Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Ftit ġranet ilu kien hemm l-aħbar li għall-ewwel darba hemm bniedem iddikjarat uffiċjalment triljunarju. X’ikun triljunarju? Aħna nafu li hemm min hu miljunarju, biljunarju; u triljunarju  jfisser li jkollok tnax-il żero wara l-ewwel numru.

Din kienet aħbar li għamlet naqra agħa. Imma meta naqraw dal-kliem ta’ Ġesù, nindunaw kemm bniedem jista’ jkollu, u jkollu ħafna, imma l-aktar importanti mhuwiex dan fil-ħajja, anzi wieħed irid joqgħod attent fejn jidħol il-flus, il-ġid, u l-proprjetà. Hawn Ġesù juża kelma: “tgeddsux” – “Tgeddux għalikom teżori f’din id-dinja” (Mt 6:19). Ġesù mhux qed jgħid li aħna ma għandniex nirsistu biex il-ħajja tagħna, tal-familja tagħna, tkun aħjar. Mhux qed jgħid li aħna ma naħdmux u nagħmlu li nistgħu biex inġibu ’l quddiem il-ħajja tagħna u tal-familja. Imma l-kelma li juża hija “tgeddsux”. Għax hawnhekk Ġesù qed jitkellem fuq il-kilba biex ikollok, u jkollok aktar, u jkollok aktar, u ma tkunx kuntent qabel ma jkollok aktar – dik ir-regħba. Fuq hekk qed jgħid Ġesù.

Qed jgħid: jekk int il-ħajja tiegħek iffukata fuq li jkollok, u li jkollok aktar, fuq ir-regħba, ħa titlef li tgħix il-ħajja sew issa, u din żgur mhux se tgħinek għall-ħajja ta’ dejjem. Għalhekk Ġesù hawn isemmi li jista’ jkollok il-ġid li “jitmermer bil-kamla u bis-sadid, u fejn il-ħallelin jinfdu u jisirqu” (Mt 6:19). Qed jgħid li l-ġid li jkollok hemm dejjem ir-riskju li f’mument jew ieħor jispiċċa, imma anke jekk il-ġid ma jispiċċax, inti f’mument jew ieħor tispiċċa. Għalhekk dak li jkollok, li tkun akkumulajt, jekk il-ħajja tiegħek hi biss fuq kemm takkumula flus, ġid u proprjetà, dawn mhux se jgħinu la biex tgħix issa tajjeb, u lanqas għall-ħajja ta’ dejjem. Għax aħna nafu li meta Ġesù jsejħilna, ma aħna se nieħdu xejn magħna milli nkunu akkumulajna. Mhux se ngħidlu: jien bnejt l-iktar torri twil! Mhux se tieħdu miegħek. Jew tgħid: jien kelli tant flus! Mhux se teħodhom miegħek. Il-ġid li takkumula mhux se tieħdu miegħek fil-ħajja ta’ dejjem.

Li tieħu fil-ħajja ta’ dejjem – u hawn Ġesù jsemmi t-“teżori fis-sema” (Mt 6:20) – huwa mhux il-ġid li takkumula għalik, imma l-ġid li tkun għamilt mal-oħrajn. Dak iva, dak tieħdu fil-ħajja ta’ dejjem. Għalhekk Ġesù qed jgħid kemm hu importanti li l-għan tal-ħajja tagħna jkun li jkollna teżori fis-sema. Jiġifieri: li nagħrfu dak li hu l-iktar importanti fil-ħajja tagħna llum, dawk il-valuri li ma tixtrihomx bi flus – l-imħabba, il-paċi, is-serenità, il-ħidma għal soċjeta ġusta, u speċjalment l-għajnuna għal dawk li huma fil-bżonn – u nagħrfu ngħixu issa dan. Għax huwa l-ġid li nagħmlu mal-oħrajn li nieħdu magħna.

Niftakru fil-parabbola li kien qal Ġesù, f’San Mattew kapitlu 25, meta qed jgħid fuq il-ġudizzju. U proprju fuq hekk ikkonċentra Ġesù: “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 25:35-36). Għax “kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Mela Ġesù qed jgħid: il-ġid li nagħmlu mal-oħrajn, dak hu li nieħdu magħna. Dawk huma t-“teżori fis-sema”. Mhuwiex il-ġid li nakkumulaw għalina.

Din nixtieq li nagħmlu bħala talba llum, ispirati minn din il-kelma ta’ Ġesù. Nitolbuh biex aħna nagħrfu nużaw tajjeb il-ġid li hu jipprovdilna; li naħdmu u nirsistu għalina u għall-familja tagħna; imma li npoġġu tassew il-qalb tagħna fit-teżor li jista’ jkollna fis-sema, jiġifieri dak kollu li nagħmlu li jkun ta’ ġid għall-oħrajn, li jgħin lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn, għax permezz ta’ dawn aħna jkollna tassew teżor fis-sema. Nitolbuh li nagħrfu nużaw tajjeb il-ġid li għandna b’mod li qatt ma nitilfu l-ġid li jibqa’ għal dejjem.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju