• Nhar it-Tnejn 3 ta’ Ottubru 2016, l‑Arċisqof iċċelebra Quddiesa fil-ftuħ tas-Sena Forensi, fl-Oratorju tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

    Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof Charles J. Scicluna tkellem dwar il-vittmi ta’ reat, li minħabba l-kefrija ta’ ħaddieħor, jitneżżgħu mid-dinjità. “Intom, fix-xogħol tagħkom – kemm imħallfin, kemm maġistrati, kemm avukati, prokuraturi legali – tiltaqgħu ma’ tant sitwazzjonijiet umani – mhux biss fil-kriminal imma anke fiċ-ċivil – fejn in-nies jiġu għall-ġustizzja għax huma vittmi tar-regħba, tal-aggressjoni, tal-vjolenza, tal-kefrija ta’ ħaddieħor. Dawn jiġu quddiemkom imneżża mid-dinjità, jitkarrbu biex xi ħadd jagħtihom l-għajnuna.”

    L-Arċisqof appella lill-ġudikatura biex taħdem għar-riabilitazzjoni ta’ min ikun żbalja – l-agressur – jew ta’ min għandu imġieba antisoċjali minħabba esperjenzi trawmatiċi fil-ħajja. L-Arċisqof staqsa jekk is-sentenzi tal-Qrati hux jgħinu lil dawn il-persuni biex joħorġu minn din ir-realtà, jew jekk hux jagħmluhom iżjed kiefra fl-atteġġjament tagħhom. Filwaqt li rrefera għas-Sena tal-Ħniena, l-Arċisqof fisser kif il-ġustizzja issir espressjoni ta’ ħniena meta tagħti lil kull wieħed jew lil kull waħda dak li ħaqqhom imma taħdem ukoll għar-riabilitazzjoni tal-aggressur u anke tal-vittma.
     

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Oratorju tal-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

    3 ta’ Ottubru 2016

     L-Evanġelju li għadna kemm smajna joqgħod tajjeb għall-kuntest li fih qegħdin niċċelebraw din is-sena l-quddiesa tal-Ispirtu s-Santu aħna u ninawguraw is-Sena Forensi.

    Il-Mulej jidħol fi djalogu ma’ wieħed għaref tal-liġi, jew inkella f’verżjonijiet iżjed antiki, ma’ duttur tal-liġi. L-intenzjoni ta’ dan id-duttur, skont l-Evanġelju ta’ San Luqa (Kap. 10) hija li jġarrab lil Ġesù. F’xi mod qisu avukat prosekutur. Ormai l-kapijiet kienu diġà ddeċidew li l-preżenza ta’ Ġesù kienet preżenza skomda u d-dutturi tal-liġi jaqduhom billi jippruvaw jpoġġu lil Ġesù f’sitwazzjonijiet imbarazzanti li mbagħad jistgħu jakkużawh bihom.

    Dan id-duttur tal-liġi, għaref kemm hu, forsi mingħajr ħafna ħsieb, sar strument tal-persekuzzjoni. “‘Mgħallem, x’nagħmel biex ikolli b’xortija l-ħajja ta’ dejjem?’. Qallu Ġesù: ‘Fil-liġi x’hemm miktub? Kif tafha?’” (Lq 10, 25-26). Ġesù ma jirrispondix bit-ton aggressiv u polemiku ta’ min għamillu l-mistoqsija. Ġesù lil dan l-għaref tal-liġi ma jridx ipoġġih f’pożizzjoni imbarazzanti biex jikkumplimenta wkoll id-domanda, imma jibda mill-għerf tiegħu, jibda mill-għarfien tiegħu tal-liġi. “Fil-liġi x’hemm miktub? Kif tafha?”

    Għall-grazzja t’Alla, dan l-għaref tal-liġi jagħżel li fost il-ħafna liġijiet jagħti prijorità lill-kmandament tal-imħabba. It-tweġiba tiegħu hija tweġiba tajba għaliex fil-polemika li kien hemm dak iż-żmien bejn id-dutturi tal-liġi dwar liem hu l-aqwa kmandament – xi ħaġa li wkoll ġiet mistoqsija lil Ġesù – kien hemm diffikultà liem se jkun l-pedament kostituttiv jew inkella kostituzzjonali tal-liġi ta’ Alla. Ir-risposta ta’ dan l-għaref tal-liġi kienet dik li jagħżel bħala liġi kostituttiva l-liġi tal-imħabba: “Int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruhek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha u b’moħħok kollu, u lill-għajrek bħalek innifsek” (v.27). Isimgħu t-tweġiba ta’ Ġesù: “Sewwa weġibt. Agħmel hekk u tgħix” (v. 28) Mela l-Mulej jindika mhux biss l-għerf ta’ dan id-duttur tal-liġi imma anke l-għażla u t-tweġiba li għamel bħala risposta fondamentali għall-ħajja tiegħu: “X’irrid nagħmel biex jiena jkollu l-ħajja ta dejjem?”. “Weġibt tajjeb, agħmel hekk u tgħix”.

    L-ewwel ħsieb li nislet mit-tweġiba ta’ Ġesù hija li l-ġudikatura, l-avukatura, huma u għandhom ikunu wkoll triq ta’ qdusija, mhux triq tat-telfien. “Agħmel hekk u tgħix”. Imma nissuġġerilkom li f’kull ma tagħmlu, f’kull ma tgħidu, f’kull ma tiktbu, fil-ġudizzji kollha li tesprimu, dik il-liġi kostituzzjonali, forsi mhix miktuba imma fondamentali tal-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu, ma tinsewha qatt.

    Dak biex joħroġ ta’ raġel – nafuha din fil-kategorija tagħna għax hekk nagħmlu għax aħna dejjem irid ikollna raġun anke meta ma jkollniex – biex joħroġ ta’ raġel qallu – se nibdew bl-interpretazzjoni issa – “u l-proxxmu tiegħi min hu?” (v. 29). U Ġesù jagħti lil dan l-għaref tal-liġi, lill-kapijiet, u anke lilna, il-parabbola li aħna nafuha bħala ‘s-Samaritan it-Tajjeb’.

    Fil-parabbola hemm ħames persuni. L-ebda wieħed m’għandu isem, imma hemm kategoriji ċari li aħna nistgħu nirrelataw magħhom. L-ewwelnett hemm ċittadin miskin li jisfa’ vittma tal-kefrija ta’ ħaddieħor, u jisfa’ bla difiża. “Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa’ f’nofs il-ħallelin: neżżgħuh, biċċruħ bis-swat u telqu u ħallewh nofsu mejjet” (v. 30).

    L-ewwel żewġ kategoriji diġà ltqajna magħhom: l-aggressur u l-vittma. Il-vittma li minħabba l-kefrija ta’ ħaddieħor din il-persuna titneżża’ mid-dinjità, titbiċċer bis-swat u titħalla nofsha mejta għall-għonq it-triq. Intom, fix-xogħol tagħkom – kemm imħallfin, kemm maġistrati, kemm avukati, u prokuraturi legali – tiltaqgħu ma’ tant sitwazzjonijiet umani – mhux biss fil-kriminal imma anke fiċ-ċivil – fejn in-nies jiġu għall-ġustizzja għax huma vittmi tar-regħba, tal-aggressjoni, tal-vjolenza, tal-kefrija ta’ ħaddieħor. Dawn jiġu quddiemkom imneżża mid-dinjità, jitkarrbu biex xi ħadd jagħtihom l-għajnuna.

    Il-Mulej isemmi tlett persuni. “Inzerta kien nieżel il-qassis minn dik it-triq u rah lil dan ir-raġel vittma, għadda minn maġenbu u baqa’ sejjer. Hekk ukoll wieħed Levita, meta wasal hemm, rah, għadda minn malġenb u baqa’ sejjer” (vv. 32-32). Ħafna drabi minħabba t-toqol tax-xogħol, il-fatt li mhux biżżejjed li n-nies taqdihom imma dejjem iridu iżjed u iżjed u iżjed, it-tentazzjoni tagħna li x-xogħol tagħna jlaqqagħna ma’ ħafna nies hija li naraw lil dak li jkun imma nibqgħu għaddejjin.

    Nifhem li aħna rridu wkoll nipproteġu l-ħajja privata tagħna, l-ekwilibriju psikoloġiku tagħna, għandna d-dritt ukoll għall-mistrieħ. Hija ħrafa li tgħid inti 24×7 għas-servizz tan-nies, għax kif jgħallem ukoll San Karlu Borromeo, irid ikun hemm ukoll mument fejn inti trid tistrieħ biex tkun tista’ tkompli l-għada. Dan ma jfissirx li inti meta tara lil xi ħadd u tgħidlu: ‘jimporta tiġi għada għax għajjejt?’, m’intix qed tagħti każu. Il-gwaj huwa meta, jew minħabba d-dewmien burokratiku tas-sistema, jew minħabba l-fatt li l’ottimo e’ il nemico del bene, il-ġustizzja ddum ma tiġi. Allura f’dak il-mument min ifittex il-ġustizzja għandna mhux biss ikun frustrat u deluż imma jħoss li aħna rajnih imma bqajna għaddejjin.

    Kien hemm Samaritan imma, jgħid Ġesù, fil-vjaġġ: “wasal ħdejh, u tħassru x’ħin raħ. Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi tiegħu biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, imbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu. Il-għada ħareġ żewġ dinari, tahom lil tal-lukanda u qallu: ‘ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, inroddhielek jien meta nerġa ngħaddi’” (vv. 33-35).

    Hawnhekk hawn iż-żewġ kategoriji l-oħrajn. Is-Samaritan, li jekk aħna niżnu l-verbi kollha li juża Ġesù huwa espressjoni sublimi tal-ħniena li hija kompassjoni, ta’ min qed iħares u verament jara – iħares, jara u jitħassar lil dak li jkun. Ta’ min mhux biss jara u jitħassar imma jagħti soluzzjoni, risposta immedjata, f’waqtha li ddewwi l-ġrieħi, il-ġrieħi bil-balzmu fil-każ tagħna operaturi tal ġustizzja, il-balżmu tal-verità. Il-balzmu tal-verità li għax hija ġusta hija wkoll espressjoni straordinarja u sublimi tal-ħniena.

    Fis-Sena tal-Ħniena mhux qed nistieden lill-ġudikatura, lill-maġistratura biex ikunu soft, biex ngħidu ‘ejjew nagħmlu d-discount’, dak il-konfessur jista’ jagħmillek d-discount fuq il-penitenza meta tmur tqerr. Inti tuża l-liġi biex il-ġustizzja issir espressjoni tal-ħniena meta qed tagħti lil kull wieħed jew kull waħda dak li ħaqqhom, imma qed taħdem ukoll għar-riabilitazzjoni tal-aggressur u anke tal-vittma. Kultant kritika li ssir lis-sistema tagħna hija li aħna forsi għadna qed niżviluppaw sensibbilità għall-eżiġenzi li jkollhom il-vittmi. Jiena nħobb ninsisti li d-dannu għandu jirriżarċih, jagħmel tajjeb għalih, min jagħmel il-ħsara. U s-soċjetà hija wkoll vittma tal-aggressur imma hemm bżonn ukoll naħdmu għar-riabilitazzjoni ta’ min ikun żbalja jew ta’ min, minħabba storja trawmatika f’ħajtu, għandu operat jew inkella imġieba antisoċjali li kultant is-sentenzi tagħna ma nafx kemm jgħinuh joħroġ minnha din il-ħaġa, imma forsi jagħmluh iżjed kiefer fl-atteġġjament tiegħu lejn l-oħrajn.

    Id-domanda ta’ dan l-avukat bravu kienet: “U l-proxxmu tiegħi min hu?”. U Ġesù jerġa jagħmillu mistoqsija oħra: “‘Minn dawn it-tlieta’, int, avukat tal-liġi, ‘min jidhirlek li ġab ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’nofs il-ħallelin?’. ‘Min ħenn għalih’ wieġbu dak. ‘Mur,’ qallu Ġesù u agħmel hekk inti wkoll’” (vv 36-37).  Int u teżerċita l-professjoni tiegħek ta’ duttur tal-liġi, kun bniedem ta’ ħniena. Kulħadd għandu d-dritt jgħix imma aħna nafu nrażżnu lilna nfusna fil-parċelli li nitolbu lill-klijenti tagħna? Nafu nużaw ħniena meta nagħtu l-kont? Jistħoqqilna, imma hemm rażan? Hemm sistema li fih nafu nagħmlu awtokontroll meta l-bniedem jitlob il-ġustizzja u jaqta’ qalbu għax l-ispejjes huma eżorbitanti? Dik ukoll hija ħniena: li aħna nkunu sobriji aħna u nagħtu l-parċella, l-honorarium tagħna biex jitħallas, kemm miċ-ċittadin u kemm mill-Istat.

    Fl-Ewwel Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju, il-Mulej jitkellem dwar l-Imħallfin li jridu juġġudikaw il-poplu tiegħu. “La tgħawwiġ il-ġustizzja, tħarisx lejn l-uċuħ, taċċettax rigali, fittex il-ġustizzja, u l-ġustizzja biss, u inti tgħix” (Dt 16, 19-20). Agħmel hekk u jkollok il-ħajja.

    Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja