• It-Tnejn 3 ta’ Ottubru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fil-ftuħ tas-Sena Akkademika, fiċ-Chaplaincy tal-Università ta’ Malta.
     

    The Celebration of Mass on YouTube

  • 

    • Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Chaplaincy, l-Università ta’ Malta

     3 ta’ Ottubru 2016

    “Mgħallem, x’nagħmel biex ikolli b’xortija l-ħajja ta’ dejjem?” (Lq 10, 25). Il-mistoqsija ta’ dan l-għaref tal-liġi tmur lil hemm mir-realtà ta’ din id-dinja. Fil-mistoqsija tiegħu hemm diġà għatx kbir għal tip ta’ ħajja li ma tispiċċa qatt: il-ħajja ta’ dejjem.

    Ir-risposta ta’ Ġesù, meta dan l-għaref tal-liġi jirrispondi tajjeb, b’xi mod mhix marbuta mal-kategorija ta’ ‘lil hemm mid-dinja’: “agħmel hekk u tgħix” (v.28). Donnu l-Mulej qed jgħidlu: ‘jekk tagħmel dak li qed tgħid inti, mhux biss ikollok il-ħajja ta’ dejjem imma jkollok il-ħajja tassew minn issa. Agħmel hekk u tgħix’. Ir-risposta tajba ta’ dan l-għaref tal-liġi, li jista’ jkun anke patrun tal-eżamijiet għax ġabha żewġ, huwa li jagħraf l-primat tal-imħabba bħala l-essenza ta’ kull liġi, ta’ kull ordni uman.

    Ġesù jgħidlu: “fil-liġi x’hemm niktub? Kif taf?” (v. 26). Mhix domanda faċli għaliex kien hemm il-polemika li wkoll ġiet imressqa quddiem Ġesù ta’ ‘min hu l-aqwa liġi? Liem hu l-ewwel kmandament?’.  Fil-ħniena kbira u interminabbli ta’ kmandament, liema hu l-kmandament essenzjali? Dan l-għaref tal-liġi imur mal-ewwel lejn ir-risposta li Ġesù qed ifittex, li Ġesù jikkonferma li hija tajba. “Int għandek tħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha u b’moħħok kollu u lill-għajrek bħalek innifsek” (v. 27). Il-primat tal-imħabba f’din ir-risposta, li ġejja mill-liġi stess huwa, nistgħu nsejħulu, ‘primat ħolistiku’, għaliex l-imħabba ma timpenjax biss il-qalb imma timpenja r-ruħ, il-qawwa kollha tal-bniedem u moħħu wkoll.

    Inħoss li f’din ir-risposta tajba tal-għaref tal-liġi hemm ukoll il-programm fundamentali ta’ kull università. Għaliex ir-risposta għall-formazzjoni tal-eluf tal-istudenti li jiġu ffurmati hawnhekk, mhux biss edukati imma ffurmati, tkun verament risposta ħolistika jekk timpenja l-moħħ imma timpenja wkoll il-qalb, ir-ruħ, il-qawwa kollha tal-bniedem. Tagħmel sens jekk tiżviluppa nies fil-moħħ tagħhom, tiżviluppalhom ukoll il-qalb tagħhom, mingħajr ma tinsa li mhux veru hemm primat tal-imħabba lejn Alla jekk aħna ninsew l-imħabba lejn għajrna, lejn il-proxxmu tagħna. “Agħmel hekk u tgħix”.

    Student li fl-università jiżviluppa biss il-moħħ tiegħu, mhux qed jgħix; hawnhekk wieħed irid jiskopri wkoll l-għerf tal-qalb, il-qawwa tal-ġenerożità fis-servizz; hawnhekk wieħed għandu jiskopri wkoll li kull qasam tax-xjenza għandu wkoll link mal-oqsma l-oħra. Fuq kollox l-esperjenza tal-università tkun sabiħa jekk tagħmel minna nies li lesti jkunu impenjati fl-aspett soċjali. Inħoss li l-università li tipproduċi gradwati li jaħsbu biex ixaħħmu l-but jew biex jagħmlu karriera, tkun falluta. Minn hawnhekk jiena nawgura u nitlob li joħorġu ġenerazzjonijiet ta’ ċittadini ffurmati, iggradwati, mimlijin xjenza u kapaċitajiet, imma li għandhom fil-qalb, fil-vokazzjoni konkreta u ċara tagħhom, li jkunu ta’ servizz għall-proxxmu.

    L-għaref tal-liġi – jiena nafha sew il-kategorija tal-avukati – ma riedx jgħaddi ta’ ħmar, għalkemm ġaba żewġ, xorta ried ikollu hu r-raġun. Qatt m’għandna tort aħna, dejjem għandna raġun. L-argument dejjem irridu nirbħuh aħna. Lil Ġesù jgħidlu: “U l-proxxmu tiegħi min hu?” (v.29). Din id-domanda ta’ dan id-duttur tal-liġi, għaref, qanqal lil Ġesù biex jagħtina parabbola li hija straordinarja li l-Patres interpretaw ħafna drabi f’diversi manjieri, hija għall-qalb ħafna anke l-Papa Franġisku.

