Reazzjoni ta’ Caritas Malta, Fondazzjoni Oasi u l-Assoċjazzjoni tal-Psikjatrija f’Malta dwar il-White Paper dwar l-użu tal-Cannabis.

L-organizzazzjonijiet imsemmija jesprimu t-tħassib serju tagħhom dwar numru ta’ riformi hekk proposti fil-White Paper dwar ‘l-użu responsabbli tal-Cannabis’. Din il-White Paper tipproponi bidla fundamentali fid-direzzjoni lejn iktar aċċettazzjoni tal-kultura tal-użu tal-Cannabis.

F’soċjetà demokratika nirrispettaw id-djalogu u nifhmu li l-politiku jiġi konfrontat b’vuċijiet u interessi diversi. Fil-liġi hekk kif proposta tidher li se tkun qed tagħti l-aktar vuċi lil dawk li jixtiequ jużaw il-Cannabis b’mod liberu. Il-Liġi proposta tidher tirrifletti battalja mitlufa mal-kultura tal-użu tal-Cannabis u tagħti inqas protezzjoni lil dawk li jistgħu jbatu konsegwenzi serji minħabba l-Cannabis – individwi jew familji fejn hemm dipendenza fuq il-Cannabis u fuq drogi oħra; l-adolexxenti; dawk f’riskju li jiżviluppaw problemi mentali bil-Cannabis.

Naraw li jekk din il-liġi kif proposta tgħaddi, se jkollna naffaċċaw dawn ir-riperkussjonijiet:

  1. Tkompli tiġi normalizzata l-Cannabis bħala sustanza li wieħed jista’ jagħmel użu minnha b’mod iktar liberu mingħajr tant riperkussjonijiet. Dan hu ta’ detriment speċjalment fl-imħuħ tal-adolexxenti fejn nafu li s-sustanza tagħmel ħsara kbira f’moħħ li qed jiżviluppa. Iktar u iktar meta l-età ta’ dawk li jistgħu jagħmlu użu huwa ta’ 18-il sena kif proposta fil-White Paper.
  2. It-traffikanti jibdew iqassmu l-Cannabis fil-kwantitajiet indikati biex jekk ir-runners tagħhom jinqabdu jiġu esposti biss għall-multa amministrattiva, jew ma jeħlu xejn jekk il-pakkett ikun ta’ 7 grammi jew inqas
  3. Il-persuni li huma dipendenti jew li qed jaffaċċaw diffikultajiet minħabba l-użu se tkun għalihom iktar diffiċli biex jibbenefikaw minn care plan li s’issa kien qed jiġi offrut mit-Tribunal jew mid-Drug Offenders Rehabilitation Board (DORB). Dan għaliex fid-dawl ta’ dak li qed jiġi propost, jekk persuna tkun f’pussess ta’ inqas minn 7 grammi, lanqas tersaq quddiem it-Tribunal. L-esperjenza wrietna li ħafna persuni li messew mat-Tribunal jew mad-DORB, wettqu b’suċċess pjan li jindirizza l-bżonnijiet tagħhom.
  4. F’kultura preżenti, fejn persuni jfittxu divertiment bl-użu tal-alkoħol u taħlit ta’ sustanzi oħra, wieħed jitħasseb jekk din il-liġi proposta hix se twassal għal iktar użu ta’ Cannabis u sustanzi oħra. 
  5. Jekk l-użu tal-Cannabis jiżdied, se jkun hemm iktar domanda fuq l-organizzazzjonijiet li joffru għajnuna lill-persuni li jagħmlu użu minn dawn is-sustanzi u anke fuq servizzi ta’ saħħa mentali, hekk kif diġà f’dawn l-aħħar snin qed naraw żidiet fit-talbiet għall-għajnuna. Għaldaqstant jekk dawn il-proposti jiġu implimentati se jkun hemm bżonn ta’ investiment qawwi fil-qasam tal-kura.

Il-White Paper tħalli diversi mistoqsijiet mhux imwieġba bħal:

  • Kif se jsir l-infurzar ta’ dan li qed jiġi propost dwar il-projbizzjoni tal-użu fil-pubbliku?
  • Kif se jsir l-infurzar biex jiġi żgurat li ma jsirx użu tal-Cannabis quddiem it-tfal fid-djar u biex il-minuri ma jkollhomx aċċess għas-sustanza?
  • Se jiġi stabbilit threshold tal-perċentwal ta’ THC fil-pjanti tal-Cannabis kif ukoll il-piż tal-pjanti?
  • Qed jiġi kkunsidrat jekk uħud mill-proposti hux qed imorru kontra l-konvenzjonijiet tad-drogi tal-Ġnus Magħquda?
  • Kif se jigu kkunsidrati l-obbligu dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol minn min iħaddem, f’każ li ħaddiema tiegħu jkunu kkunsmaw il-Cannabis?
  • Kif se jiġu ttestjati nies li jinsabu jsuqu taħt l-effett?
  • Sar xi studju speċifiku għal pajjiżna dwar x’impatt soċjali jista’ jkollhom dawn il-proposti?

Dejjem sħaqna li persuni li jużaw il-Cannabis għall-użu personali m’għandhomx jintbagħtu l-ħabs u lanqas għandha tiċċappsilhom il-kondotta. Lanqas għandhom dawn il-każijiet idumu snin biex jiġu deċiżi mill-Qrati. Ninkoraġġixxu li dawn il-persuni li jixtiequ l-għajnuna jkollhom servizz ta’ kwalità f’ħinu.