L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Meta kull sena niċċelebraw il-festa ta’ San Benedittu, hemm ir-riskju li nħarsu lejh bħala qaddis ta’ żmien imbiegħed; bniedem li għex ħmistax-il seklu ilu, f’dinja li donnha m’għandha x’taqsam xejn ma’ tagħna. Nammirawh, inqimuh, nitolbu l-interċessjoni tiegħu, iżda forsi naħsbu li l-messaġġ tiegħu kien tajjeb għal żmienu, mhux għaż-żmien tagħna.

Iżda mhux hekk. Kieku San Benedittu kellu jidħol fid-dinja tagħna llum, naħseb li jagħraf minnufih ħafna mis-sinjali li kien ra fi żmienu stess. Meta twieled, għall-ħabta tas-sena 480, l-Imperu Ruman kien għadu kemm waqa’. L-istituzzjonijiet kienu qed jitfarrku, il-vjolenza kienet mifruxa, l-ekonomija kienet instabbli. In-nies ma kinux għadhom jafu fuq min jistgħu jserrħu rashom. Dak li għal sekli sħaħ kien jidher sod, issa kien qed jiġġarraf.

Ma jfakkarniex dan xi ftit fid-dinja tagħna? Hija dinja li għamlet progressi kbar fit-teknoloġija, iżda fl-istess ħin qed tesperjenza kriżi kbira ta’ tifsira. Hemm ħafna ħidma għal paċi, u fl-istess waqt vjolenza mifruxa. Għandna mezzi ta’ komunikazzjoni li qatt ma kellhom il-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna, iżda hemm tant nies waħedhom. Għandna aċċess għal ammont bla qies ta’ informazzjoni, iżda dan mhux dejjem ifisser li sirna aktar għorrief jew li nkunu nafu l-verità. Ninsabu kontinwament qisna konnessi ma’ xulxin, iżda ħafna drabi nibqgħu mhux verament konnessi ma’ Alla, mal-oħrajn u saħansitra magħna nfusna.

Imma San Benedittu jfakkarna li l-qdusija ma tiddependix minn kemm iż-żminijiet huma favorevoli. Fis-sitwazzjoni ta’ żmienu, Benedittu ma ppreżentax programm politiku, lanqas ma ppropona rivoluzzjoni soċjali. Huwa ppropona xi ħaġa ħafna aktar profonda: ħajja ta’ qdusija mgħixa fil-ħajja ta’ kuljum. Nixtieq li nirriflettu partikolarment fuq tliet aspetti tal-ispiritwalità tiegħu tant relevanti għal żmienna.

Is-smigħ

Ir-Regola tiegħu tibda b’kelma waħda: isma’: “Isma’, ibni, il-preċetti tal-imgħallem u iftaħ widnejn qalbek”. Din mhijiex biss l-ewwel kelma tar-Regola. Hija wkoll l-ewwel kundizzjoni biex persuna tiltaqa’ ma’ Alla.

Forsi waħda mill-akbar problemi llum hi li ngħixu fi żmien mimli komunikazzjoni, iżda fqir fis-smigħ. U l-ħajja tagħna hija mimlija storbju. Mhux biss l-istorbju tat-traffiku jew tal-magni, iżda dak l-istorbju li jidħol fil-qalb tagħna: il-mobile li ma jieqaf qatt idoqq, il-messaġġi li jaslu bla waqfien, l-aħbarijiet li jinbidlu kull minuta, ix-xandir kontinwu tal-midja soċjali. Donnu nibżgħu mis-skiet. U meta jasal il-mument tas-skiet, nimlewh minnufih b’xi ħaġa oħra.

San Benedittu jfakkarna li l-ħajja spiritwali tibda mhux bil-kliem tagħna, iżda bis-smigħ ta’ Alla u l-Kelma tiegħu. Alla jitkellem fis-skiet. Għalhekk dawk li qed jgħixu f’dan il-monasteru jidħlu fis-skiet mhux biex jaħarbu mid-dinja, iżda biex jisimgħu lil Alla jitkellem. Is-skiet tal-monasteru mhuwiex vojt. Huwa mimli bil-preżenza ta’ Alla. Dan hu messaġġ importanti għalina. Mingħajr smigħ ma jistax ikun hemm paċi. Mingħajr smigħ ma jistax ikun hemm dixxerniment ta’ dak li hu tassew ta’ ġid għalina.

Nitolbu lill-Mulej il-grazzja tas-smigħ – li nisimgħu bil-“widna tal-qalb.” Għax jekk tassew nisimgħu leħen Alla, insibu wkoll il-kuraġġ ngħixu b’mod differenti, u nisimgħu lil xulxin.

