkunu qegħdin  immorru lura minn din il-konsagrazzjoni tal-Mulej, qiesu tahilna għal xejn.

    Fil-Vanġelu tal-lum (Ġw 12, 24-26) smajna lil Sidna Ġesu Kristu jgħidilna li jekk iż-żerriegħa ma tmutx, ma tistax tagħti frott. Ovvjament il-Mulej hawnhekk mhux qed jgħidilna għall-mewt tal-ġisem, imma qed jgħidilna għal dak kollu li hu purament uman biex jinbidel f’dak li hu spiritwali, ħalli mbagħad jagħti l-frott. U dan li se tagħmlu llum: se toffrulu ħajjitkom kollha,  ħajjitkom kollha, se toffrulu ħajjitkom kollha biex taqdu lilu. U anke din importanti li intom iżżommuha ġewwa qalbkom: li intom tajtu ruħħkom totalment lill-Mulej. Tehdulux lura dak li intom tajtuh, teħdulux lura dawk l-affarijiet li forsi huma żgħar imma li jista’ jkun li jfikklukom milli tibqgħu tagħtu lilkom infuskom  b’mod sħis lil Alla l-Imbierek.

    Jalla l-Mulej jagħtikom il-grazzja, li intom tibqgħu mexjin fuq fil-passi ta’ Kristu. Kemm hu sabih: Kristu ħa l-forma ta’ ragħaj. Intom tridu timxi wara Kristu ragħaj. Dak li Ġesu għamel ma’ l-oħrajn, intom tridu tagħmluh bl-istess mod kif għamlu hu, bħal Kristu ragħaj. Issa nkomplu din iċ-ċelebrazzjoni, nitlobkom li żżommu lil dawn l-aħwa tagħna ġewwa qalbkom, b’mod speċjali llum ħalli l-Mulej jagħtihom il-grazzji kollha li jeħtieġu, ħalli jilqgħu din il-grazzja kbira li l-Mulej se jagħtihom illum f’isimna kollha.

    ✠  Pawlu Cremona O.P.

         Arċisqof ta’ Malta