    Niltaqgħu ma’ raġel li nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, Ġeriko huwa mhux biss is-sit taċ-ċiviltà antikissima ta’ diversi ċiviltajiet, imma anke huwa wieħed mis-siti l-iżjed profondi fil-ġeofiżika tad-dinja. Dan ir-raġel fi triqtu lejn dan l-abbiss ta’ umanità, ta’ kultura, anke ġeografiku, jispiċċa fl-abbiss tan-nuqqas ta’ dinjità, ta’ aggressuri li “jneżżgħuh, ibiċċruh bis-swat, jitilquh u jħalluh nofsu mejjet (v. 30).

    Ġesù jlaqqagħna ma’ tlett personaġġi li jaraw lil din il-vittma, din il-persuna li sfat vittma tal-kefrija ta’ ħaddieħor u jġgħalna ninnutaw ir-reazzjoni tagħhom. Tnejn minnhom li wkoll huma esperti fir-reliġjon: il-qassis u l-Levita jarawh, u jibqgħu sejrin. Ikun hemm Samaritan li forsi huwa fil-periferija tal-istituzzjonijiet, żgur wieħed li huwa assolutament mhux meqjum minn Iżrael, anzi huwa dak li huwa kważi skomunikat li jagħmel il-ġest li għalina jsir ifakkarna f’Ġesù stess, li meta jara lill-umanità fi stat ta’ miżerja, Ġesù jgħid “wasal ħdejh, tħassru x’ħin rah, resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi tiegħu biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, imbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu, ħareġ żewġ dinari, u lil tal-lukanda, qallu: ‘ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed inroddhielek jien meta nerġa ngħaddi’”. Dan huwa l-proxxmu,  “‘Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu?’ ‘Min ħenn għalih’” (vv. 34-37).

    Jiena nitlob u nawgura li l-istudenti ta’ din l-Università huma u jikbru fix-xjenza, jikbru anke fil-qalb tagħhom u meta l-professjoni tagħhom, anke waqt l-istudju tagħhom, jiltaqgħu mal-umanità miġrugħa minħabba l-kefrija, jiltaqgħu mal-ambjent iddisprezzat minn min għandu r-regħba li ma jagħtix każ ta’ affarijiet oħra, jieqfu, iħarsu u mhux jibqgħu sejrin imma jmiddu jdejhom biex jagħmlu dak li hemm bżonn isir.

    Jekk l-istudenti tagħna mhux se jkollhom din is-sapjenza tal-qalb, din l-għerf tal-qalb, allura nħoss li verament il-proġett tagħna se jkun fallimentali, imma jekk aħna, anke fl-ispażju li nagħtu lill-ġesti konkreti ta’ solidarjetà, anke fi djalogu bejn il-fakulatjiet, anke bil-paċenzja li nisimgħu lil xulxin, bil-kuraġġ li npoġġu d-domandi l-iżjed iebsin, inħoss li nkunu qegħdin inkabbru verament ix-xefaq tal-perspettiva tagħna, inkunu qegħdin inkabbru l-qalb tagħna.

    Lil min jiġi hawn bid-domanda fundamentali jekk Alla jeżistix jew le, jekk aħna r-riti li nagħmlu jagħmlux sens jew le, ngħidlu: ‘tiddejjaqx u tibżgħax tpoġġi d-domandi’. L-università hija post fejn wieħed jitgħallem, jistaqsi, u jpoġġi d-domandi, fejn wieħed jitgħallem ukoll li m’għandux ir-risposta għal kollox. Tkun telfa kbira jekk aħna nħallu lil qalb tagħna tinxtorob tant u l-moħħ tagħna jiġi atrofizzat b’mod li ma nkunux nistgħu nkomplu npoġġu d-domandi. L-għan aħħari tal-esperjenza universitarja hija li tagħti lill-pajjiż imħuħ kritiċi imma ma jieħdu xejn at face value, assolutament xejn, u dik hija għalija l-garanzija tad-demokrazija. Imħuħ li mhux biss jistaqsu imma għandhom ukoll il-qalb u l-kuraġġ imiddu jdejhom għax-xogħol u jekk hemm bżonn ukoll tmidd għonqok għall-mannara.

    Jalla l-merħla ċkejkna ta’ Nsara li hawnhekk isibu l-oasi għat-talb tagħhom, jieħdu pjaċir jisimgħu l-kelma ta’ Alla hawnhekk u jaqsmu l-Ewkaristija, tkun ħmira wkoll għall-Università b’mod li min hu konvint mill-fidi Nisranija tiegħu ma jistħix jidħol fi djalogu ma’ min hu anjostiku, ma’ min hu biered, ma’ min assolutament jirrifjuta l-kwistjoni jekk Alla jeżistix jew le. Tajjeb li jkollok oasi li hija cosy, li hija protetta imma allaħares ninġabru biss hawnhekk biex inkunu komdi magħna nfusna, għax inkella nkunu qegħdin nibnu dak it-torri tal-avorju li huwa komdu minn ġewwa u ma jinteressaħx minn barra. Is-Samaritan kisser il-kategoriji, mar ’l hemm minn dak li kien mitlub minnu, u tana eżempju li jimla l-qalb tagħna bil-ferħ tal-ġenerożità. “Min ħenn għalih” wieġbu l-għaref tal-liġi. “Mur,” qallu Ġesù, “u agħmel hekk int ukoll”.

    ✠ Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta

    • Photos: Curia Communications Office