L-istabbiltà

Wieħed mill-voti Benedittini huwa dak tal-istabbiltà. Mal-ewwel daqqa t’għajn jidher stramb. Għaliex persuna twiegħed li tibqa’ fl-istess monasteru? Imma l-istabbiltà mhijiex biss kwistjoni ta’ post. Hija espressjoni ta’ fedeltà.

Il-kultura tagħna tgħallimna li dejjem irridu nfittxu xi ħaġa ġdida, esperjenza ġdida. Donnu dak kollu li hu ġdid huwa dejjem aħjar. U madankollu ħafna nies huma għajjenin proprju għax m’għandhomx għeruq. B’din il-mentalità, jidħol il-biża’ mill-impenn fit-tul. L-impenn isir prova temporanja. Ir-relazzjonijiet jonqsu mil-lealtà. Il-komunitajiet isiru fraġli.

San Benedittu jfakkarna fil-valur tal-għeruq, tal-impenn, tal-fedeltà. Fil-ħajja saċerdotali u reliġjuża, fiż-żwieġ, f’kull sejħa. Fir-relazzjonijiet ma’ dawk qrib tagħna wkoll. Is-siġra tagħti l-frott għax għandha l-għeruq. Hekk ukoll il-ħajja tagħna Nisranija. Nitolbu lill-Mulej li nagħrfu l-valur tal-impenn għall-ħajja, tal-fedeltà sħiħa.

L-ospitalità

Waħda mill-isbaħ tagħlimiet ta’ San Benedittu tinsab fir-Regola tiegħu: “Kull mistieden għandu jintlaqa’ bħallikieku hu Kristu nnifsu.” Mhux xi mistednin, mhux biss dawk li jogħġbuna, mhux biss dawk li jaqblu magħna, imma kull wieħed u waħda.

Kemm għandna bżonn dan illum: li jkollna qalb li taf tilqa’! Ngħixu f’soċjetà fejn kultant jikber is-suspett lejn min hu differenti. Nibżgħu minn min ma nafuhx, insibu diffiċli naċċettaw lil min jaħsibha differenti minna, lil min jiġi minn pajjiż ieħor.

Imma San Benedittu jfakkarna li Kristu ħafna drabi jiġi moħbi. F’persuna fqira, jew marida, jew anzjana. F’tifel jew tifla. F’persuna barranija, jew persuna li ma naqblux magħha. Il-monasteru jibqa’ sinjal profetiku li huwa possibbli ngħixu flimkien bħala aħwa. Nitolbu lill-Mulej jagħtina qalb miftuħa li tilqa’, li tagħraf lilu preżenti fl-aħwa li niltaqgħu magħhom illum.

Il-qalb

Il-monasteru huwa bħal fanal fuq il-kosta. Il-fanal ma jiġrix wara l-vapuri. Jibqa’ jiddi, u proprju għalhekk jurihom id-direzzjoni. Il-monasteru jfakkar lid-dinja li l-bniedem mhux maħluq biss biex jipproduċi, jikkonsma u jiġri minn ħaġa għall-oħra. Il-bniedem huwa maħluq biex jagħmel spazju għal Alla, biex jgħix f’relazzjoni miegħu.

San Benedittu għamel ħidma kbira u vasta. Imma forsi l-akbar miraklu tiegħu kien li bena qlub, u dan permezz tal-ispiritwalità tiegħu. Għax meta jinbidlu l-qlub, jinbidlu għall-aħjar il-familji, il-parroċċi, is-soċjetajiet, tinbidel l-Istorja. Fil-fond ta’ kull qalb hemm għatx li ebda ġid materjali ma jista’ jaqta’. Hemm xewqa għal dak li hu etern, hemm il-ħerqa għal Alla nnifsu. U l-monasteru jibqa’ jfakkarna li dak l-għatx għadu hemm, anke jekk kultant nippruvaw ninsewh jew ngħattuh b’elf ħaġa oħra.

Hekk kif niċċelebraw din l-Ewkaristija llum fil-Festa ta’ San Benedittu, f’dan il-monasteru fejn it-talb ilu jitla’ lejn Alla jum wara jum għal sekli sħaħ, nitolbu lil San Benedittu, għalliem tal-għerf u patrun tal-Ewropa, biex jidħol għalina quddiem il-Mulej, biex jagħtina l-grazzja li ħajjitna tkun ‘Ora et Labora’ f’għaqda flimkien, u jgħinna speċjalment biex nagħrfu l-valur tas-smigħ, tal-fedeltà u tal-ospitalità, ħalli nagħtu xhieda sabiħa, u Kristu jkun magħruf u maħbub.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju