L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Tħallux qalbkom titħawwad. Emmnu f’Alla u emmnu fija wkoll” (Ġw 14:1). Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jindirizza lill-qalb tad-dixxipli.  Dan huwa kliem li hu jgħid mhux f’mument ta’ kalma imma f’mument ta’ tensjoni u inċertezza, waqt l-Aħħar Ċena. Hemm xi ħaġa ta’ tbatija li ġejja; qed jersaq il-mument tal-firda ta’ Ġesù mid-dixxipli.

Imma Ġesù ma joffrilhomx soluzzjonijiet faċli jew pjan dettaljat. Joffrilhom lilu nnifsu. Jistedinhom jafdaw fih, mhux għax kollox hu ċar, imma għax hu stess hu ċ-ċertezza tagħhom. “Jien hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja” (Ġw 14:6).

Illum, meta niċċelebraw ħamsin sena ta’ servizz b’fedeltà minn Christopher bħala sagristan ta’ din il-knisja parrokkjali tal-Mellieħa, dan il-kliem ta’ Ġesù fih tifsira partikulari. Għax qed niċċelebraw kif dak li jgħid Ġesù fl-Evanġelju sar realtà li Christopher għexha kuljum fil-kwiet, fil-fedeltà, fil-ħidma li ma tagħmilx storbju, f’servizz lejn Ġesù – it-Triq, il-Verità, il-Ħajja.

Id-dar tal-Missier

Ġesù jitkellem dwar id-dar tal-Missier (ara Ġw 14:2). Din id-dar mhijiex biss realtà futura, imma wkoll sinjal preżenti. Il-knisja hija xbieha ta’ din id-dar tal-Missier: post fejn il-komunità tinġabar biex tiltaqa’ mal-Mulej, fejn tiġi ċċelebrata l-Ewkaristija, proklamata l-Kelma ta’ Alla, u fejn il-bniedem iġib miegħu t-tbatijiet u l-ferħ tiegħu quddiem Alla.

Imma din id-dar trid tiġi mħejjija. Il-liturġija li aħna naraw u ngħixu fil-knisja mhijiex biss il-mument li jidher; hemm ħafna xogħol moħbi li jagħmilha possibbli. Hawnhekk jidħol is-servizz tas-sagristan – ministeru kwiet, imma fundamentali.

Għal ħamsin sena, dan is-servizz ta’ Christopher għen biex din “id-dar tal-Missier” tkun dejjem lesta: l-artal imħejji, fjuri lesti, l-ilbies liturġiku preparat b’ġieħ, il-knisja miżmuma b’għożża, il-qniepen li jsejħu lin-nies. Dawn huma affarijiet li jistgħu jidhru żgħar u ordinarji, imma fil-verità huma atti ta’ mħabba li jħejju spazju sabiħ għal Alla fost il-poplu tiegħu.

It-triq

Il-mistoqsija ta’ Tumas fl-Evanġelju għandha messaġġ importanti għalina: “Mulej, ma nafux fejn sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?” (Ġw 14:5). Hija mistoqsija sinċiera, li toħroġ mill-esperjenza tal-ħajja. Għax ħafna drabi aħna wkoll ma narawx ċar, ma nifhmux kollox, u nħossuna mitlufin. Imma t-tweġiba ta’ Ġesù mhijiex direzzjoni fuq mappa. Hija relazzjoni: “Jiena t-Triq”. Dan ifisser li l-fidi mhijiex li jkollok kollox mifhum, imma li tibqa’ qrib ta’ Kristu. Li tafda fih, anke meta t-triq mhijiex ċara.

U dan hu li jixhed servizz twil u b’fedeltà fil-knisja. Matul ħamsin sena, wieħed jgħaddi minn ħafna bidliet – persuni, sitwazzjonijiet, żminijiet differenti. Imma dak li jibqa’ hu l-fedeltà lejn il-Mulej. Il-knisja ssir post ta’ laqgħa ma’ Kristu. Mhux permezz ta’ diskorsi kbar, imma permezz ta’ xogħol sempliċi magħmul b’imħabba.

Ġesù jgħid: “Min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jiena” (Ġw 14:12). Meta Ġesù jgħid li min jemmen fih se jagħmel l-istess opri tiegħu, u saħansitra “akbar”, nistgħu nħossuna kważi konfużi. Kif jista’ jkun dan? Imma l-“opri kbar” ta’ Kristu spiss ma jidhrux fil-glorja esterna, imma fil-kontinwazzjoni tal-preżenza tiegħu fid-dinja permezz ta’ nies komuni.

Kull darba li l-artal jitħejja b’reverenza, kull xemgħa mixgħula, kull dettall imħares b’attenzjoni – dawn huma atti li jagħmlu lil Kristu preżenti. Ħamsin sena ta’ dan is-servizz huma xhieda li l-fedeltà fil-ħwejjeġ żgħar issir xi ħaġa kbira f’għajnejn Alla. Mhux sempliċi rutina, imma perseveranza fl-imħabba.

Moħbi

Is-servizz tas-sagristan huwa, fil-parti l-kbira tiegħu, moħbi. U proprju għalhekk huwa tant prezzjuż. Ġesù nnifsu għex il-maġġoranza ta’ ħajtu fil-moħbi, f’Nażaret, fil-ħajja ordinarja. U hekk ukoll, kull xogħol li jsir bla storbju imma b’imħabba, għandu valur kbir quddiem Alla. Dak li hu moħbi għall-bnedmin, mhux moħbi għal għajnejn Alla.

Illum, aħna nirringrazzjaw lill-Mulej mhux biss għall-ħidma ta’ Christopher, imma għall-mod kif saret dil-ħidma: b’dedikazzjoni, b’attenzjoni, b’imħabba kbira lejn Marija Bambina, b’attitudni li tilqa’ lil dak li jkun, u b’servizz lejn il-komunità.

Dan l-anniversarju mhuwiex biss ċelebrazzjoni personali, imma xhieda għall-parroċċa kollha. F’dinja li tfittex riżultati immedjati u suċċess viżibbli, ħamsin sena ta’ servizz jitkellmu dwar valuri differenti u li tant neħtieġu: il-perseveranza, il-fedeltà, l-impenn fit-tul. Hija stedina għal kull wieħed u waħda minna biex nagħrfu ngħożżu dawn il-valuri u ngħixuhom fejn Alla jsejħilna.

Id-destinazzjoni tagħna

Fl-aħħar tal-Evanġelju, Ġesù jagħtina wegħda: “Nerġa’ niġi u neħodkom miegħi, biex fejn inkun jien tkunu intom ukoll” (Ġw 14:3). Din hija t-tama li ddawwal kull servizz Nisrani. Kull att ta’ mħabba, kull sagrifiċċju, kull mument ta’ fedeltà, kollox għandu destinazzjoni. Mhux lejn xejn, imma lejn il-laqgħa ma’ Alla.

Illum niċċelebraw ħamsin sena, imma nħarsu wkoll lejn id-destinazzjoni tagħna. Għax il-mixja tal-fidi, li niċċelebraw f’din id-dar tal-Missier li hi l-knisja, twassalna lejn id-dar ta’ Missierna fis-sema, fejn kull ġid magħmul b’imħabba jsib il-milja tiegħu.

Ħarsa ’l quddiem

Illum aħna nirringrazzjaw lill-Mulej għal dan id-don ta’ servizz fidil li ta Christopher, għall-ministeru kwiet li sostna l-ħajja ta’ din il-knisja parrokkjali, u għall-perseveranza b’fedeltà tul dawn il-ħamsin sena.

Nitolbu li l-Mulej, li hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja, ikompli jmexxi u jbierek lil dan il-qaddej fidil fis-servizz tiegħu. U nitolbu li l-eżempju tiegħu jqanqal lil oħrajn biex jaqdu b’qalb ġeneruża. Dan hu l-messaġġ lil Christopher ukoll: filwaqt li tkompli tagħti sehmek b’imħabba u b’ġenerożità, aħdem biex warajk ikun hemm oħrajn li jkomplu bl-istess ħeġġa u dedikazzjoni tiegħek. Dan ikun żgur ta’ ferħ kbir għalik, u għal din il-komunità għażiża.

Nixtieq nispiċċa b’din it-talba:

Mulej Ġesù int li inti t-Triq, il-Verità u l-Ħajja, b’qalb mimlija gratitudni llum nirringrazzjawk għal ħuna Christopher, li għal ħamsin sena sħaħ serva b’fedeltà bħala sagristan f’din il-parroċċa għażiża. Nirringrazzjawk għad-dedikazzjoni tiegħu siekta u kostanti, għall-imħabba tiegħu lejn id-dar tiegħek, u għall-kura li dejjem ta lil dak kollu li hu qaddis. Nitolbuk, Mulej, kompli bierek lil Christopher f’dil-ħidma tiegħu, u agħmel li l-eżempju sabiħ tiegħu jqanqal lil oħrajn biex jimxu fuq l-istess triq ta’ servizz. Qanqal persuni li jkunu lesti jagħtu ħinhom u ħajjithom biex jaqdu lilek fid-dar tiegħek, b’imħabba u b’fedeltà, u għall-glorja tiegħek.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta