L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
F’diversi mumenti fil-ħajja ta’ Ġesù naraw lin-nies josservawh, għajnejhom fih, kultant biex jikkritikawh. Fix-xena tal-lum għandna lil Ġesù li qed josserva. Qegħdin fit-Tempju, u jara lin-nies jitfgħu l-offerti tagħhom. Hu nnota kif l-għonja jitfgħu l-offerta tagħhom kbira, sostanzjali, imma kien hemm ukoll waħda armla fqira li tefgħet biċċtejn żgħar tal-flus.
Ħa nħarsu l-ewwel lejn din ix-xena mhux bl-għajnejn ta’ Ġesù imma minn barra, dak li qed naraw. Xi ħadd li għandu għal qalbu t-tempju, u jaħseb fl-amministrazzjoni, jgħid: aħjar offerti kbar. L-ammont jagħmel differenza, hemm ġenerożità f’ammont kbir. U jekk toqgħod tqis, aħjar ikollok tlieta minn dawn l-għonja kbar milli mija li jagħtu ftit.
Imma Ġesù jħares b’mod differenti. Hu ma jarax biss dak li jidher minn barra, wisq inqas il-flus fih innifsu, imma Ġesù jara l-qalb. U jara l-qalb ta’ din l-armla fqira u jgħid: hi tefgħet aktar mill-għonja, jiġifieri hi kienet ħafna aktar ġeneruża. Għax hi ma tefgħetx miż-żejjed tagħha, imma mill-meħtieġ tagħha, minn dak li kienet teħtieġ. Il-ġenerożità mhix qiegħda fl-ammont. Il-ġenerożità qiegħda fil-qalb. U din kellha qalb kbira, u Ġesù faħħarha lil din l-armla fqira. Il-ġenerożità mhix f’dak li jifdal, tagħti minn dak li jifdal, imma qiegħda proprju f’li tagħmel sagrifiċċju u tagħti minn dak li hu meħtieġ.
Il-Papa Franġisku għandu riflessjoni sabiħa fuq din il-ġrajja. Hu jgħid li din l-armla fqira kienet tassew tħoss li hi totalment maħbuba minn Alla, u lilu ħabbitu b’qalbha kollha. Dak kien is-sens tal-offerta tagħha. U l-Papa Franġisku jagħmel differenza bejn il-kwantità u l-milja (ara Angelus tal-15 ta’ Novembru 2015). Jgħid li din kellha l-milja, u tat il-milja. Mhux il-kwantità, imma l-milja, għax kellha l-milja tal-imħabba ta’ Alla. U għalhekk setgħet tassew toffri dak il-ftit tagħha imma li permezz tiegħu qed turi li tħobb lil Alla b’qalbha kollha, b’ruħha kollha, bil-qawwa kollha tagħha.
X’inhu l-messaġġ għalina llum? L-ewwel nett niftakru li Alla jara l-qalb. Mhuwiex impressjonat b’dak li jidher minn barra. Ma jimpressjonawhx il-fanfarunati. Hawnhekk ma kkritikax lill-għonja tal-offerta tagħhom kbira, imma kien hemm drabi oħra fl-Evanġelju fejn semma min għamel il-karità biex jidher quddiem in-nies. Imma Alla jara l-qalb. Għalhekk nitolbuh is-sinċerità tal-qalb f’dak kollu li nagħmlu.
Nitgħallmu wkoll li Alla jixtieqna nkunu ġenerużi. Il-ġenerożità tfisser li noffru minn qalbna mhux miż-żejjed u milli jifdal, imma wkoll meta hemm bżonn nagħmlu sagrifiċċju biex noffru minn qalbna. Dan jgħodd kemm għall-għajnuna finanzjarja, imma wkoll għall-ħin tagħna, li noffru l-ħin tagħna; u għat-talenti tagħna, li noffruhom tassew b’mod ġeneruż.
U nitolbu wkoll li aħna jkollna din l-imħabba kbira li kellha din l-armla fqira, li aħna nagħrfu li aħna maħbuba totalment minnu, u li aħna nħobbuh lil Alla bil-qawwa kollha tagħna. Hi fl-imħabba tiegħu li nsibu tassew il-milja ta’ ħajjitna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju