L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Għandu mnejn ninħasdu bil-kliem li Ġesù qal lil Pietru, li kien wieħed mill-aktar ħbieb ta’ ġewwa miegħu, meta qallu: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan”. Ħa nifhmu sew x’ġara. L-ewwel, meta Ġesù staqsa lid-dixxipli x’jaħsbu n-nies, mir-risposti deher ċar li n-nies kellhom ħafna ideat żbaljati dwar min hu. Imma meta staqsa lid-dixxipli x’jaħsbu huma, Pietru kellu r-risposta preċiża: “Inti l-Messija”. Imbagħad, meta Ġesù beda jispjega xi tfisser li hu kien il-Messija u jgħid minn xiex kien se jgħaddi – ibati, jiċħduh, joqtluh – qabel ma jasal għall-glorja, Pietru ġibdu lejh u beda jlumu, u kien dan il-mument meta Ġesù qallu: “itlaq minn quddiemi, ja xitan”. Jinħass goff dan il-kliem, għaliex kien naturali li meta Ġesù jitkellem fuq it-tbatija u l-mewt tiegħu, Pietru, li kien qrib ħafna tiegħu, jibda jlumu; ma ridux ibati.

Messija li jbati

Għaliex qallu hekk Ġesù? Ma qallux hekk biex iweġġgħu, jew biex ibaxxih quddiem l-oħrajn. Imma Ġesù ried jagħti messaġġ ċar lilu, lil sħabu l-oħra u lilna. Ried jurih li l-Messija kien hu, imma l-Messija kien dak li kien se jbati, jiċħduh, joqtluh, u minn din it-triq tat-tbatija li kien se jgħaddi għall-glorja. Din kienet idea differenti ħafna milli kellhom ħafna Lhud, inkluż ħafna mid-dixxipli ta’ Ġesù, li kienu jaħsbu li l-Messija hu dak li kellu jiġi bil-qawwa, biex jaħkem, u jġiegħel lin-nies jagħmlu dak li jrid hu. Ġesù wriehom proprju l-kontra – il-Messija ma ġiex biex jaħkem imma biex jaqdi, ma ġiex bil-qawwa u l-poter imma ġie bid-dgħufija, ma ġiex biex iġiegħel lin-nies ibatu imma biex ibati hu, u permezz ta’ hekk jasal imbagħad għall-glorja. Ried ikun ċar mad-dixxipli tiegħu, kif jgħidilna l-Evanġelju fil-fatt: “Fuq dan kellimhom ċar”. 

Dixxiplu li jbati

Imma mbagħad hemm ħaġa oħra li Ġesù jagħmel mad-dixxipli tiegħu, u li tixbah ħafna dak li hu kellu jagħmel aktar ’il quddiem fl-Aħħar Ċena. Niftakru fl-Aħħar Ċena, meta hu niżel jaħsel saqajn id-dixxipli tiegħu, u Pietru beda jlumu. Ġesù, wara li ħaslilhom saqajhom, qalilhom: “Jien tajtkom eżempju biex kif għamilt jien, hekk tagħmlu intom ukoll”. Ħasadhom meta niżel jaħsel saqajhom, u ħasadhom aktar meta qalilhom li huma hekk kellhom jagħmlu wkoll.

Hawnhekk, fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù mhux biss jitkellem fuqu nnifsu, imma mbagħad idur fuq id-dixxipli u jgħidilhom: “Min irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu u jimxi warajja”.  Għalhekk jgħidilhom: din hi t-triq tiegħi bħala l-Messija, din hi t-triq tagħkom bħala d-dixxipli tiegħi. Ifisser li t-triq tagħna bħala Nsara, bħala dixxipli ta’ Ġesù, hi t-triq li nagħżlu dak li hu tajjeb, anke meta dan ifisser tbatija. Irridu ngħaddu mit-tbatija biex nagħmlu dak li hu sewwa.

Jekk persuna, fil-familja tagħha, hi vittma ta’ vjolenza domestika, is-salib tagħna mhux li tgħid “x’tista’ tagħmel? Dak hu s-salib tiegħi!” u tibqa’ hekk, f’dik is-sitwazzjoni. Le! Is-salib hu li taħdem kontra l-abbuż biex ma tibqax vittma tal-vjolenza domestika

Iċ-ċaħda tagħna nfusna

Kultant neħduha bi kbira aħna: kif tagħmel it-tajjeb, u l-affarijiet jiġuk ħażin? Kif tagħmel it-tajjeb u taqlagħha fuq wiċċek? Ġesù qed jgħid li t-triq tagħna hi t-triq tat-tbatija – li mbagħad twassal għall-qawmien. L-ewwel ma jsemmi hi ċ-ċaħda tagħna nfusna. Naraw kemm hi vera din mill-esperjenza tal-ħajja, għax biex inti tagħmel dak li hu sew, dak li jrid Ġesù, trid ħafna drabi tiċħad lilek innifsek.

Ħu, pereżempju, meta Ġesù jgħidilna li rridu naħfru lil min jagħmlilna azzjoni ħażina. Dik mhijiex iċ-ċaħda tagħna nfusna? Meta jgħidilna naqdu lill-oħrajn, dik mhijiex iċ-ċaħda tagħna nfusna, meta ma nfittxux biss l-interessi tagħna? Meta jgħidilna li ma għandniex inħallu dak li nħossu fina jikkmandana hu, imma mmexxu lilna nfusna għat-tajjeb, dik hi ċ-ċaħda tagħna nfusna. Meta jgħidilna li nkunu onesti u nimxu ma’ dak li hu sew, dak li hu ġust, dik hi ċ-ċaħda tagħna nfusna, speċjalment meta nkunu mdawrin minn nies li ma jgħixux hekk u jagħmlu kif jaqbel lilhom.

Għalhekk Ġesù jrid li niċħdu lilna nfusna għat-tajjeb, għax b’dal-mod li jista’ jkollna f’qalbna l-paċi u l-ferħ tiegħu, u hi t-triq tat-tbatija li twassal għall-glorja.

Xi jfisser nerfgħu s-salib

Irridu nimxu tassew mal-kliem ta’ Ġesù. Jgħidilna biex nerfgħu s-salib tagħna biex nimxu warajh. Hu proprju li nerfgħu s-salib biex nagħmlu dak li hu sew. Ma rridu nifhmuh ħażin lil Ġesù. Jekk inkunu f’sitwazzjoni fejn hemm inġustizzja, fejn hemm abbuż, it-triq tagħna biex nerfgħu s-salib mhix li naċċettaw l-inġustizzja, naċċettaw l-abbuż. Għandna naħdmu kontra dan b’ħilitna kollha – dak hu s-salib! Jekk persuna, fil-familja tagħha, hi vittma ta’ vjolenza domestika, is-salib tagħna mhux li tgħid “x’tista’ tagħmel? Dak hu s-salib tiegħi!” u tibqa’ hekk, f’dik is-sitwazzjoni. Le! Is-salib hu li taħdem kontra l-abbuż biex ma tibqax vittma tal-vjolenza domestika. Dak hu s-salib, biex tagħżel dak li hu sew. Hu s-salib għax ifisser tbatija biex tirsisti ħa toħroġ minn sitwazzjoni ta’ abbuż.

Nitolbu lill-Mulej, ispirati minn din il-kelma tiegħu, li aħna dejjem nimxu warajh f’din it-triq li għallimna hu: it-triq li nagħżlu dak li hu sew, anke meta din tfisser ċaħda tagħna nfusna u tbatija, għax nafu li permezz ta’ hekk ikollna tassew il-paċi tal-qalb li jagħtina hu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju