Filming and editing: Miguela Xuereb & Laura Galea; interview: Maria Emma Buhagiar

Dun Jesmond Schembri ġie ordnat qassis tal-Knisja Griega Kattolika. Il-qassis novell li huwa wkoll raġel miżżewweġ, missier, u nannu, irċieva l-ordinazzjoni presbiterali l-Ħadd 8 ta’ Frar minn idejn l-Isqof Benedittin Manuel Nin i Güell, li ftit tal-jiem ilu tħabbar li l-Papa Ljun XIV ħatru bħala l-Eżarka ta’ Grottaferrata.

F’intervista esklussiva ma’ Newsbook Malta stqarr li, filwaqt li f’għajnejn id-dinja tal-Punent hija stramba li raġel miżżewweġ ikun qassis u jista’ jagħti l-każ li ma jidhrux kumplimentari, fir-realtà tal-Lvant din hija xi ħaġa normali.

Dun Jesmond li huwa mis-Siġġiewi, spjega b’mod sabiħ li huwa jqis “il-Knisja Kattolika Rumana bħala l-mamà tiegħi, u l-Knisja Griega Kattolika bħala n-namrata.” Għal 53 sena huwa kien jagħmel parti mill-Knisja Kattolika Rumana, sakemm fl-2019 talab lill-Vatikan biex ikun jista’ jingħaqad fir-Rit Biżantin.

Ir-rit tal-Ordinazzjoni Presbiterali li jsir proprju qabel tintalab l-anafora – it-talba ewkaristika – jinkludi wkoll li d-djaknu jittella’ mill-presbiteri quddiem l-Isqof. F’dan il-mument, Dun Jesmond sellem lill-mara, lit-tfal u l-qraba tiegħu, sa ma mbagħad ddaħħal fis-santwarju fejn iddawwar tliet darbiet madwar l-altar u jbus l-erba’ trufijiet tal-mejda, fl-isfond tal-kant.

Dan wassal għall-mument konsagratorju meta l-Isqof talab fuq Dun Jesmond u ordnah b’rasu fuq l-altar. Huwa mbagħad ġie mlibbes l-abiti sagri, imtellgħin minn wieħed minn uliedu, bl-għajta ta’ Axios – Jistħoqqlu mill-poplu miġbur wara li tiġi ppreżentata kull biċċa mill-ilbies tal-qassis.

Il-qassis novell spjega ma’ Newsbook Malta kif il-Knisja Griega Kattolika f’Malta taf il-bidu tagħha mal-wasla tal-Kavallieri fis-seklu 16, fejn waqqfet tliet parroċċi fil-Birgu. Madanakollu, ir-realtà tagħha dejjem baqgħet żgħira.

Kompla kif it-tradizzjoni tal-Knisja Griega Kattolika tixbah ħafna lil dik tal-Knisja Ortodossa. Fosthom insibu ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, l-abiti sagri u l-ispiritwalità.

Dun Jesmond semma li “f’din ir-realtà nsibu li raġel miżżewweġ jista’ jsir qassis.” Huwa ċċara kif is-sekwenza titlob li l-ewwel, raġel irid ikun miżżewweġ imbagħad jiġi ordnat djaknu u sussegwentement qassis. “Jekk normol, ma nistax nerġa’ niżżewweġ ladarba għandi d-djakonat u l-presbiterat.”

Meta avviċinajt lil tal-familja ma ridux jemmnu

Dun Jesmond Schembri

Il-Knisja Kattolika bħala umbrella ta’ knejjes

Minkejja li l-insara tal-Punent huma iktar familjari mar-Rit Ruman jew Latin, li jiġbor fih 95% tal-Kattoliċi madwar id-dinja, il-5% l-oħra tal-insara jappartjenu għal 23 knisja oħra.

Il-qassis novell spjega kif is-sagramenti jiġu applikati bl-istess mod, u li kwalunkwe Kattoliku jista’ jirrikorri għand saċerdot Kattoliku ta’ liema rit ikun sabiex jirċievi s-sagramenti. Kompla kif saħansitra, is-7 sagramenti mhumiex esklussivi biss għall-Kattoliċi. Dan għaliex il-Knisja Kattolika u dik Ortodossa għandhom ftehim li jagħrfu bħala sagramenti dawk li jingħataw miż-żewġ Knejjes.

“L-iktar ħaġa li tagħmilna kattoliċi hija l-komunjoni bejnietna u mal-Papa,” stqarr. “Għalkemm li bħala 23 knisja għandna tradizzjoni, lingwi, u riti differenti, aħna nagħrfu lil xulxin bħala Knisja Kattolika u għandna l-lealtà lejn il-Papa u nagħrfuh bħala l-Kap tagħna lkoll.”

Kif Jesmond li trabba fil-Knisja Kattolika Rumana sab ruħu f’dik Griega?

Ma’ Newsbook Malta, huwa rrakkonta kif fl-2012 beda jistudja t-Teoloġija – suġġett li kien jinteressah minn dejjem.

Qabel ma studja t-Teoloġija fl-Università ta’ Malta, Dun Jesmond iggradwa bħala social worker fl-1993. Sena wara, flimkien ma’ tliet persuni oħra, waqqaf iċ-Child Protection Unit f’Malta, li dak iż-żmien kien jissejjaħ Social Work Development Programme (SWDP). Bejn l-1997 u l-1999 għamel Masters fl-Ingilterra.

Dun Jesmond li qatta’ ħajtu jaħdem fil-qasam soċjali fosthom ma’ Sedqa, FSWS kif ukoll fil-Ministeru tal-Politika Soċjali, dejjem rabat din il-professjoni mal-fidi Nisranija. Dan wasslu biex studja t-Teoloġija, u matul il-kors wera interess kbir fl-Istorja bikrija tal-Knisja, partikolarment il-Patres – il-Missirijiet tal-Knisja.

Kompla jgħidilna kif waħda mit-teżijiet tiegħu fit-Teoloġija kienet dwar b’liema mod ġie deċiż liema tagħlim kien tajjeb jew le.

“Fil-Ġimgħa Mqaddsa tal-2017 kont rajt nota mill-Knisja Griega Kattolika ta’ Santa Marija ta’ Damasku tal-Belt li kellhom jagħmlu quddiesa bil-Malti. Laqtitni.”

Minħabba li l-Vġili tal-Għid fir-Rit Biżantin issir is-Sibt filgħodu – minħabba fatti storiċi – Dun Jesmond u l-mara tiegħu attendew għall-Vġili.

“Malli dħalt, avolja ma fhimt xejn, kien hemm dan l-ispirtu li ġibidni.” Fosthom semma kif il-knisja li hija mimlija ikoni daħħlitu f’sens ta’ għaqda mal-Knisja kemm tal-art kif ukoll tas-sema. Spjega kif is-sens tal-ikoni jiġi espress partikolarment fil-liturġija li qed issir flimkien max-xirka tal-qaddisin.

Hu qal li l-mod ta’ kif tiġi ċċelebrata l-Liturġija Divina – dik li bħala Latini nsejħulha ‘quddiesa’ – kienet xi ħaġa li qarrbet lil Dun Jesmond ma’ dan ir-Rit li wasslu biex beda jattendi iktar ta’ spiss. “Bdejt nattendi l-Ħdud u bdejt nitgħallem il-Grieg.”

Il-Liturġija Divina hija ċċelebrata bil-Grieg fil-Ħdud filwaqt li matul il-ġimgħa ssir bil-Malti.

Aspett ieħor li ġibed lil Jesmond lejn din it-tradizzjoni huwa s-sens ta’ komunità. Dan għaliex għall-kuntrarju tal-Knisja Latina li tiċċelebra iktar minn quddiesa waħda f’ġurnata, il-Knisja Griega Kattolika tiċċelebra Liturġija Divina waħda. Għaldaqstant, is-sens komunitarju bejn il-fidili huwa amplifikat. Stqarr li kull min jattendi, isir jaf lil dawk li jattendu; tant li jekk xi ħadd jonqos milli jattendi, iħossu li għandhom jistaqsu għalih.

