L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Din l-aħħar ġimgħa tas-sena liturġika, l-Evanġelji jressqulna quddiem għajnejna l-kliem ta’ Ġesù dwar l-aħħar żminijiet. Il-lista li biha jintemm l-Evanġelju tal-lum (Lq 21:5-11) donnha qed nisimgħu l-aħbarijiet: ġnus kontra ġnus, pajjiż kontra pajjiż, ġuħ, taqlib tal-art, u mard li jittieħed. Aħna qegħdin ngħixu fi żmien ta’ din il-pandemija fejn il-mard jittieħed. B’xi mod, għal Ġesù, dan kollu mhuwiex it-tmiem imma jfakkarna fit-tmiem.

Ħa nieħdu ftit dak li qed jolqotna mil-laħam il-ħaj bħalissa: il-mard li jittieħed, il-pandemija. Mingħajr ma ridna, il-pandemija tatna skossatura u ġagħlitna naħsbu f’dak li hu l-iżjed għażiż fil-ħajja. Immaġina jkollok xi ħadd għażiż id-dar li jkollu jmur l-isptar. La tista’ tkellmu, la tista’ tarah, u abbli jkunu l-aħħar mumenti ta’ għożża li tkun għaddejt ma’ dik il-persuna. Jalla jkollna s-sens nifhmu li kull mument huwa għażiż ħafna. Ma nafux kemm għad baqgħalna minn dawn il-mumenti.

Il-Mulej ukoll jibda billi jinnota n-nies li jammiraw it-tempju sabiħ. Aħna wkoll imberkin b’tant knejjes sbieħ imma nħoss li l-Mulej, meta jgħidilna li għad jiġġarrfu — jalla le — qed jgħidilna: “Imma intom il-knejjes xi triduhom? Mużewijiet jew dar it-talb?”

Aħna ġejna f’dil-knisja sabiħa li tawna l-patrijiet Karmelitani, li l-Maltin iddefendew mir-regħba tal-Franċiżi. Hemm tradizzjoni li tgħid li l-irvell kontra l-Franċiżi beda minn hawnhekk għax il-Maltin ma felħux iżjed li s-suldati ta’ Napuljun jisirqu l-knejjes tagħhom, il-knejjes tagħna. Allura din il-knisja hija simbolu tar-rieda tal-poplu tagħna li jiddefendi lilu nnifsu u jiddefendu l-għeruq tiegħu u s-sbuħija tal-knejjes tiegħu. Imma l-knejjes tagħna huma sbieħ għax huma mużewijiet jew għax huma dar tat-talb?

Din il-knisja fost l-affarijiet sbieħ ħafna li għandha, għandha kwadru sabiħ ta’ Stefano Erardi li jikkontempla x-xena tal-anġlu Gabrijel li jħabbar lil Marija li kellha tkun omm Alla; l-omm li tilqa’ l-Kelma ta’ Alla, il-Kelma ta’ Alla li bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu u bir-rieda tal-Missier, issir laħam fil-ġuf tal-Verġni Marija.

Din hija stedina għalija bħala isqof u għalina lkoll biex nilqgħu l-Kelma ta’ Alla. Marija, kif jgħallem anke San Ġwann tas-Salib, hija mimlija bil-Kelma ta’ Alla u jekk insibulha post fil-ħajja tagħna, hi ma tiġix biex tingombra l-preżenza tagħna biha nnifisha. Marija ma toħdilniex post fil-ħajja, hija ġġibilna lil Ġesù. Meta niltaqgħu ma’ Marija, niltaqgħu ma’ Binha; meta nilqugħha nilqgħu lil Binha.

F’dawn l-aħħar ġranet tas-sena liturġika, aħna u nippreparaw għall-Avvent il-Ħadd li ġej, ejjew nitolbu biex nilqgħu l-Kelma t’Alla fiċ-ċirkustanzi li qegħdin fihom. Fit-talba li l-Knisja tagħti llum għall-festa ta’ Sant’Andrija Dûng Lac u sħabu martri, hija tfakkar li dawn il-martri xerrdu demmhom biex jibqgħu marbuta u jibqgħu jħobbu s-salib ta’ Ġesù. Imma din it-talba xi tfisser? Ħafna drabi biex jindunaw jekk iridux jibqgħu ħajjin jew le, il-persekuturi ta’ dawn l-Insara Vjetnamiżmi kienu jagħmlulhom kurċifiss jew stampa ta’ kurċifiss mal-art u jġegħluhom jirfsuh. Min jirrifjuta li jirfes il-kurċifiss, li jgħaffġu b’saqajh, kienu jaqtgħulu rasu. Andrea Dûng Lac hekk spiċċa: b’rasu maqtugħa għax irrifjuta li jirfes il-kurċifiss. Dawn il-martri taw ħajjithom għall-imħabba ta’ Ġesù u anke għax-xbieha tiegħu.

Imma x-xbieha ta’ Ġesù qiegħda f’kull bniedem, f’kull bniedma. Aħna forsi qatt ma rfisna ix-xbieha ta’ Ġesù imma ejjew nitolbu li nibqgħu ngħożżu wkoll ix-xbieha tiegħu li hemm f’kull wieħed u waħda minna. U dan nitolbuh bl-interċessjoni tal-qaddisin martri Vjetnamiżi ta’ Andrea Dûng Lac u sħabu l-martri.

Nixtieq nitlob ukoll f’din il-knisja ddedikata lil-Lunzjata, aveniment li sar f’Nazaret u li hi ddedikata lid-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu. L-għolja tal-Karmelu hija waħda mill-isbaħ mountain ranges, għax mhijiex għolja waħda imma grupp ta’ muntanji fil-Palestina. Minn din il-knisja għażiża ejjew nitolbu wkoll għall-Art Imqaddsa.

Infakkarkom li l-Ħadd li ġej, il-weekend li ġej, se nagħmlu ġabra, kulħadd jagħti li jista’ imqar ftit, ma jimpurtax, biex l-Insara tal-Art Imqaddsa, tal-art fejn għexu Marija, Ġużeppi u Ġesù, fejn Ġesù miet u rxoxta għalina, tibqa’ preżenza ħajja Nisranija. Nixtieq ħafna li fil-weekend li ġej kulħadd jgħin kif jista’ u kemm jista’. Dan jista’ jsir fil-ġbir li jsir fil-quddiesa imma jekk xi ħadd ma jkunx jista’ jsib lil xi ħadd, jista’ anke jħallieha l-Kurja jew inkella direttament għand il-Kummissarju tal-Art Imqaddsa, il-Patrijiet ta’ Ġieżu. Ejjew ngħinu lil ħutna li qegħdin fil-Palestina.

Jiena għandi memorji sbieħ. Kull min imur pellegrinaġġ fit-Terra Santa jgħaddi ħdejn is-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu, Stella Maris, ħdejn ħajt, dik ix-xena meraviljuża tal-Mediterran, dik l-istatwa wkoll tal-Madonna tal-Karmnu li hemm fil-pjazza tħares lejn il-baħar li ta l-poplu taċ-Ċilì għax il-Madonna tal-Karmnu hija l-patruna taċ-Ċilì.

Skużawni li domt ftit iktar mis-soltu. Illum nixtieq ukoll nitlob fuqi biex fl-episkopat tiegħi nkun bħal ħafna qaddisin, imma jiena midneb ta, imma nipprova nagħmel ir-rieda ta’ Ġesù kull ħin u kull mument.

Ejjew nitolbu għall-Papa, għalija, u għall-isqfijiet kollha u nixtieq nagħmel talba partikolari wkoll f’din il-knisja għall-għażiż Kardinal-elett Mario Grech li jekk Alla jrid isir kardinal is-Sibt li ġej.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Apok 14, 14-19
Salm: 95 (96), 10.11-12.13
Evanġelju: Lq 21, 5-11