Photo: Vatican Media

Il-Kardinal Mario Grech, Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, stieden lill-Knisja biex “tagħmel kull sforz biex tiżgura li t-tielet fażi tal-proċess sinodali ykun pass ’il quddiem fl-esperjenza u l-għarfien tas-sinodalità”.

It-tħeġġiġa ġejja minn nota ppubblikata għas-60 anniversarju mit-twaqqif tas-Sinodu.

F’ittra li kiteb, il-Kardinal Grech jgħid li l-Papa Franġisku jsejjaħ lis-sinodalità “t-triq ipprivileġġjata biex niksbu l-komunjoni fil-Knisja”.

Dawn is-sentimenti sabu eku wkoll fi Ljun XIV, li fl-Angelus tal-Ħadd li għadda tkellem dwar l-“intuwizzjoni profetika” ta’ San Pawlu VI meta ħoloq is-Sinodu tal-Isqfijiet fl-1965, hekk kif il-Konċilju Vatikan II kien qed joqrob lejn tmiemu.

Il-Papa kien wera t-tama li s-60 anniversarju tas-Sinodu “jispira għal impenn imġedded lejn l-għaqda u l-missjoni tal-Knisja”.

Din it-tama jtenniha l-Kardinal Grech fin-nota tiegħu, f’din it-tielet fażi tal-proċess sinodali li l-Papa Franġisku nieda fl-2021. Il-proċess beda mid-djoċesijiet u l-Knejjes lokali, u inkluda tliet stadji li wasslu għal żewġ sessjonijiet ta’ assemblej fil-Vatikan fl-2023 u l-2024. Dawn il-laqgħat ipproduċew id-Dokument Finali, li l-Kardinal Grech iħeġġeġ lill-Knejjes lokali u l-entitajiet reġjonali fi ħdanhom biex japplikaw il-proposti li hemm fih.

L-intuwizzjoni “profetika” ta’ Pawlu VI

Il-Kardinal Grech jiftaħ in-nota tiegħu billi jagħti titwila lejn l-għeruq tas-Sinodu, ibda mill-ħolqien tas-Sinodu tal-Isqfijiet minn Pawlu VI bil-Motu proprju Apostolica sollicitudo.

Grech jikteb li l-Papa Montini kien beda din l-istituzzjoni fil-Knisja biex “twieġeb għat-talbiet tal-Padri Konċiljari” li jinvolvu l-Kulleġġ tal-Isqfijiet “fil-prerogattiva Petrina tal-attenzjoni għall-Knisja kollha”.

Il-Kardinal ifisser kif Pawlu VI żejjen lill-Knisja b’“istituzzjoni ċentrali li tirrappreżenta l-episkopati kollha, li kapaċi ġġib l-għaqda u l-kollaborazzjoni bejn l-isqfijiet tad-dinja kollha u l-Isqof ta’ Ruma” u “tassistih bil-pariri” fuq kwistjonijiet ta’ importanza deċiżiva għall-Poplu ta’ Alla.

Tiġdid tal-ħajja ekkleżjali

Sa mill-1965, iltaqgħu 16-il Assemblea Ġenerali Ordinarja, 3 Straordinarja, u 11 Speċjali. 

Il-Kardinal Grech fisser li l-Papiet kollha mill-Konċilju ’l hawn aċċettaw il-proposti jew dokumenti finali li fforumulaw id-diversi Assemblej u użawhom biex jipproduċu eżortazzjonijiet post-sinodali miktuba għall-Knisja, dokumenti li “kkontribwew mhux ftit għat-tiġdid tal-ħajja ekkleżjali”.

It-trasformazzjoni tal-Papa Franġisku

Imma matul dawn is-60 sena, is-Sinodu tal-Isqfijiet għadda wkoll minn “evoluzzjoni sinifikanti”, jinnota l-Kardinal Grech. Dan grazzi għal kull Papa, u b’mod partikulari għal Franġisku, li “ried jibdel is-Sinodu minn ġrajja riservata għall-assemblea tal-isqfijiet għal proċess fi stadji, fejn il-Knisja kollha jkollha sehem”.

Dan irriżulta fl-ewwel fażi ta’ konsultazzjoni mal-Poplu ta’ Alla, imbagħad diversi stadji ta’ “dixxerniment” mill-Konferenzi Episkopali, l-Assemblej Kontinentali, u l-Assemblej Ġenerali Ordinarji, li saru f’Ruma f’Ottubru 2023 u 2024. 

Il-Papa Franġisku kien diġà ta sinjal ta’ din il-bidla f’Ottubru 2015, fid-diskors tiegħu għall-50 anniversarju mit-twaqqif tas-Sinodu tal-Isqfijiet, fl-Awla Pawlu VI. Hemm, jikteb il-Kardinal, hu wera x’kienu “t-termini tat-trasformazzjoni tas-Sinodu minn ġrajja għal proċess”. 

Dan jitlob is-smigħ “reċiproku” li fih “kulħadd għandu x’jitgħallem”, ikompli jgħid Grech: mill-poplu, għall-Kulleġġ tal-Isqfijiet, sal-Isqof ta’ Ruma. “Kull persuna tisma’ lill-oħra; u kulħadd jisma’ lill-Ispirtu s-Santu”, jisħaq, waqt li jżid li kliem il-Papa mbagħad nebbaħ il-Kostituzzjoni appostolika Episcopalis communio, promulgata seba’ snin ilu, fil-15 ta’ Settembru 2018.

Triq ipprivileġġjata għall-komunjoni

Il-Kardinal Grech jisħaq li l-esperjenza tal-aħħar snin turina li “t-taħriġ tas-sinodalità hu triq ipprivileġġajta biex naslu għall-komunjoni fil-Knisja”.

“Doqna l-ġmiel u l-qawwa ta’ dan il-proċess matul l-ewwel żewġ fażijiet tas-XVI-il Assemblea Ġenerali Ordinarja, fejn tajna widen għal dak li l-Ispirtu kien qed jgħid lill-Knisja, billi tgħallimna nagħtu widen għal xulxin”, jisħaq.

Dan kien “vjaġġ eċċitanti”, immarkat minn stadji ta’ “dixxerniment ekkleżjali” u ssiġillat mit-tfassil u l-votazzjoni fuq id-Dokument Finali, li l-Papa Franġisku “approva immedjatament, u ġie mqassam lill-Knisja bħala parti mill-Maġisteru ordinarju”.

Meta jiftakar f’dawn il-ġrajjiet, il-Kardinal Segretarju tas-Sinodu jħoss li dan hu “ferħ kbir għas-Segretarjat Ġenerali tas-Sinodu”. Fl-istess waqt, hu “stedina biex nagħmlu kull sforz biex it-tielet fażi tal-proċess sinodali tkun pass ieħor ’il quddiem fl-esperjenza u l-għarfien tas-sinodalità”.

Source: Newsbook.com.mt

Article written by Francesco Pio Attard