“Meta avviċinajt lil tal-familja ma ridux jemmnu…”

Ma’ Newbsook Malta, Jesmond stqarr li meta avviċina lil tal-familja dwar l-Ordni Sagri, “ma ridux jemmnu. Assolutament.” Kompla li wliedu għadhom kultant jistaqsuh, “imma int se ssir qassis ta’ veru?”

Id-djaknu qal li għall-bidu huwa stess kellu dubju dwar kemm din tista’ ssir; anke jekk kien jaf li l-kappillan tal-Knisja Griega Kattolika, il-Papas Martin Zammit, huwa wkoll raġel miżżewweġ.

Kompla kif il-proċess personali kif ukoll mal-familja kien wieħed twil.

Minkejja li r-Rit Biżantin jippermetti li raġel miżżewweġ jiġi ordnat saċerdot, dan jista’ jseħħ biss jekk il-mara tiegħu taċċetta.

Jesmond spjega li kien hemm uħud li saħansitra staqsew lill-mara tiegħu jekk kienx se jitlaqha ladarba se jiġi ordnat qassis.

Il-fatt li raġel miżżewweġ jista’ jsir qassis, ma jnaqqas xejn mis-sbuħija taċ-ċelibat

U ċ-Ċelibat?

Dun Jesmond saħaq li l-Knisja Kattolika dejjem żammet iċ-ċelibat bħala kariżma importanti ħafna. “Minħabba l-fatt li fit-tradizzjoni [tar-Rit Grieg] jeżistu l-qassisin miżżewġin, normalment ikunu l-qassisin tal-parroċċa li jkunu rġiel miżżewġa. Biss, imbagħad parti importanti mir-realtà Biżantina huma l-monaċi – irġiel ċelibi.”

Kompla li l-monaċi huma tant importanti li l-isqfijiet jintagħżlu minn fosthom.

Dan ifisser li minkejja li t-tradizzjoni Biżantina tagħti lok lill-irġiel miżżewġa sabiex jiġu ordnati qassisin, xorta waħda tqis iċ-ċelibat f’ċerta stima hekk kif huwa sejħa minn Alla.

“Il-fatt li raġel miżżewweġ jista’ jsir qassis, ma jnaqqas xejn mis-sbuħija taċ-ċelibat,” ikkjarifika.

Id-djaknu spjega li sal-ewwel elf sena, fil-Knisja Rumana wkoll kien hemm il-possibilità li raġel miżżewweġ jiġi ordnat. Dan sakemm eventwalment ġiet applikata d-dixxiplina taċ-ċelibat.

Iċ-ċelibat ma jitlobx biss li raġel ma jkunx miżżewweġ, iżda jagħtih ftuħ u disponibbiltà sabiex jingħata b’mod sħiħ u bi mħabba kbira għal kulħadd. Dan juri kemm is-sejħa taċ-ċelibat hija waħda għolja u tiġbor magħha l-għotja totali.

Minħabba li fil-Knisja Latina din id-dixxiplina hija imposta kanonikament, fil-Knejjes Orjentali jista’ jagħti l-każ li s-sens ta’ għotja jidher iktar ċar hekk kif iċ-ċelibat huwa mħaddan minn irġiel li minn rajhom jagħtu l-libertà tagħhom lil Alla u ’l-Knisja.

“Mil-lat prattiku,” spjega, “il-qassis ċelibi huwa disponibbli ħafna iktar minn qassis li jkun miżżewweġ. Dan tal-aħħar għandu wkoll il-mara u t-tfal li jrid jagħtihom il-ħin tagħhom, u allura jaf ikun iktar ristrett minn qassis ċelibi.”

Il-preġju f’li raġel miżżewweġ u jkun ukoll qassis, hija l-familja tista’ sservi bħala appoġġ emozzjonali. Min-naħa l-oħra, il-qassis ċelibi ma jkollux il-piż personali tal-familja li tiddependi minnu, u jkun jista’ jingħata b’mod iktar sħiħ lil Alla u lill-Knisja.

Malli dħalt, avolja ma fhimt xejn, kien hemm dan l-ispirtu li ġibidni.

Il-Knisja twieġeb għall-bżonnijiet tal-poplu fil-kuntest li jinsab fih

Dun Jesmond spjega li l-kelma ‘rit’ tirreferi għall-mod ta’ kif wieħed jiċċelebra xi ħaġa. Qal li 14 minn dawn it-23 knisja sui iuris huma tar-Rit Biżantin, filwaqt li d-9 l-oħra għandhom riti oħrajn. Fosthom insibu l-Maroniti li l-maġġorparti tagħhom jinsab fil-Libanu.

Dan juri b’liema mod il-Knisja twieġeb għall-ħtiġijiet tal-poplu fis-sitwazzjoni tiegħu.

Stqarr li l-kumplikazzjoni fir-Rit Biżantin tibda minħabba l-fatt li apparti li dan ir-rit jintuża minn 14-il Knisja Kattolika, jintuża wkoll mill-Knisja Ortodossa. Dan iwassal biex ħafna nies jitfixklu. Għaldaqstant huwa ċċara li d-differenza ewlenija li hemm fir-rit użat mill-Knisja Griega Kattolika u l-Knisja Ortodossa huwa t-talb għall-Papa, liema talb ma jsirx fil-Knisja Ortodossa.

L-uniċi drabi li fil-Liturġija Divina tal-Ortodossi l-Papa jkun inkluż fil-litanija huwa meta l-Papa nnifsu jkun preżenti għal din il-Liturġija, bħalma kien preżenti l-Papa Ljun XIV fit-Turkija f’Novembru li għadda għal-Liturġija Divina ċċelebrata mill-Patrijarka ta’ Kostantinopli Bartolomew I. Madanakollu, din il-mossa ekumenika xorta waħda tiġi kkontesta minn bosta.

Aspettattivi differenti minn qassis Latin u qassis Biżantin

Għall-mistoqsija dwar jekk is-sejħa ta’ saċerdot tar-Rit Ruman u tar-Rit Grieg hijiex l-istess, Dun Jesmond wieġeb li “hija l-istess sejħa. Is-saċerdot huwa dak li f’isem il-poplu jinterċedi quddiem Alla.”

Għalkemm l-espressjoni tas-sejħa tista’ tkun differenti, hija essenzjalment l-istess fiż-żewġ realtajiet. Dan jidher ċar fis-sagramenti, hekk kif minkejja li wieħed ikun ġej minn tradizzjoni Griega jista’ jirċievi s-sagramenti minn qassis Latin, u viċi-versa.

F’pajjiżi fejn il-maġġoranza tan-nies huma ta’ rit orjentali, l-aspettativi għall-qassis huma differenti ħafna. Huma mdorrijin b’Liturġija Divina darba l-Ħadd, u ma jistennewx li l-qassis iqaddes matul il-ġimgħa. In-nies jistennew mill-qassis li jagħti s-sagramenti biss.

Fir-Rit Latin, il-qassis huwa mistenni li jkun preżenti kważi f’kull attività mhux biss fil-parroċċa iżda wkoll fil-lokalità, li jorganizza l-festa, li jimla formoli neċessarji għaċ-ċittadini, u ħafna affarijiet oħra li mhumiex relatati mal-ħajja sagramentali.

“L-istat tal-persuna jiddetermina wkoll l-aspettattivi. Fir-realtà tiegħi bħala qassis miżżewweġ fid-dinja tal-Punent, l-aspettattiva tan-nies hija differenti milli kieku qed ngħix f’realtà ta’ maġġoranza Orjentali,” spjega Jesmond li għandu wkoll ir-responsabbiltà tal-familja tiegħu.

L-intervista ntemmet b’Dun Jesmond jistqarr li huwa jixtieq li fis-saċerdozju jservi bħala medjatur bejn il-poplu u Alla partikolarment fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni – tal-Qrar.

Source: Newsbook.com.mt