L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Tħobbni int? (Ġw 21:15). Din il-mistoqsija li għamel Ġesù fl-Evanġelju llum lil Xmun Pietru tolqotna għax mhux normali li fl-Evanġelju naraw mistoqsija bħal dik, imbagħad għal tliet darbiet. Mal-ewwel żgur nagħmlu l-konnessjoni kif Ġesù hawn jistaqsi lil Pietru għal tliet darbiet “tħobbni int?”, u kien Pietru li ftit qabel kien ċaħad lil Ġesù għal tliet darbiet.
Żgur li ninnutaw kif Ġesù jgħin lil Pietru, bil-mod kif jistaqsi u anke kif jittrattah wara dik iċ-ċaħda għal tliet darbiet, jgħinu biex joħroġ mill-iżball tiegħu, biex jaħfirlu, biex jifdih, biex jerġa’ jagħtih lura l-qawwa bħala ragħaj tal-Knisja. Għalhekk mal-ewwel naraw kemm hu sabiħ li Ġesù jagħmel dan mhux billi lil Pietru jfakkarlu l-passat tiegħu – jgħidlu “tħobbni int? u meta Pietru jgħidlu li jħobbu, iwieġbu: dażgur, taf kemm tħobbni? Tiftakar x’għamilt għal tliet darbiet? Le, ma jsemmilux il-passat tiegħu, imma anzi jgħinu biex Pietru li kien għadu taħt dik l-esperjenza kerha taċ-ċaħda, joħroġ minnha u jerġa’ jagħtih mill-ġdid b’qawwa l-missjoni.
Fil-fatt ninnutaw kif Ġesù, meta jitkellem fuq l-imħabba, jitkellem dejjem fuq l-imħabba li hi bla kundizzjoni, l-imħabba li hija għotja. Min jistudja sew l-Iskrittura jinnota li bl-oriġinal Grieg hemm differenza bejn il-mod kif jistaqsi Ġesù “tħobbni, int?” fl-ewwel darbtejn, u l-imħabba li jitkellem fuqha Pietru. “Tħobbni int?” ta’ Ġesù tfisser l-imħabba bla kundizzjoni, kif hu kien qal: “Ħadd ma għandu mħabba akbar min din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15:13). It-tweġiba li jagħti Pietru hi l-imħabba li tfisser imħabba ta’ ħbieb, affezzjoni. U Ġesù x’jagħmel? Jgħin lil Pietru. Tifhem li Pietru għall-bidu t-tweġiba tiegħu ma kinetx l-imħabba bla kundizzjoni, meta kien jaf minn xiex għadda u l-iżball li kien għamel. Ried li jħobbu, imma ried l-għajnuna biex jibda jħobb bħalma kien iħobb Ġesù. Għalhekk Ġesù jaċċetta l-imħabba tiegħu, imma jgħidlu li, fil-fatt, se jgħinu biex imbagħad fl-aħħar jagħti ħajtu għalih. Pietru spiċċa mhux biss iħobb lil Ġesù b’imħabba sħiħa, bla kundizzjoni, imma jagħti ħajtu għalih.
X’ninnutaw f’dan għalina? Din is-silta titkellem b’mod naturali għal min qed imexxi, bħas-suċċessur ta’ Pietru, li hu l-Papa, u għal kull min hu ragħaj. Imma hemm xi ħaġa li tolqotna lkoll: li Ġesù, qabel jitkellem fuq ix-xogħol għalih, jitkellem fuq l-imħabba. Għax kull tip ta’ ħidma trid toħroġ mill-imħabba lejh. Għalhekk, meta jgħid “irgħa l-ħrief tiegħi..irgħa n-ngħaġ tiegħi” (Ġw 21:15.16.17), qed juri li trid tkun l-imħabba lejh l-ewwel biex tmexxih ħalli jaħdem b’dal-mod. Imbagħad ninnutaw ukoll kif Ġesù jgħaqqad l-imħabba lejh mal-ħidma li trid issir, u l-ewwel ħaġa li jgħid: “Irgħa l-ħrief tiegħi” (Ġw 21:15), imbagħad in-ngħaġ. Jibda minn dawk li huma l-iktar vulnerabbli, l-iktar fil-bżonn. Qed jgħidlu: ibda minn hemm, ħu ħsieb dawn, u “irgħa” tfisser: ara x’għandhom bżonn, agħtihom dak li tassew jeħtieġu fil-ħajja tagħhom biex jimxu fit-triq it-tajba.
Hemm ħaġa oħra li ninnutaw, li meta Ġesù jgħid lil Pietru x’għandu jagħmel, jgħidlu: “Irgħa l-ħrief tiegħi…in-ngħaġ tiegħi”. Li qed jgħidlu huwa: meta inti taħdem man-nies, ma jsirux tiegħek, qisek int qed tippossjedi lin-nies. Jibqgħu ta’ Ġesù. U għalhekk anke l-mod kif aħna naħdmu man-nies u ngħinuhom irid juri li aħna tassew qed naraw li dawn huma ta’ Ġesù, u li nkomplu nħobbuhom bħala nies ta’ Ġesù.
Nitolbu lill-Mulej illum li aħna jkollna dejjem din l-imħabba – l-imħabba li hu għen lil Pietru biex jikber fiha – imħabba li mhix biss sentiment, hija ħafna aktar minn hekk: imħabba li tfisser għotja tagħna. F’kull ħidma li nagħmlu, niftakru li trid tkun l-imħabba lejn Alla li tmexxina u tgħinna biex imbagħad l-imħabba ngħixuha tassew bl-ispirtu ta’ Ġesù.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




